Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Mobile phones
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena finanzjarja fuq mobile phones tal-ministru u ta' kull wieħed mill-istaff tiegħu li jgawdu mill-benefiċċju għal użu ta' mobile?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena s'issa l-kontijiet li tħallsu ta' telefons ċellulari użati mill-Ministru u l-uffiċjali fis-Segretarjat intitolati għall-użu ta' dan it-telefon jammontaw għall-Lm1670.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rikonoxxuti clubs mill-kunsill Malti għall-isport sa mit-twaqqif tiegħu minn mindu għaddiet il-liġi li waqqfet l-istess kunsill? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex club/organizzazzjoni tiġi rikonoxxuta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport sal-lum għadu ma ħareġ l-ebda rikonoxximent taħt il-liġi lil xi entita' sportiva.
Il-Kunsill Malti għall-Isport jibda jagħmel dan meta jidħol in effett Artikolu 35 tal-Liġi ta' l-Isport.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Policy in career guidance
Question
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-policy in career guidance tal-ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-servizz ta’ guidance fl-iskejjel ta’ l-istat ilu jiġi offrut mill-1968. F’dawn is-snin saru ħafna żviluppi f’dan is-settur. Illum is-servizz qiegħed jibda mill-primarja (Year 6) fejn isiru taħditiet formali għat-tfal biex jippreparawhom għat-transizzjoni għas-settur sekondarju, kif ukoll jgħinuhom jagħmlu l-għażliet tas-suġġett għall-Form1. Jibda wkoll b’mod professjonali u adattat il-preparazzjoni għall-karriera u d-dinja tax-xogħol. Fis-suġġett tal-Personal and Social Development (PSD) jiġu wkoll ttrattati temi bħal kif tieħu deċiżjonijiet, kif għandek tagħmel għażla u l-istudenti jitgħallmu wkoll dwar il-ħiliet u t-talenti tagħhom.
Fl-iskejjel sekondarji l-istudenti jiġu ppreparati aktar għall-għazla ta’ karriera bl-għajnuna u s-servizz tal-guidance teachers u school counsellors. Isiru wkoll programme bħal Careers Week u Careers Markets fejn l-istudenti jkollhom l-opportunita’ li jirċievu informazzjoni aġġornata dwar il-karrieri u t-trends fis-suq.
Meta jiġu għall-għażla tas-suġġetti fis-settur sekondarju, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom jiġu ndirizzati minn għalliema ta’ suġġetti differenti. Dawn jgħinuhom fl-għażla tagħhom tas-suġġett, kif ukoll jinfurmawhom għal liema karrieri u xoghol jistgħu jaslu b’dik l-għażla u f’liema korsijiet jistgħu jkomplu l-istudju tagħhom.
Fl-aħħar sentejn ta’ l-iskola sekondarja, l-istudenti jkollhom career orientation visits f’diversi postijiet, kif ukoll jattendu careers seminar. Jiġu fl-iskejjel ukoll personnel mill-MCAST, l-Universita’ u istituzzjonijiet oħrajn biex ikomplu jagħtu t-tagħrif meħtieġ, filwaqt li fix-xhur tas-sajf isiru laqgħat għall-istudenti u l-ġenituri.
Fil-qafas ta’ dawn l-inizzjattivi u servizzi li qed jingħataw, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni waqqaf ukoll grupp ta’ ħidma biex jevalwaw dawn is-servizzi u joħroġ proposti għat-titjib li jista’ jitwettaq. Ix-xogħol ta’ dan il-grupp huwa mistenni li jitlesta f’Mejju tas-sena 2006, fejn tiġi diskussa u eventwalment ippublikata l-policy dwar career guidance fl-iskejjel.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10593 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jindika jekk hemmx skemi speċjali ta' l -ETC li jgħinu lill-ħabsin li jkunu għadhom kemm ħarġu mill-ħabs biex isibu x-xogħol? Jekk hemm, jista' jsemmihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajjeb li l-Onor. Membru jkun infurmat li bħal ma jsir mal-kumplament ta' Gruppi Żvantaġġjati l’ex-ħabsin jingħataw indukrar personalizzat minn ħdan is-Sezzjoni tas-Supported Employment ta' l-ETC. Fil-każ ta' l ex-ħabsin dan isir
permezz ta' żewġ skemi li jgħinu lil dawn il-persuni jintegraw b'iżjed faċilita' fid-dinja tax-xogħol.
