Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 19590?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sal-31 ta' Lulju 2000, il-bilanċ dovut lill-Korporazzjoni Enemalta għall-ħlas ta' l-elettriku kien jammonta għal Lm26,121,993.
Minn dan l-ammont, is-settur domestiku u klijenti kummerċjali żgħar kellhom jagħtu Lm13,231,803, li minnhom Lm5,599,114 huma marbuta ma' kontijiet kurrenti.
Is-settur kummerċjali għandu jagħti s-somma ta' Lm3,054,721 li minnhom Lm557,790 huma relatati mal-kontijiet kurrenti.
Fil-preżent l-Enemalta ma għandhiex fis-sistema tar-rekords tagħha n-numru ta' residenti u stabbilimenti kummerċjali li huma lura fil-ħlas. Meta wieħed jiftakar li llum in-numru ta' klijenti jlaħħaq madwar 227,000 żgur li fil-futur irid jinstab mezz ta' ġbir aħjar minn dak preżenti.
Is-sistema magħrufa bħala 'pre-payment metering' illum titħaddem f'diversi pajjiżi u hi aċċettata anke bħala mezz ta' kif wieħed jirregolarizza l-konsum peress li jkun qiegħed iħallas waqt li jkun qed juża l-elettriku.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex bozza li hemm quddiem bieb numru 16 fi Triq San Trofinu f'Tas-Sliema issirilha l-manutenzzjoni meħtieġa peress li din qed ikollha diversi ħsarat kontinwi kif wkoll konsegwenza t'hekk qed tinqata' ta' spiss?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li zona mdaqqsa mill-qasam tad-djar ta' Ta' Ġiorni ilha mingħajr is-servizz ta' ilma għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat?
Jista' jieħu l-passi biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis possibbli peress li qiegħed jinħoloq inkonvenjent kontinwu lir-residenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mill-informazzjoni li għandi ma jirriżultax li f'Ta' Ġiorni hemm xi zona li damet mingħajr is-servizz ta' l-ilma għal tlitt ġimgħat.
Tajjeb jingħad li ftit taż-żmien ilu żviluppa difett tekniku fil-valve awtimatiku li jikkontrolla l-pressa ta' l-ilma f'Ta Ġiorni. B'konsegwenza ta' dan ġiet effettwata l-pressa ta' l-ilma fl-għola post f'Ta Ġiorni għal xi perjodu qasir matul dik il-ġurnata.
Sakemm jaslu l-partijiet meħtieġa biex jissewwa dan il-valve, il-pressa ta' l-ilma qed tkun kontrollata manwalment. B'hekk l-inkonvenjent tar-residenti ta' dawn l-inħawi qed jittaffa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jsir street lighting quddiem Entrance E, Binja 21.9.64, Ta' Żwejt minħabba fid-dlam li hemm kif wkoll minħabba serqiet minn karozzi privati li ġew irrapportati dan l-aħħar?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa, u jekk ikun il-każ, tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li applikat għal servizz ġdid ta' main (meter) ta' l-ilma mingħand il-WSC għall-ħabta ta' Frar 1998, intbagħtlu l-kont tas-servizz u xogħol indikat meta f'dak iż-żmien dan is-servizz kien jingħata b'xejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-persuna li għaliha qed issir riferenza irċeviet il-kont tas-servizz skond l-Avviż Legali numru 58 ta' l-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa s'issa proġett ta' l-istreet lighting tal-Coast Line?
Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li dan il-proġett ikun kompletament lest?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s'issa intefqet is-somma ta' Lm25,147 bħala spejjeż diretti konnessi ma' dan il-proġett. Hu maħsub li dan ikun lest matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa s-suppliment li ġie ppubblikat fl-okkażjoni ta' l-Expo 2000 li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament minn din il-mistoqsija?
Jista' jgħid ukoll kemm ġew imħallsa flus biex l-istess suppliment ġie ppubblikat fil-ġurnal "Bild on Sunday"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-METCO ma kinetx involuta fil-pubblikazzjoni tas-suppliment fil-ġurnal 'Bild on Sunday'.
Ma sar ebda ħlas għall-artikli li deheru fl-'Expo Journal' u 'Expo News'. Dawn l-artikli kienu servizz mogħti mill-awtoritajiet ta' l-EXPO lill-pajjiżi parteċipanti matul il-perjodu tal-Jum Nazzjonali tal-pajjiż.
