Jista' l-Ministru jgħid liema gazzetti jitqassmu fis-swali ta' l-Isptar San Vinċenz de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gazzetti li jitqassmu fis-swali tar-Residenza San Vinċenz de Paule huma dawn:
Matul il-ġimgħa - In-Nazzjon
L-Oriżżont
Malta Independent
Il-Ħadd - Il-Mument
It-Torċa
Il-Kulħadd
Malta Independent on Sunday
Jista' l-Ministru jinvestiga il-każ ta' housing H 0015672 li ilu pendenti erba' snin, fejn l-applikant li għandu ħafna taraġ wieqaf fir-residenza tiegħu, ibati bi trombosi f'saqajh?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx mogħtija l-assistenza (SAB) skond deċiżjoni li ħa l-bord ta' l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet tal-Bord għall-Għajnuna Soċjali huma kunfidenzjali. Ta' min ifakkar li fost il-membri tal-Bord hemm rappreżentant miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Il-persuna ndikata ser tiġi nfurmata bil-miktub bid-deċiżjoni tal-Bord.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbgħatu separatament minn April 2001 sa ftit żmien ilu kien qed jirreġistra f'part 2 u dan mingħajr ma jingħata l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-artikolu 30 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, biex persuna tingħata l-Assistenza Soċjali, trid tkun qed tirreġistra taħt l-ewwel parti tar-reġistru miżmum skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' l-Impjieg u Taħriġ.
Il-persuna ndikata ma kienetx tissodisfa din il-kundizzjoni u għalhekk mhix intitolata għall-Assistenza Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax id-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar jieħu ħsieb li jitranġa t-taraġ imkisser fil-parapett f'West Street, kantuniera ma' St John Str, Valletta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-taraġ indikat mill-Onor. Interpellant jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-kwalifiki li kellu l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex jinħatar fil-Ministeru tal-Politika Soċjali? Jista' l-Ministru jpoġġi CV tal-persuna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-file relatat ta' din il-persuna bħala konsulent tal-Ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25608 f'Seduta Numru 536.
Il-personal file hu dokument kunfidenzjali. Jien ma nsibx oġġezzjoni li nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-personal file tal-persuna konċernata, inkluż is-CV li hemm fih, kemm il-darba l-Onor. Interpellant iġibli l-awtoriżżazzjoni bil-miktub ta' l-istess persuna.
Jista' l-Ministru jgħid peress li d-Dipartiment Bini u Tiswija tad-Djar kellu jwaqqa' soqfa u ħitan fit-terazzin tal-appartamenti f'Block 1, Triq San Ġwann u l-Belt u reġa' itella biss ħitan diviżorju, jista' jitkompla x-xogħol sabiex l-inkwilini jkollhom l-istess struttura bħalma kellhom qabel? Meta hu maħsub li tinbidel il-Gallarija perikoluża tal-appartament bl-indirizz Block 1 13/1, Triq San Ġwann, Valletta
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-istrutturi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant kienu jikkonsistu f'gallarijiet magħluqin. Dawn l-istrutturi kienu saru illegalment u biex jerġgħu jsiru, l-inkwilini jridu jiksbu l-permessi meħtieġa mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Propjeta' tal-Gvern u l-Awtotorita' ta' l-Ippjanar. L-egħluq tal-gallarijiet, jekk jiġi approvat minn dawn l-entitajiet, irid isir spejjeż tar-residenti stess. Fil-frattemp id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jagħmel poġġaman tal-ħadid kif kien hemm orġinarjament. Sadanittant jien infurmat li x-xogħol tal-bdil tal-gallarija ta' Block 1, 13/1 Triq San Ġwann tlesta.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni lill-anzjana li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament min din il-mistoqsija għaliex ma ingħatawx is-somma meta ir-raġel tagħha kien jaħdem ma' l-Enemalta mill-1964? Jista' din is-sinjura tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema somma qiegħed jirreferi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iwassal għad-dewmien fil-ħruġ ta' ċerti pagamenti taċ-children allowances?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jistgħu jeżistu tlett ċirkostanzi li jispjegaw ċertu dewmien:
L-ewwel waħda hija li hemm numru konsiderevoli ta' applikazzjonijiet li ma setgħux jiġu pproċesati minħabba li l-applikanti naqsu li jagħtu informazzjoni sħiħa u korretta fl-applikazzjoni tagħhom jew bagħtuha b'dokumenti nieqsa.
It-tieni ċirkostanza hija li hemm numru ta' applikanti li kienu ġew identifiati mid-Dipartiment li kellhom xi diskrepanzi fl-informazzjoni li kienu ddikjaraw fi snin preċedenti u li jista' jirriżulta li kienu rċevew Allowance tat-Tfal li ma kienx dovut jew jekk dovut kellu jkun b'rata inqas.
Għaldaqstant id-Dipartiment qed jinvestiga dwar il-każijiet biex jiġi stabbilit l-ammont ta' Allowance mħallas żejjed lil dawn l-applikanti qabel joħroġ dak l-Allowance dovut għal din is-sena, biex b'hekk ikun jista' jibda jinġabar dak li ħadu żejjed.
It-tielet ċirkostanza hija li hemm numru ta' applikanti li bagħtu l-applikazzjoni tagħhom wara d-data ta' l-egħluq, li kienet it-3- ta' April 2001.
