Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Apparat mediku

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' l-apparat mediku kollu li nxtara għall-isptar Mater Dei sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' l-apparat li ntalab oriġinarjament għall-isptar Mater Dei? Jista' jikkonferma jekk kienx hemm apparat li tħalla barra mit-talba oriġinali? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? X'kienet l-ispiża għal kull unit li nxtrat u l-ispiża globali ta' l-apparat mixtri s'issa? Jista' jagħti rendikont ta' l-aġenti u distributuri lokali li kienu nvoluti fil-bejgħ ta' dan l-apparat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' Dar Malta fi Brussels? Il-permessi tal-bini ħarġu kollha? Jekk le, liema għadhom pendenti? Tista' tagħti indikazzjoni tat-time scales li fihom mistenni jsir ix-xogħol meħtieġ u jintlaħqu l-istadju varji tar-refurbishment tal-bini għall-iskopijiet li nxtara għalih? Kemm intnefaq s'issa fuq il-proġett, apparti mit-transazzjoni tax-xiri tal-proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħolijiet f’Dar Malta fi Brussel bdew bit-twaqqiegħ ta’ partijiet interni, tneħħija ta’ debris, bini ta’ fire escape ġdid u tneħħija ta’ asbestos. Xogħolijiet oħra jiddependu ħafna minn permessi ta’ bini. L-applikazzjoni għall-permess tal-bini ġiet sottomessa. Din tirreferi għall-Permis Urbanisme 2 u din hija applikazzjoni waħda mibgħuta lill-dipartimenti varji għall-permessi relatati ma’ fire environment, city planning, urban (neighbourhood) u heritage. Il-bini se jkun lest għall-użu f’fażijiet, li jibdew bejn wieħed u ieħor minn tmien xhur sa sittax-il xahar mid-data tal-ħruġ tal-permess. Il-permess fih innifsu jirrikjedi bejn wieħed u ieħor sitt xhur ta’ proċessar u hu mistenni li joħroġ għall-Diċembru 2005. Sal-lum l-ispiża totali fuq dan il-proġett, apparti mit-transazzjoni ta’ xiri tal-proprjetà, tammonta għal Lm100,608.

Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12722 u jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' Dar Malta fi Brussels? Il-permessi tal-bini ħarġu kollha? Jekk le, liema għadhom pendenti? Tista' tagħti indikazzjoni tat-time scales li fihom mistenni jsir ix-xogħol meħtieġ u jintlaħqu l-istadju varji tar-refurbishment tal-bini għall-iskopijiet li nxtara għalih? Kemm intnefaq s'issa fuq il-proġett, apparti mit-transazzjoni tax-xiri tal-proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12722.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema 'il fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid illum kemm hawn persuni li għandhom 'il fuq minn 61 sena mal-gvern u fejn qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 99 impjegat li għandhom ’il fuq minn 61 sena u qegħdin fil-Ministeri u dipartimenti tal-Gvern. Dettalji, Ministeru, Ministeru, ta’ fejn qegħdin dawn l-impjegati, jidhru fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

AFM — Persuni omosesswali

Question

Billi ħafna armati ma jaċċettawx persuni omosesswali, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-armata Maltija tagħmilx dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Forzi Armati ta’ Malta m’għandhomx policy rigward persuni li huma omosesswali, iżda tajjeb li wieħed iżid jgħid li l-Armata ma tiddiskriminax kontra tagħhom.

PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li ilha pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda, u għalhekk dawn il-każijiet, għajr każijiet kriminali, każijiet ta’ dixxiplina li jwasslu għal tkeċċija u appelli, m’għandhomx iżjed jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Għar-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda uffiċjal pubbliku li bħalissa għandu l-każ tiegħu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi.

AFM — Allowances

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu allowances lill-personnel ta' l-AFM u kemm għad hemm pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta’ Mejju 2005, l-allowances li tħallsu lill-personnel tal-Forzi Armati ta’ Malta kienu jammontaw għas-somma ta’ Lm581,625. M’hemm l-ebda allowances pendenti.

AFM — Suldati b'degree

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati li għandhom degree jew diploma universitarja? X'inhi u x'rank għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi fil-preżent, fil-Forzi Armati ta’ Malta, hemm 25 membru li għandhom degree jew diploma universitarjà. Id-dettalji tar-rank u diploma jew degree, qegħdin fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

AFM — Reklutaġġ

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux maħsub xi reklutaġġ ma' l-AFM din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi għalkemm il-possibbilità għal reklutaġġ mal-Forzi Armati ta’ Malta qegħda tiġi kkunsidrata, għad mhux deċiż jekk dan ir-reklutaġġ isirx din is-sena jew le.

