Jista' l-Ministru jgħid jekk pazjent li jkun fi sptar governattiv għandux dritt li jara u jifli l-istorja ta'saħħtu li jkun hemm fl-istess sptar ta' fejn ikun? Jaħseb li din l-għażla għandha tkun dritt ta'l-individwu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kull pazjent għandu d-dritt illi jeżamina l-file mediku tiegħu. Ġeneralment dan isir fil-preżenza ta' tabib billi dan ta' l-aħħar huwa aktar f'pożizzjoni illi jispjega lill-pazjent il-kontenut ta' l-istess file.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-operazzjoni tal-katarretti fl-għajn il-leminija tal-pazjent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament peress li qed ibati ħafna fil-kondizzjoni preżenti tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tpoġġa fuq il-waiting list f'Ottubru 1999. Il-pazjent diġa' ġie operat fl-għajn ix-xellugija fl-1 ta' Ġunju 1999 u preżentament il-vista f'din l-għajn hija tajba.
Peress li l-persuna msemmija għandha kataretta fl-għajn il-leminija, f'Ottubru 1999 tqiegħdet fuq il-waiting list. L-istennija hija bejn sitta u tmien xhur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li kienu in-patients għal xi żmien ġewwa sptarijiet tagħna matul is-sena 1999? Minn liema pajjiżi kienu? Kemm kienet is-somma ta' flus li ntalbu jħallsu dawn il-persuni u kemm fil-fatt tħallsu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal viżti ġewwa d-djar mit-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa ġurnata b'ġurnata mill-ewwel tas-sena 2000 sas-17 ta' Jannar, 2000? Kemm minn dawn ma ġewx viżitati minħabba nuqqas ta' staff u pressjoni ta' xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta` viżti rikjesti u li saru mill-ewwel tas-sena 2000 sas-17 ta` Jannar 2000 huwa kif indikat hawn taħt:
Ġurnata Mitluba Saru Ma Sarux
--------------------------------------------
1 232 161 71
2 241 146 95
3 321 214 107
4 298 197 101
5 264 198 66
6 285 198 87
7 223 163 60
8 250 176 74
9 269 146 123
10 372 159 213
11 336 208 128
12 253 150 103
13 298 209 89
14 260 163 97
15 231 159 72
16 295 196 99
17 323 111 212
Fil-perjodu preżenti it-talbiet għal-viżti fid-djar m'humiex jintlaħqu kollha minħabba:
a) L-istqarrija maħruġa mid-Dipartiemnt biex il-pubbliku kemm jista` jkun jirrikorri fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
b) Nuqqas fil-'complement' tat-tobba.
c) Iż-żieda kbira fin-numru ta` viżti mitluba minħabba l-mewġa ta` l-influwenza u rjieħat li hawn bħalissa.
d) Ammont ta` 'sick leave' tat-tobba milquta mill-istess mard.
Jista' l-Ministru jikkonferma li nurses ta' l-MNDNA mhux jagħmlu test taz-zokkor għax m'għandhomx sticks?
Jekk iva, x'inhu jagħmel il-gvern biex isolvi din il-problema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent in-nurses ta` l-MMDNA ma għandhom l-ebda problema fil-provvista normali ta` 'sticks' biex jagħmlu it-test taz-zokkor.
Seta` nħass xi nuqqas f'Diċembru li għadda minħabba li l-istokk ta` dawn l-isticks kien daqsxejn baxx sa ma waslet il-provvista ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta' donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma ġiet mogħtija ebda donazzjoni ta` vetturi bejn l-1987 u l-1996 lill-Ministeru tas-Saħħa.
B'riferenza għal joint press release maħruġa mill-Water Services Corporation u d-dipartiment tas-saħħa "The Times" 15 ta' Jannar, jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħed jieħu d-dipartiment tas-saħħa dwar il-kontaminazzjoni ta' l-ilma f'Ħaż-Żebbuġ? Għaliex din il-press release dehret biss f'din il-gazzetta? Ma jidhirlux il-Ministru li każ bħal dan kellu jixxandar fuq il-mezzi kollha tal-media, partikolarment dak televiżiv għal awareness tal-pubbliku Żebbuġi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12815, ninforma lill-Onor. Interpellant li mmedjatament kif id-Dipartiment tas-Saħħa kien infurmat bil-problema mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, beda għaddej b'sensiela ta' investigazzjonijiet mill-lokalitajiet indikati mill-istess Korporazzjoni anke matul il-ġranet tas-Sibt u l-Ħadd.
Il-kampjuni ta'l-ilma qegħdin jiġu analizzati fil-laboratorju tad-Dipartiment u qabel ma dawn jindikaw li l-kwalita' ta' l-ilma huwa tajjeb għall-konsum, uffiċjali minn dan id-Dipartiment se jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom.