Jista’ l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet ittieħdu mill-Malta Shipbuilding Co Ltd dwar l-abbużi li saru fil-konfront ta' l-impjegat li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Dwar xiex instab ħati?
X'passi ttieħdu kontra tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul din is-sena l-persuna li għaliha qed issir riferenza instabet ħatja mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Malta Shipbuilding f'ħames okkażjonijiet.
F'żewġ okkażjonijiet kien ġie sospiż erba' sigħat kull darba, skond il-provvedimenti tal-Kodiċi ta' Dixxiplina tal-Kumpanija, minħabba li kull darba irraporta tard għax-xogħol f'erba' okkażjonijiet f'perjodu ta' ġimgħatejn. F'żewġ okkażjonijiet oħra, huwa deher quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kumpanija akkużat li meta rraporta marid ma ġiex ċertifikat tali mit-tabib tal-Kumpanija. L-ewwel darba ingħata twissija bil-miktub, waqt li t-tieni darba ġie sospiż mix-xogħol għal tlitt ijiem. L-aħħar darba li din il-persuna dehret quddiem il-Bord tad-Dixxiplina, kien f'Lulju li għadda meta kien akkużat, u nstab ħati, li abbuża ripetutament mis-sick leave u li naqas milli jinforma lill-Kumpanija bil-bdil ta' l-indirizz tiegħu. Dwar din l-akkuża huwa kien sospiż għal sitt xhur.
Tajjeb jingħad li fl-1993 l-impjieg ta' din il-persuna kien ġie itterminat minħabba li ripetutament assenta ruħu mix-xogħol mingħajr ma kien awtorizzat jagħmel dan. Din id-deċiżjoni kienet ġiet irtirata wara li kienet saret talba għal klemenza mill-General Workers' Union.
Jista’ l-Ministru jgħid x'ammont ta' fondi għadu dovut lill-Air Malta mill-awtoritajiet Libjani?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li qed isir kull sforz biex jingħalqu l-kontijiet li l-awtoritajiet Libjani għandhom pendenti ma' l-Air Malta, ma jidhirlix li f'dan l-istadju għandi nidħol f'iżjed dettalji dwar dan is-suġġett.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-ftuħ ta' l-Uffiċju Kummerċjali tal-Metco fil-Libja f'Awissu ta' din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-uffiċju kummerċjali tal-METCO fil-Libya għandu l-għan li jgħin lill-azjendi Maltin ikattru l-kummerċ tagħhom f'dan is-suq. Peress li l-uffiċju ilu miftuħ għal perjodu relattivament qasir, għadu kmieni biex wieħed ikejjel l-eżitu tiegħu. Madanakollu huwa previst li fix-xhur li ġejjin dan l-uffiċju ser ikollu rwol importanti billi jipprovdi għajnuna lill-azjendi Maltin interessati f'dan is-suq.
Jista’ l-Ministru jgħid ma' liema ċentri nazzjonali tal-kummerċ barrani ta' pajjiżi oħra għandhom programm ta' ko-operazzjoni il-Metco?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-METCO iffirmat ftehim ma' dawn iċ-ċentri tal-kummerċ barrani
a. Centre for the Promotion of Exports (CEPEX) tat-Tuneżija.
b. Istituto Nazionale per il Commercio Estero (ICE) ta' l-Italja.
c. The Egyptian International Trade Point (EITP) u Ministry of Trade and Supply ta' l-Eġittu
d. The Alexandria Chambr of Commerce (Egypt) ta' l-Eġittu wkoll u
e. The General Federation for the Chambers of Commerce, Industry and Agriculture in the Great Jamahiriya tal-Libja.
Jista' l-Ministru jara li tiddawwal aħjar Imtarfa Road u l-parti ta' Imtarfa Road f'St David Road? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li Triq l-Imtarfa hija mdawwla adekwatament. Ix-xogħol fi Triq San David inbeda u billi dan ix-xogħol huwa estensiv, mistenni jitlesta matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ghall-Expo 2000 fil-Ġermanja, l-Gvern Malti kien se jieħu l-orkestra tal-Manoel jew l-orkestra nazzjonali?
Jekk fl-affermativ, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li dawn ma għamlux din iż-żjara?
Jistax ukoll jikkonferma li minflok dawn l-Orkestri ittellgħu l-Ġermanja numru ta' bandisti biex jifformaw brass band?
