Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera — ADT

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ADT hux se tagħti permess lill-għaqda tal-kumitat festi esterni Santa Venera sabiex jinħaraq in-nar ta' l-ajru minn fuq il-mini ta' Triq Reġjonali, Santa Venera minħabba li din is-sena se jiġi ċċelebrat il-ftuħ tal-knisja l-ġdida f'din il-parroċċa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Ordinanza dwar Regolament tat-Traffiku, kapitlu 65, klawżola 52 (2), l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għandha dritt tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-użu ta' triq minn vetturi bil-mutur fuq bażi temporanja għal skopijiet relatati ma' xogħlijiet fit-toroq biss. Permessi għal attivitajiet oħra ma jinħarġux minn din l-Awtorita'. Madanakollu l-ADT qegħda teżamina l-proposti ta' traffic management alternattiv sabiex tinstab soluzzjoni għal mod kif il-Parroċċa ta' Sta Venera tkun tista' tiċċelebra l-festi tal-knisja kif jixraq.

Ħal Farruġ — Triq Ħal Qormi

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra t-tħawwil ta' siġar u xtieli fil-proġett ta' Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ - liema siġar mhumiex inklużi fil-pjanta ta' dan il-proġett - sabiex inaqqsu l-impatt tat-tinġis fuq ir-residenti ta' din it-triq ikkawżat mit-traffiku li hemm f'din iz-zona?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita’ tat-Trasport qed tagħmel eżerċizzju ta’ ppjanar ta’ landscaping tul ir-rotta tat-triq li ser tkun mibnija mill-ġdid mill-fondi tal-Protokoll Taljan. Dan l-eżerċizzju beda permezz tal-identifikazzjoni ta’ żoni li jistgħu ikunu tajba għat-tħawwil ta’ pjanti u siġar bħall-junctions u verges f’bankini wesgħin, u jibqa' sejjer sat-tħawwil tal-istess pjanti u l-implimentazzjoni neċessarja ta’ irrigation systems għat-tisqija. Fost dawn ir-rotot li qed jiġu imħarsa taħt l-eżerċizju in kwistjoni, hemm anke t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpllenat, li minn Ħal Qormi twassal sa Ħal Luqa.

Ħal-Lija

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12478 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jindaga jekk tistax tiġi rranġata l-bankina madwar iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

European Spatial Development Perspective

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12330 u 12464 u jgħid liema huma l-erba' programmi ta' l-Unjoni Ewropea li l-ministeru hu impenjat fihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ghall-Izvilupp Urban u Toroq qed jippartecipa f'dawn li gejjin; PAGUS /Interreg IIIc Interreg FP6 Transitional facilities Barra minn hekk, fuq skala ohra Malta qed tircivi finanzjar ghal progetti kapitali ghat-toroq mill-ERDF u 'Cohesion Funds'.

Chadwick Lakes — Aċċess għall-għelieqi

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex l-aċċess għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes baqa' magħluq u ma jistgħux jidħlu għall-għelieqi tagħhom min-naħa tal-Mosta imma jridu jmorru jduru mar-roundabout ta' l-Imtarfa min-naħa taċ-ċimiterju tas-suldati? Jista' jara li tiġi riżolta din il-problema ta' moħqrija żejda għall-bdiewa, barra spejjeż żejda u ħin mitluf?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Imtarfa bypass

Question

Jista' il-Ministru jara li jitkomplew ix-xogħlijiet fil-bypass ta' l-Imtarfa, u cioe' fil-parti l-oħra tal-bypass? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Imtarfa bypass

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li l-Imtarfa bypass tiddawwal kollha, inkluż il-parti ta' fejn fil-preżent għaddej ix-xogħol fuq il-parti ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' l-Ingliżi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Dingli/Rabat

Question

Jista' il-Ministru jinkludi fix-xogħlijiet immedjati tal-ministeru l-manutenzjoni u l-għoti tat-tarmac tat-triq minn Ħad-Dingli għar-Rabat? Fil-fatt jista' jinformana meta se jibdew ix-xogħlijiet kif ukoll x'se jinvolvu dawn ix-xogħlijiet u kemm huwa stmat li jiswew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-Water Services Corporation għandha applikazzjoni biex tibdel il-mains ta' l-ilma. Wara li jsiru x-xogħolijiet, il-WSC ser tagħmel ir-reinstatement neċessarju.

Karozzi duty free

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn karozzi li huma duty free? Jista' jgħid jekk l-ittri fil-plate "TF" ifissrux li karozza hija duty free?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jekk l-Onorevoli Interpellant bil kliem “duty free” jrid ifisser “bla dazju” mħallas lid-Dwana, hu għandu jirreferi din ir-rikjesta lill-Ministeru kkoncernat. Ninforma lill Onor. Interpellant li n-numru ta’ vetturi li għandhom pjanċa “TF” maħruġa mill-ADT, jlaħħaq l-elfejn disa mija tlieta u ħamsin (2953). L-ittri “TF” mhux bilfors jfissru li dik il-vettura ma ħallsitx dazju doganali (duty free) imma jistgħu jfissru wkoll li dik il-vettura hi, jew eżentata li tħallas taxxa tar-reġistrazzjoni jew li hi eżentata parzjalment li tħallas taxxa tar-reġistrazzjoni.

