Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11264 u cioe' jista' jgħid kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1997 qabel il-budget? Kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998? Kemm iffrankat il-korporazzjoni bħala riżultat imprevidibbli tar-roħs fil-prezz taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-prezz tal-Fuel Oil 3.5% f'Novembru 1997 kien USD 99.85 waqt dak tal-Gas Oil 0.2% kien USD 176.90.
Il-prezz tal-Fuel Oil 3.5% f'Novembru 1998 kien USD 56.00 waqt dak tal-Gas Oil 0.2% kien USD 101.00.
Għas-sena finanzarja 01/10/97 - 30/09/98 il-Korporazzjoni Enemalta kienet proġettat infiq ta' LM26,139,000 waqt li l-infiq attwali kien ta' LM18,214,000.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11261 u cioe' jista' jgħid kif it-taxxa tal-VAT se taffettwa lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma u l-korporazzjoni Enemalta u kif se taffettwa lill-konsumatur? Jista' jgħid kif se tiġi affettwata l-Maltacom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa tal-VAT taffettwa lill-kumpaniji msemmija skond ir-regoli tal-Liġi tal-VAT.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hawn persuni li kellhom is-servizz tad-dawl, ilma u/jew telephone maqtugħ din is-sena għax ma ħallsux? Kif jikkompara dan mal-ħames snin li għaddew?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Għar-rigward tal-informazzjoni dwar il-qtugħ ta' telephones, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1130.
Jista' il-Ministru jgħid jekk xi azjenda tal-gvern jew parastatali għandhiex xi kontijiet pendenti għall-ħlas ta' dawl u ilma u tat-telephone? Jekk iva, liema huma u kemm hu l-ammont?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba n-natura kummerċjali u kunfidenzjali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, ma nħossx li għandi nagħti din l-informazzjoni.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' karozzi
Question
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 10578, jista' il-Ministru jinformani bin-numru ta' karozzi ġodda li nxtraw matul l-2004 u kemm kienet in-nefqa għalihom?
Jista' jagħti wkoll in-numru ta' vetturi li fil-preżent huma proprjeta' tal-ministeru u/jew l-entitajiet konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11238 u cioe' jgħid kemm inbidlu jew saru ġodda distribution mains u trunk mains sena b'sena mill-1995 sas-sena 1998?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li biex tkun tista' tingħata risposta l-Onorevoli Membru u ġentilment mitlub jippreċiza għal liema parti mis-sistema tad-distribuzzjoni jew liema sistema ta' vultaġġ qed jirreferi meta jsemmi distribution mains u trunk mains.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11232 u cioe' jgħid jekk hemmx ħsieb li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tissellef mill-banek kummerċjali din is-sena finanzjarja? X'inhuma r-rati ta' interess li se tissellef bihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma approvati mill-Parlament, għas-sena li tagħlaq f'Settembru 2005, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha pjan kapitali li jlaħħaq LM3.602 miljun. Dan il-pjan jirrigwarda l-operat ta' l-Ilma u jeskludi d-Drenaġġ.
Normalment il-KSI tuża self mill-banek biex tiffinanzja il-pjan ta' investiment kapitali. Madankollu billi fl-istess ħin il-KSI konsistentament tħallas lura self pendenti skond 'repayment programme' l-ammont nett ta' self mill-banek ma jiżdiedx anzi jonqos xi ftit.
It-rati ta' l-interessi li l-KSI preżentament tħallas huma ta' l.4% fuq il-'base rate' ta' 3%; total ta' 4.4%. Il-KSI tinsab f'negozjati avvanzati biex tnaqqas dawn ir-rati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni llum ta' Malta gantry man. u l-Libyan Arab Maltese holding?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Gantry Manufacturing Ltd. waqfet l-operazzjonijiet tagħha fil-bidu tas-sena 2000.
B'referenza għal Libyan Arab Maltese Holding Company Ltd., ninforma lill-Onor. Interpellant li din ma nbiddlitx sostanzjalment mill-iskop li għalih twaqqfet fis-sebgħinijiet - kumpanija kummerċjali t'investiment.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il yacht daħal għat-tiswija fit-tined li hemm fit-tarzna tul is-sena 2004? Jista' jgħid jekk hux minnu li kien daħal ukoll vapur għat-tiswija f'dan il-baċir riżervat għal yachts?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fl-2004 in-numru ta' Yachts li daħlu għat-tiswija fil-baċir kienu 17, filwaqt li kien hemm 13 il-yacht li kienu fil-faċilitajiet tat-tarzna li ma daħlux fil-baċir.
Nikkonferma li kien hemm vapur wieħed (GHM Tug) li għamel użu tal-baċir riżervat għall-yachts.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tissewwa r-refrigeration system fil-cafetteria tal-Gaudos, peress li din il-ħsara ilha tippersisti għal xi ġimgħat u issa li dieħel l-istaġun tas-sħana jista' anke jsir ħsara lill-ikel li jiġi servut lill-passiġġieri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu promozzjonijiet lill-ħaddiema tal-kumpannija Sea Malta fil-grad ta' messaġġier mis-sena 2000 'il hawn? Jista' jagħti lista ta' dawn il-ħaddiema u d-data ta' dawn il-promozzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11210 u cioe' jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dakinhar?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ikbar domanda għall-elettriku reġistrata sa' issa kienet ta' 402 MW nhar il-Ħamis 17 ta' Frar fit-tmienja ta' fil-għaxija. Dak il-ħin il-kapaċita tal-impajnt jaħdem kienet ta' 418 MW u l-kapaċita' tal-impjant kollu disponibbli kienet ta' 493 MW.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11216 u cioe': Billi jidher li hemm il-ħsieb li t-tariffi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu relatati mad-daqs tal-household, jista' jgħid kemm hemm households b'membru wieħed; bi tnejn; bi tlieta; b'erbgħa; b'ħamsa; b'sitta; b'sebgħa; bi tmienja; u b'iżjed minn tmienja?
Response (GATT, AUSTIN)
Jekk l-Onor. Interpellant huwa nteressat fin-numru ta' households li fil-preżent għandhom kont tad-dawl u l-ilma, l-informazzjoni hija miġbura fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jekk pero', l-Onor. Interpellant jixtieq ikun jaf in-numru ta' households, skond il-kategoriji mitluba minnu, irrispettivament jekk għandhomx kont tad-dawl u l-ilma, allura nitolbu jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11214 u cioe' jgħid kemm għadda flus il-gvern bħala sussidju fuq l-ilma lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma sena b'sena mill-1993 sas-sena preżenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10937 u cioe' jgħid meta se tiġi għan-normal is-sitwazzjoni taċ-ċilindri tal-gass?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni tal-gass ilha li ġiet għan-normal. Fil-fatt il-Gvern ħareġ żewġ stqarrijiet biex jinforma lill-pubbliku dwar dan.