Jista' l-Ministru jiċċara fl-interess pubbliku x'inhi s-sitwazzjoni rigward l-eta' tal-pensjoni u xi ħsieb hemm għall-ġejjieni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma tal-Welfare għad ma ppreżentatx lill-Gvern ir-rapport finali tagħha li jkopri s-suġġett indikat mill-Onor. Interpellant. Għalhekk mhux il-waqt li nikkummenta dwar is-suġġett f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid jistax il-persuna li l-ID Card number tagħha qed jidher separatament jitħaffieha l-proċess li bih tibda' tirċievi l-pensjoni ta' l-Invalidita' minħabba li għandha marda terminali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna minnu indikata qiegħed jiġi proċessat. L-istess persuna qed tkun infurmata dwar dan bil-miktub.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax id-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar jieħu ħsieb li jitranġa t-taraġ imkisser fil-parapett f'St Patrick's Str, kantuniera ma' St John Str, Valletta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-taraġ indikat mill-Onor. Interpellant jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jara li anzjana li l-partikularijiet tagħha jinsabu separatament min din il-mistoqsija tingħata is-servizz tal-home help minħabba l-bżonn soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija biex tingħata is-servizz tal-Home Help għada kemm waslet fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani ftit ġranet ilu, propju fis-16 ta' Lulju, 2001 u għaldaqstant qed tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jara għala anzjan armel li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament min din il-mistoqsija qatt ma ha pensjoni tas-sigurta' soċjali bejn 1983 sal 1986, jista' l-Ministru jinforma bil-miktun lil din il-persuna l-aħħar żvillupi bi tweġiba għal dan l-ilment? Jista' jara x'rimedju jista' jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nfakkar lill-Onor. Interpellant li b'effett mill-1 ta' April 1978, Gvern Soċjalista kien emenda l-Liġi dwar is-Sigurta' Nazzjonali (kif kien magħruf dak iż-żmien l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali) b'mod li kien jipprekludi lil kull pensjonant li jirċievi pensjoni taħt l-istess Att, jekk kien qed jirċievi wkoll pensjoni minn fuq ix-xogħol li kienet ġa tammonta għal mhux anqas minn żewġ terzi tal-paga kurrenti tal-post li kellu. Għaldaqstant peress li wkoll kien hemm friża fuq il-Benefiċċji Soċjali ma kienx hemm lanqas żiedit għall-għoli tal-ħajja, dawn il-pensjonijiet baqgħu l-istess, jiġifieri mingħajr ebda żieda. Ovjament, Gvern Nazzjonalista neħħa dawn l-inġustizzji, iżda ma nara l-ebda rimedju li jista jingħata llum b'mod retroattiv għaż-żmien tal-Gvern Soċjalista.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn pensjonanti, ex-serviceman, li għadhom mhux qed jibbenefikaw minn dak il-miżura meħuda minn Gvern Laburista tal-1996 sabiex ikun hemm bidla fil-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn verifika li għamlet it-taqsima tal-pensjonijiet ma jidhirx li hemm xi każi ta' reviżjonijiet pendenti wara l-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-4 ta' Ottubru ta' l-1997. Skond din il-verifika, r-reviżjonijiet fil-każ ta' 3882 il-pensjonanti li għandhom pensjoni tas-servizzi Ingliżi saru kollha u fejn kien dovut żieda din tħallset ukoll.
Kemm il-darba l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari fejn ma sarux r-reviżjonijiet nitolbu jgħaddi l-informazzjoni lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, l-uffiċjali li mill-1 ta' Jannar 2001 ħadu żieda f'xi allowance kienu:
1. Is-Segretarju Permanenti li ħa żieda ta' Lm400 fis-sena fl-expense allowance u l-ammont ġdid ta' l-allowance hu Lm1,200 fis-sena;
2. Id-Diretturi ta' dawn id-Dipartimenti ħadu żieda fl-expense allowance ta' Lm250 fis-sena u l-ammont ġdid ta' l-allowance hu Lm700 fis-sena:
Servizzi Korporattivi
Sigurta' Soċjali
Nisa fis-Soċjeta'
Ħarsien għall-Familja
Akkomodazzjoni Soċjali
Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg
Ħarsien ta' l-Anzjani
Bini u Tiswija tad-Djar
Dawn iż-żiediet ingħataw wara reviżjoni ta' l-expense allownace lill-uffiċjali pubbliċi minn skala tas-salarju numru 4 'l fuq, li qiegħdin fuq Performance Contract.
Jista' l-Viċi Prim Ministru, għar-rigward tad-dipartiment tal-manutenzjoni u kostruzzjoni, jgħid: (a) min hu ntitolat għal mobile phone; (b) kemm hemm attwalment mobile phones fl-idejn; (c) kemm hi l-ispiża għal użu ta' l-istesss tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena; (d) kemm flus intnefqu għal xiri ta' mobile phones sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar huma ntitolati għal mobile phone id-Direttur u dawk l-uffiċċjali li l-użu tal-mobile phone hu kkunsidrat essenzjali fix-xogħol tagħhom.
Fil-fatt, fl-imsemmi Dipartiment hemm mobile phone wieħed mixtri mill-Gvern u dan hu użat mill-Kap tal-Machinery and Manpower Unit. Diversi uffiċċjali għandhom mobile phone iżda dan huwa tagħhom privat.
L-ispiża għall-użu ta' dan il-mobile phone kienet:
1998 - Lm100
1999 - Lm127
2000 - Lm 96
2001 - Lm 50
L-ispiża għax-xiri kienet:
1998 - Lm 50
2000 - Lm125 (biex jirrimpjazza dak mixtri fl-1998)