Legislature:
Category:
Reset
Active:

Scholarship Schemes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema scholarship schemes se joħorġu din is-sena, meta se joħorġu u x’inhuma r-rekwiżiti għal kull scholarship?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riżultati miksuba mill-Istudenti Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ir-riżultati miksuba mill-istudenti Maltin fl-aħħar eżerċizzju tal-PISA, TIMMS u PIRLS jindikawx li jattendu skejjel żgħar tal-Istat f'Malta u f'Għawdex, kif ukoll skejjel tal-Knisja u skejjel indipendenti, fejn ġeneralment hemm prattika ta’ sistema ta’ klassijiet ta’ studenti b’abbiltajiet mħallta, marrux tajjeb, aħjar jew agħar mil-average tar-riżultati miksuba mill-istudenti Maltin kollha f’kull livell u suġġett partikulari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-natura tas-sampling frame ta’ dawn l-istudji internazzjonali msemmija hi tali li ma tippermettix li joħorġu riżultati fuq bażi ta’ skola individwali iżda, meta Malta ħadet sehem kien ġie mitlub biex l-istudji jfittxu għal differenzi u jagħtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta’ gender tal-istudenti.

KMS — spazju tar-reklamar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkunsidra sabiex jieħu mingħand l-ASA l-ispazju tar-reklamar li jinsab mad-dawra fuq ġewwa tal-Pixxina Nazzjonali kif ukoll il-Bar u l-Cafeteria li jinsabu fil-bini tal-istess pixxina?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi bħalissa ma teżisti l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-ASA u l-Kunsill Malti għall-iSport fir-rigward ta’ reklamar li jinsab mad-dawra fuq ġewwa tal-Pixxina Nazzjonali kif ukoll il-Bar u l-Cafeteria li jinsabu fil-bini tal-istess pixxina. Il-Kunsill Malti għall-iSport m’għandu l-ebda obbligu li jippermetti l-użu ta’ spazji ta’ reklamar u l-użu tal-Bar u l-Cafeteria, mill-ASA, jew minn kwalunkwe għaqda sportiva oħra li tagħmel użu mill-faċilitajiet tal-pixxina nazzjonali.

Faċilitajiet Sportivi — Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar artijiet li bħalissa hemm faċilitajiet sportivi li qed jintużaw minn diversi klabbs u għaqdiet sportivi b'rabta ma' kirjiet jew ċnus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent il-Gvern qed jiġbor l-informazzjoni tal-kirjiet u ċnus dovuti mill-għaqdiet sportivi sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni għaż-żewġ partijiet.

Attività Ġieħ l-Isportiv — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispejjeż tal-attività "Ġieħ l-Isportiv" li saret ftit tal-ġimgħat ilu? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu f'din l-attività kif ukoll liema kienu l-għaqdiet sportivi li ġew mistiedna għal din l-attività?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-attività “Ġieħ l-Isportiv 2014”. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għaqdiet sportivi mistiedna kienu dawk biss li kienu qegħdin jirrappreżentaw il-finalisti f’xi waħda mill-kategoriji.

Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali — rapport

Question

B'referenza għar-rapport li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kien indikat li kien hemm xogħol li ried isir fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali, jista' l-Ministru jgħid s'issa liema xogħol sar mir-rapport indikat u kemm kienet l-ispiża s'issa? Jista' jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol indikat fl-istess rapport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — Diretturi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet jew impjiegi ġodda fi grad ta' Direttur fl-MCAST matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn April tas-sena 2013 kien hemm erba` promozzjonijiet ġewwa l-MCAST fil-grad ta’ Direttur. Ma kienx hemm impjiegi ġodda f’dan il-grad.

MCAST – Sejħa għall-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għal Diretturi kienux miftuħa għall-impjegati tal-MCAST biss jew kinux miftuħa għal kulħadd?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-MCAST taddotta policy fejn l-ewwel tinħareġ sejħa interna għall-postijiet vakanti. Jekk wara dan il-proċess intern, l-ebda kandidat ma jgħaddi mill-proċess tal-għażla, imbagħad tinħareġ sejħa pubblika.

MCAST – Ingaġġ ta’ Diretturi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema dipartiment/i jew Istitut/i tal-MCAST kienu ngaġġati d-Diretturi l-ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-persuni li nħatru fil-grad ta' Direttur qegħdin fl-istituti/dipartimenti tal-MCAST kif se nsemmi: Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ Istitut tat-Teknoloġija tal-Informatika u Komunikazzjoni Dipartiment għar-Riżorsi Umani Partnership Office

ETC – emails b’firem miktuba bl-aħmar

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni għaliex il-firem fuq e-mails tal-uffiċjali tal-Employment and Training Corporation ġie innutat li qed isiru bil-kulur aħmar? Jista’ jgħid minn min ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni issa ġiet revokata. Infurmat li dik kienet deċiżjoni tal-eks Chairman li, skont hu, bħala parti minn eżerċizzju ta’ rebranding intenzjonat biex tissaħħaħ il-corporate image tal-istess Korporazzjoni, kien ġie deċiż li dan ir-rebranding kellu jinkludi fih il-kulur oriġinali tal-logo tal-ETC, jiġifieri l-aħmar li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Id-deċiżjoni, li kienet tinkludi l-firem fuq e-mails, kienet komunikata lill-ħaddiema kollha tal-ETC f'Jannar li għadda.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li ngħataw lill-individwu indikat mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej:- Tabella 'A' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Tabella 'B' - Kunsill Malti għall-iSport

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – rwol ta’ individwu

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8789, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament kellux xi rwol konness mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-11 ta’ Marzu 2013 ‘il quddiem, igħid ingħatax xi ħlasijiet tar-rwol tiegħu u jispeċifika kemm huma dawn il-ħlasijiet/remunerazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament kellu rwol konness mar-riforma fl-isport u ta’ dan l-irwol l-individwu ma ħa l-ebda ħlas/remunerazzjoni.