Jekk fl-affermativ: Min kienu dawn il-bandisti? Fuq liema kriterju ntgħażlu? Kemm għamlu ġranet fil-Ġermanja? Kemm tħallsu tas-servizz? Kemm kienu jammontaw l-ispejjeż tas-safar, ikel u akkomodazzjoni? Ingħataw xi allowances oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-għażla ta' l-orkestra kienet marbuta mat-tip ta' kunċert li kellu jingħata fil-Jum Nazzjonali. Għalhekk intgħażlet orkestra filrmonika li tikkumplimenta is-soprano ta' dan il-kunċert.
Barra mill-kunċert filarmoniku, li sar filgħaxija, fl-EXPO Konerthaus, kellu jittella' programm kulturali fuq l-EXPO Plaza Stage bħala parti miċ-ċerimonja formali ta' filgħodu, kif ukoll parteċipazzjoni kulturali waqt okkażjonijiet oħra matul il-perjodu taċ-ċelebrazzjonijiet. Għal dan il-għan intgħażlu l-Grupp Zeffiena ta' Daphne Lungaro u l-Versatile Brass Ensamble.
Il-Versatile Brass Ensamble ingħatat kuntratt għas-somma ta' Lm1,500 biex iddoqq fl-EXPO fuq perjodu ta' tlitt ijiem bejn it-13 u s-16 ta' Settembru, 2000. Il-Grupp kien magħmul minn disa' persuni u dawn ma tħallsu ebda allowance oħra għajr l-ammont imsemmi.
Peress li l-Air Malta ġarret il-Grupp lejn Hannover u lura bla ħlas, l-uniċi spejjeż oħra kienu jammontaw għal Lm613 għall-akkomodazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tas-86 prodott li għolew, ta' l-20 prodott li roħsu u l-223 prodott li ma għolewx skond mistoqsija parlamentari numru 20022?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-breakdown tal-prodotti li l-prezz tagħhom għola, raħas jew baqa' kif kien bejn Settembru 1998 u Settembru 2000 huwa kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jsiru ATMs fiċ-ċentru ta' l-Imtarfa? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi mgħoddi lill-banek kummrċjali li fih il-Gvern għandu ishma.
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru jagħmel l-istess suġġeriment lill-banek kummerċjali l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju tal-periklu li hemm għal xi residenti li joqogħdu biswit ir-roundabout li hemm fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, ftit 'l isfel mill-health centre? Jaf li l-periklu qed jirriżulta mill-fatt li din ir-roundabout m'għandhiex dawl jew markings li fi dlam minn speċjalment mhux midħla tat-triq jinduna li hemm roundabout, u b'konsegwenza s-sewwieqa, jiġbdu għan-naħa tal-bankina fejn ikun hemm in-nies? X'inhuwa ppjanat li jsir? Meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jkunu l-kontijiet pendenti u spejjeż konnessi li mhux se jilħqu jkunu mħallsa sa tmien din is-sena?
Fis-supplementary estimates kemm huwa stmat li se jkun l-ammont meħtieġ biex ikopri ammonti mhux koperti fl-estimi għas-sena 2000?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalma normalment isir, il-Ministeru qed jagħmel kull sforz biex ma jitħallewx kontijiet pendenti għas-sena d-dieħla.
Jiena nfurmat li bħalissa qed isir l-ikkuntjar neċessarju biex wieħed jasal għall-figuri totali li fuqhom eventwalment jiġi deċiż jekk jew kemm ikun hemm bżonn fondi supplimentari fil-voti tal-Ministeru. Iżda jiena nfurmat ukoll li stimi tat-tip mitluba mill-Onorevoli Interpellant jistgħu ivarjaw sostanzjalment bejn issa u l-għeluq tas-sena finanzjarja, u għalhekk ma narax l-utilita' li jingħataw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li daħlu mat-Tug Malta mill-1 ta' Jannar 'il hawn xahar b'xahar?
Jista' jgħid għal-liema impjieg daħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul din is-sena, sal-25 ta' Ottubru, ġew impjegati disa' persuni mat-Tug Malta. Dawn ġew impjegati fil-gradi u matul ix-xhur li ġejjin:
Fi Frar Fleet Operations Manager
F'April Technical Co-Ordinator
F'Awissu Żewġ Assistant Marine Fitters, tlitt Bosun u Trainee Deckhand
F'Settembru Messaġġier/Xufier