Karozzi duty free

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu intitolat għal karozza duty free? X'inhuma l-kriterji sabiex wieħed ikun jista' jibbenefika minn dan it-tnaqqis? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' applikazzjoni (jekk teżisti) sabiex wieħed ikun jista' japplika sabiex jibbenefika minn dan it-tnaqqis?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll returned migrants li jkunu jridu idaħħlu fil-pajjiż vettura li l-oriġini tagħha hi minn pajjiż li mhux fl-Unjoni Ewropea, huma intitolati għal duty free jiġifieri għal tnaqqis ta' dazju impost mid-Dwana. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li l-Ministeru tal-Finanzi jista' jawtorizza eżenzjoni ta' ħlas ta' dazju tad-Dwana skond il-kriterji stabbiliti minnhom. Qabel ma' ssir applikazzjoni ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport minn dawn il-kategoriji ta' nies, persuni bi bżonnijiet speċjali għandhom bżonn ta' eżenzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi. Returned migrants jridu jiġu klassifikati f'din il-kategorija millAwtoritajiet tad-Dwana. Dawn għanhom jipproduċu evidenza lill-ADT li kienu jgħixu barra minn Malta għall-għaxar snin. L-ADT m'għandha l-ebda formola apposta għal dan il-għan. Kull applikant ikun diġa' beda l-proċess ma' entitajiet oħra governattivi għal din it-tip ta' eżenzjoni. Il-persuna kkonċernata għandha tagħmel applikazzjoni bil-kitba lill-Awtorita' fejn tippreżenta id-dokumentazzjoni kollha.

Awtorita' tat-trasport — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12488 u jgħid peress li f'risposti parlamentari l-Ministru jgħid li ċerti toroq jinbnew skond il-prioritajiet li joħoġu mill-programm imħejji mill-awtorita' tat-trasport għas-sena 2005/6, jista' jagħti lista ta' prioritajiet għat-toroq fil-Birgu, Bormla, Kalkara, Ħaż-Żabbar, -Fgura, Xgħajra u l-Isla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10638 rigward il-lista ta' prijoritajiet għat-toroq fil-Birgu, f'Bormla, fil-Kalkara, f'Ħaż-Żabbar, fil-Fgura, fix-Xagħjra u fl-Isla għas-sena 2005. Il-lista għas-sena 2006 għadha qed tinġabar u tiġi verifikata mill-Awtorita' dwar it-Trasport.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux ser jsiru xi toroq fis-snin 2005 u 2006 u liema huma f'Bormla, Birgu, Kalkara, Fgura, Xgħajra, Żabbar u Senglea separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10638.

Parking areas għal persuni b'diżabilita'

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12093 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' parking places li għandhom allokati għall-persuni b'diżabilita' il-kunsilli lokali ta' Malta? Tista' tagħtina breakdown tagħhom, lokal lokal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fuq statistka miżmuma mid-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, mill-1998 l'hawn, in-numru ta' parkeġġi għal persuni b'diżabilita f'Malta ilaħħaq għall-breakdown skond il-lokalita' u huma mogħtija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.

Għawdex — Parking places għal persuni b'diżabilita'

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12092 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' parking places li hemm fil-gżira ta' Għawdex għal persuni b'diżabilita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fuq statistka miżmuma mid-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, mill-1998 l'hawn, in-numru ta' parkeġġi għal persuni b'diżabilita f'Għawdex ilaħħaq għall-breakdown skond il-lokalita' u klassifikazzjoni oħra mogħtija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.

Santa Venera — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema toroq kienu asfaltati f'Santa Venera mill-1994 sa l-aħħar ta' Marzu 2005?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tiitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.

Raħal Ġdid — Triq ix-Xewk

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12335 u jgħid xi żviluppi saru mill-mistoqsija parlamentari 10426 - seduta 232?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

San Ġwann — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn hemm dan id-dewmien kollu biex l-ADT tipproċċessa t-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġwann biex isiru l-pelican lights maġenb l-iskola fi Vjal Rihan, Naxxar Road? Jista' il-Ministru jara li jsiru dawn il-pelican lights minħabba l-periklu li hemm għat-tfal u l-ġenituri li jkunu jridu jaqsmu għall-iskola?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Dipartiment tal-liċenzji

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12059 dwar queues fid-dipartiment tal-liċenzji fl-awtorita' dwar it-trasport, jista' il-Ministru jgħid jekk il-miżuri li ħadet l-awtorita' ġewx introdotti wkoll fl-uffiċċju ta' Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċju tal-Liċenzji f'Għawdex jaqa' taħt it-tmexxija amministrattiva tal-Ministeru għal Għawdex u kull miżura biex tiżdied l-effiċjenza f'dan l-uffiċju hija responsabbilta ta' l-istess Ministeru.
Leg 10 PQ #12453 Sitting 270 2005-05-23 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Ħaż-Żabbar — Triq ta' ħdejn il-Mina ta' Hompesch

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijet parlamentari 10949 u dik ta' l-aħħar 12280, peress li jien informat li fil-11 ta' Mejju 2005 fl-10.00 a.m. la sar patching u lanqas sar tindif tal-culverts mill-11 ta' Frar, 2005 sal-lum, jista' il-Ministru jitlob spjegazzjoni dettaljata ta' meta sar ix-xogħol indikat għat-tweġiba lil domanda 10949 (seduta 244 tat-2 ta' Marzu 2005), min għamel dak ix-xogħol, meta sar u kemm dam ix-xogħol biex tlesta? Kemm kienet l-ispiża biex sar ix-xogħol li qed jiġi allegat li sar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Network infrastructure directorate — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sur Semar li ġie maħtur direttur tad-direttorat tan-network infrastructure għadux impjegat tal-kumpannija Ġermaniża tal-konsulenza GTZ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Għalkemm Dr. Semar ġie maħtur bħala Direttur tad-Direttorat tan-network infrastucture, Dr. Semar għadu imjegat tal-GTZ u għaldaqstant Dr.Semar huwa mħallas mill-istess kumpanija. L-ADT ma tħallasx lil Dr. Semar. L-arranġament huwa nkluż bħala parti mill-kuntratt revedut mall-GTZ hekk kif ġie emendat.