Home tuition – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kien li wassal sabiex il-home tuition tal-istudenta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament twaqqaf? X'miżuri alternattivi ttieħdu f'dan il-każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-Home Tuition fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-iStudent m’għandu l-ebda ċertifikat mingħand ebda Konsulent li jgħid li l-istudenta li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ma tistax tattendi l-iskola. Għalhekk il-Home Tuition ma ġiex imġedded. Il-każ qiegħed f’idejn is- Social Worker tal-Kulleġġ.

Master It — Scholarship

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad l-informazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li minnha jirriżulta li fl-2013 ingħataw 35 scholarship taħt l-iskema tal-M.G.S.S. filwaqt li ngħataw 330 taħt l-Iskema Master It? Għaliex din id-diskrepanza bejn iż-żewġ skemi? X’ammont ta’ flus kien ivvotat għal kull skema? Għaliex l-ebda scholarship ma ngħata fil-management?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-figuri kkwotati minnu f'din il-mistoqsija mhumiex korretti. Fil-fatt, l-għadd ta' boroż ta' studju taħt l-iskema tal-MGSS kien ta' 80 u mhux 35. Barra minn hekk, b'kollox ingħataw 84 scholarship fil-qasam tal-management. L-informazzjoni sħiħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal bid-dyslexia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-aħħar figuri approssimattivi ta’ kemm hawn tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji li jbatu bid-dyslexia u kemm huwa maħsub li hawn b’kollox meta tqis u tgħodd, dawk li għad ma jafux li għandhom din il-kundizzjoni? Jista’ jagħti rendikont ta’ x’qed isir fil-qasam tal-edukazzjoni biex dawn it-tfal jiġu misjuba li jbatu minn din il-kundizzjoni? X’qiegħed jagħmel s’issa d-dipartiment biex dawn jiġu megħjuna fl-edukazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-figuri approssimattivi ta’ tfal li jbatu bid-dyslexia, skont in-numri ta’ dawk li ġew referuti l-SpLD Service (servizz fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu tad-Direttorat tal-Edukazzjoni), huma 420 fl-iskejjel primarji u 1650 fl-iskejjel sekondarji. Riċerki internazzjonali juru li madwar 10% ibatu minn din il-kundizzjoni. Fil-qasam tal-edukazzjoni jsiru laqgħat mal-Għalliema, Kapijiet tal-iSkejjel u Prinċipali sabiex ikun hemm aktar għarfien tal-kundizzjoni. Kull sena jsir kors għall-ġenituri u kors għall-għalliema. Fl-aħħar tas-sena skolastika jsir InService Training. Matul is-sena jsiru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ wara l-ħin tal-iskola biex l-għalliema jkunu jafu aktar dwar l-istrateġiji li jgħinu l-istudenti bid-dyslexia jitgħallmu aħjar. Id-Direttorat għandu wkoll librerija speċjalizzata minn fejn it-tfal u l-ġenituri jistgħu jissellfu kotba li huma adattati għall-bżonnijiet tagħhom.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li ngħataw lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej:- Tabella 'A' - MCAST Tabella 'B' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'C' - Kunsill Malti għall-iSport

Kunsilli Skolastiċi — konsultazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkonsulta mal-kunsilli lokali qabel ma jaħtar il-Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi? Jekk iva kif qed issir din il-konsultazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Meta ssir bidla fl-amministrazzjoni hija proċedura li l-Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi, li jkunu nħatru mill-amministrazzjoni preċedenti, jiġu kkonfermati jew jinħatru nies oħra minflok il-persuni fil-ħatra. Jiena mhux sodisfatt li saret biżżejjed konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u għal li ġej se nara li din il-konsultazzjoni ssir b'mod aktar wiesa' u effettiv.

Skejjel — inizjattivi u proġetti - fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet snin kemm għadda flus lil kull skola primarja u sekondarja f'Malta u Għawdex biex jintużaw fuq inizjattivi u proġetti minn dawn l-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — PR u media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-10 ta' Marzu 2013 sa Settembru 2013 ingħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4503. Sadanittant, ninsab infurmat li t-tagħrif għall-perjodu minn Ottubru 2013 sa Marzu 2014 għadu qed jinġabar mid-Direttorat għal Servizzi Korporattivi.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — PR u media events – nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-10 ta' Marzu 2013 sa Settembru 2013 ingħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4504. Sadanittant, ninsab infurmat li t-tagħrif għall-perjodu minn Ottubru 2013 sa Marzu 2014 għadu qed jinġabar mid-Direttorat għal Servizzi Korporattivi.