Nixtieq ninforma li l-`press release' ġiet maħruġa mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, liema `press release' aħna nfurmati, ġiet irreferuta lil diversi entitajiet u mezzi oħra tax-xandir fosthom: Ministry for Economic Services, DOI, Radju Malta 2, RTK, Radio 101, Super 1, Bay Radio, Calypso, Smash Radio, Island Sound, The Times, In-Nazzjon/Il-Mument, l-Orizzont/It-Torċa, The Malta Independent u Il-Kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt li t-tfal ta' l-iskejjel ta' l-Istat ingħataw il-vaċċin kontra l-hepatitis fl-iskola tagħhom stess, dawk it-tfal li huma studenti fl-iskejjel privati u tal-Knisja kellhom imorru fil-polyclinics tad-distrett għat-tlett dożi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istudenti fl-iskejjel privati biss intbagħtu fiċ-Ċentri tas-Saħħa biex jingħataw il-vaċċin kontra l-Hepatitis B. It-tfal fl-iskejjel tal-knisja ingħataw il-vaċċin (l-ewwel u t-tieni doża) fl-iskola tagħhom stess bħas-sena ta' qabel it-tielet doża għad trid tingħata.
L-istudenti fl-iskejjel privati ma ngħatawx il-vaċċin fl-iskola tagħhom stess għaliex is-servizz mediku ta' l-iskejjel għadu mhux estiż għall-iskejjel primarji privati, iżda d-dipartiment ħass li xorta għandu jipprovdi mezz biex dawn l-istudenti tingħatalhom b'xejn il-vaċċin tal-Hepatitis B.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu pazjenti f'medical/paediatric wards fl-isptarijiet San Luqa, Karen Grech, Boffa u Zammit Clapp b'chest infection u gastroenteritis mill-bidu tas-sena 'l hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000, mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjoniiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull okkażjoni minn fejn ġie ordnat l-ikel u x-xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħala pajjiż ċivili hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied. Dan il-Gvern ma għandu ebda ħsieb li jibdel din l-użanza. Jekk l-Onorevoli Interpellant jispjega sodisfaċenement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata nkun f'pożizzjoni li nordna li din tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se tiġi operata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għal hip replacement?
Kemm hemm persuni jistennew din it-tip ta' operazzjoni? Kemm ilhom jistennew? Meta se ssirilhom l-operazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna indikata hija bbukjata għal operazzjoni ta` joint replacement għal 7 xhur oħra mill-lum.
Persuni li qed jistennew din it-tip ta` operazzjoni huma 175.
Il-persuna li ilha tistenna l-aktar fuq il-waiting list, ilha tistenna bejn wieħed u ieħor 20 xahar.
Dawn il-persuni jinqdew kollha fi żmien tmintax-il xahar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi n-nefqa biex id-Dipartiment ta' l-Oftamoloġija f'każi ta' implant ta' lenses, speċjalment wara operazzjonijiet tal-kataretti, ikejjel id-daqs tal-lense skond l-individwi u mhux jagħmel waħda standard kif isir s'issa?
Hemm il-ħsieb li jinxtara dan l-apparat komputerizzat kif hemm f'xi kliniċi privati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mhux kull pazjent ikollu lens standard. F'Karen Grech Theatre hemm ir-range ta` lenses kollha. Id-daqs tal-lens tkun skond ir-refraction tan-nuċċali tal-pazjent.
Hemm ordni biex jinxtara apparat ['A' Scan] biex jieħu il-kejl eżatt kemm jista` jkun.
Jista'l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil min intbagħtu dawn il-kartolini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab din l-informazzjoni dettaljata ma nara l-ebda skop li din tinġabar.
Peress li fil-fuljett "Is-Saħħa" li qed joħroġ il-Gozo Health Council, intqal li ġew organizzati żewġ parties għar-residenti fl-isptar mill-kappillani ta' l-isptar u mill-Welfare Committee fit-23 u fid-29 ta' Diċembru rispettivament, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż involuti fl-istess żewġ parties rispettivament? Jista' jgħid min għamel tajjeb għal dawn l-ispejjeż f'każ u f'ieħor rispettivament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-poliklinika ta' Bormla, li issa ilha x-xhur lesta u li suppost fetħet fis-sajf li għadda, tinfetaħ biex taqdi l-bżonnijiet tar-residenti tal-Kottonera u l-madwar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla se jinfetah uffiċjalment fl-ewwel ta' Frar 2000 b'servizzi limitati skond kif jippermettu r-riżorsi umani.