AFM — Immigranti irregolari

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew interċettati opri tal-baħar mill-AFM li fuqhom kien hemm immigranti irregolari waqt patrols din is-sena? Jista' jgħid f'liema ċirkostanzi l-AFM tikkonsidra li dawn għandhom bżonn l-assistenza u min jieħu d-deċiżjoni? Issir kordinazzjoni mal-kummissarju tal-pulizija f'din id-deċiżjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sat-22 ta’ Ġunju 2005, din is-sena kien hemm 10 każijiet fejn patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw opri tal-baħar li fuqhom kien hemm immigranti irregolari. Kemm meta dgħajjes bl-immigranti jkunu nterċettati mill-mezzi tal-Forzi Armati, kif ukoll meta jidħlu rapporti minn għejjun diversi ta’ dgħajjes simili, il-Forzi Armati jqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ, bħall-istat fiżiku li jkunu fih l-immigranti, il-kondizzjonijiet tal-baħar, il-pożizzjoni fejn tinsab id-dgħajsa, eċċ. Mingħajr dubju, meta l-każ ikun wieħed ċar u li jkun jeħtieġ l-intervent tal-mezzi tal-Forzi Armati, tittieħed l-azzjoni kollha meħtieġa biex l-immigranti jkunu mgħejjuna jidħlu f’Malta qawwijin u sħaħ u dan għab-bażi tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw il-materja. Il-pulizija jkunu nfurmati immedjatament meta jkun ċar li d-dgħajsa bl-immigranti tkun se tiddaħħal f’Malta.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Minstru jgħid kemm hemm klandestini miżmumin mill-AFM illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sal-21 ta’ Ġunju 2005 kien hemm 289 immigrant irregolari fil-Closed Centres ta’ l-Armata u 246 oħra fl-Open Centre (Lyster Barracks, Ħal Far).

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Interpellant, li tkopri medda ta’ erba’ snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin ta’ l-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista’ jintuża aħjar.

Ħlas ta' premiums għal assikurazzjoni medika

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hu l-ammont ta' premiums li ħallas il-poplu Malti u Għawdxi għal assikurazzjoni medika privata bejn l-1998 u l-2003? Barra minn hekk, kemm f'dawk il-ftit imħallsa kien hemm persuni assikurati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li se tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Membri ta' l-AFM — Xogħol part-time

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk membri ta' l-AFM jistgħux jagħmlu xogħol part-time? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li l-OC qiegħed jipprojbixxi lill-membri ta' l-AFM milli jaħdmu part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jistgħu jingħataw permess biex jagħmlu xogħol privat skond il-kriterji stabbiliti fil-General Order Nru 20 ta’ l-20 ta’ Frar 2001. Fost dawn il-kriterji hemm stipulat li x-xogħol privat ma jista’ jkollu l-ebda konnessjoni max-xogħol normali tas-suldat u lanqas joħloq problemi fil-qadi tad-dmirijiet regolari tas-suldat.

Taxxi Interni — Arretrati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, għadhom ma rċevewx l-arretrati tat-taxxa dovuti lilhom li jmorru lura sas-sena 1993?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartimenti tal-gvern — Direttivi dwar l-użu tal-lingwa Maltija

Question

Ghaliex minkejja d-direttivi moghtija lill-Kapijiet tad-Dipartimenti dwar l-uzu tal-lingwa Maltija (twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6128, Seduta 141 tal-21 ta' Gunju 2004) id-decizjonijiet sew tal-bord tal-kummissjonarji specjali kif ukoll dawk ta' l-appelli quddiem il-qrati qed jigu ppubblikati b'ilsien barrani? Jista' jieħu passi biex id-direttivi li joħorġu mill-uffiċċju tal-prim ministru jkunu fil-fatt attwati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant dwar l-użu tal-Malti mill-Kummissjonarji Speċjali qed tiġi mistħarrġa, u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Dwar l-użu tal-Malti fl-Appelli quddiem il-Qrati, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

OPM — EU funds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds? Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea (UE) huma amministrati mid-Diviżjoni ta’ l-Ippjanar u l-Koordinament tal-Prijoritajiet (PPCD) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Din id-Diviżjoni hija l-istruttura nazzjonali ċentrali responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi. Fil-preżent, l-ammont ta’ fondi mill-UE li qegħdin jiġu amministrati/koordinati (fuq livell nazzjonali) mill-PPCD huma: Fund Pre-Accession/Accession Ammont (€) National Programme 2003 Pre-Accession 12,680,000.00 Transition Facility 2004 Accession 11,800,000.00 ERDF Accession 46,697,639.00 Structural Funds ESF Accession 9,457,500.00 2004-2006 EAGGF (Guidance) Accession 4,200,000.00 FIFG Accession 2,837,500.00 Cohesion Fund Accession 21,937,000.00 Interreg III Community Initiative Accession 2,374,171.00 EQUAL Community Initiative Accession 1,241,163.00 Minbarra dawn il-fondi, bis-saħħa tas-sħubija fl-UE, Malta hija ntitolata wkoll għall-€3,620,000.00 f’assistenza finanzjarja mill-Fond EEA-Norway. Is-sejħa għall-proġetti mistennija toħroġ għall-ħabta ta’ Lulju 2005. Wara l-għargħar tal-15 ta’ Settembru 2003, Malta applikat għall-għajnuna taħt is-Solidarity Fund. Fl-2004, Malta rċeviet €961,000 minn dan il-fond. Fil-preżent, taħt id-dekasteru tiegħi qed jiġu mplimentati b’ko-finanzjament mill-UE il-proġetti murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

UE — Kontribuzzjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji dwar il-ħlas jew kontribuzzjoni li Malta hija obbligata tagħmel lill-Unjoni Ewropea matul l-2004-2005, u kemm se jkunu l-fondi li Malta se tirċievew jew irċeviet fl-istess snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13032.

Ministeru tal-Finanzi — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet kollha li rċieva l-Ministeru tal-Finanzi mill-1 ta' Novembru, 2004 sal-lum mis-servizz ċivili u mis-settur pubbliku biex jinxtraw karozzi u inġenji ġodda, filwaqt li jqiegħed ukoll kopja tat-tweġibiet li l-istess ministeru ħareġ għat-talbiet magħmula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13179.