Waħda hija l-'Bridging the Gap Scheme'. Din toffri opportunita' ta' 'Work Exposure', fejn il-persuna tingħata LM35 fil-ġimgħa għall-massimu ta' 52 ġimgħa. L-Employer li jkun qed joffri din l-opportunita' ma jidħol fl-ebda obbligi l-anqas tal-ħlas tal-bolla ta' l-N.I.
L-oħra hija l-'Employment & Training Placement Scheme', fejn l-Employer jingħata sussidju ta' nofs il-paga minima nazzjonali għall-massimu ta' 52 ġimgħa.
Tajjeb li l-Onor. Membru jkun infurmat ukoll li b'ko-ordinazzjoni ma' l-Awtoritajiet tal-C.C.F., l-ETC tisponsorja diversi korsijiet edukattivi għall-ħabsin interessati. Dawn il-korsijiet ivarjaw minn tagħlim tal-Malti u Ingliż sa' snajja bażiċi.
Barra minn hekk dawk il-ħabsin li jkunu qorbu tmiem is-sentenza tagħhom u jkunu eligibbli għall-'Prison Leave' qed ikunu eliġibbli li jitpoġġew fuq il-'Bridging the Gap Scheme',
Impjiegi — Persuni barranin jagħmlu xogħol bla permess
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies ta' nazzjonalita' barranija li nqabdu jaħdmu bla permess f'Malta u dan fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Minn fejn kienu? Liema xogħol ġeneralment kienu qed jagħmlu? Ittieħdu passi kontra dawk li kienu qed jimpjegaw lil dawn in-nies? Kontra kemm-il sid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ persuni barranin li nstabu jaħdmu mingħajr permess, minn Jannar 2005 sa’ April, 2005, huwa hekk:
Numru ta' Ħaddiema
Barranin li nqabdu Tip ta' Xogħol
jaħdmu bla permess
Jannar'05 4 2-Catering; 2-Ħwienet Kummerċjali (4 sidien)
Frar 2 2-Catering (2 sidien)
Marzu 0 -
April 5 1-Restaurant; 3-Kostruzzjoni (4 sidien)
Minbarra l-każijiet li jidhru fit-tabella, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, matul is-sena 2004, għaddiet 28 każ ieħor, direttament lill-Pulizija. Il-każijiet indikati kienu jinvolvu 10 sidien. F’kull każ li jinvolvi ħaddiema barranin mingħajr permess, il-każ jghaddi lill-Pulizija, sabiex jittieħdu passi skond il-liġi.
L-istatistika għax-xahar ta’ Mejju 2005, għadha qed tinġabar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li f'din is-sena skolastika talbu li jiġu eżentati milli jattendu l-iskola? Kemm-il permess ingħataw? Jista' jgħid x'kienu r-raġunijiet ewlenin għaliex intalab permess? F'liema stadju ta' l-edukazzjoni ġeneralment kienu dawn it-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din is-sena skolastika (15/09/2004 sa 03/06/2005) l-istudenti li talbu biex jiġu eżenti mill-iskola kien ta' 358 student u kollha kienu tal-Form V l-aħħar sena ta' l-iskola obbligatorja. In-numru hu maqsum hekk:
116 għamlu l-eżami ta' Frar u baqgħu jattendu sat-3 ta' Ġunju 2005
180 għamlu l-eżami ta' Frar u ħarġu mill-iskola
62 telqu mingħajr l-eżami ta' Frar.
Ir-raġuni ewlenija li ntalab il-permess huwa biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu. Kien hemm żewġ każi biss għal raġuni umanitarja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji, xahar b'xahar, matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April u Mejju 2005? Kemm kien hemm minnhom fl-eta' bejn is-16 u t-30 sena, bejn il-31 u l-44 sena, bejn l-45 u l-55 sena u minn 56 sena 'l fuq? Kemm kien hemm minnhom li ngħataw f'Malta u kemm kien hemm minnhom li ngħataw f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq ir-reġistru tad-diżimpjieg matul l-2004 u bejn Jannar u Mejju 2005? Għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Matul l-2004 inqatgħu 1492 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru b’deċiżjoni ta’ l-ETC. Minn dawn 331-il persuna, nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 795 irrifjutaw opportunita' ta’ xogħol, filwaqt li 366-il persuna rrifjutaw opportunita' ta’ taħriġ.
Filwaqt li bejn Jannar u April 2005 inqatgħu 625 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru b’deċiżjoni ta’ l-ETC. Minn dawn 111-il persuna, nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 358 irrifjutaw opportunita' ta’ xogħol, filwaqt li 156-il persuna rrifjutaw opportunita' ta’ taħriġ.
Jista' il-Ministru jgħid wara li ġie pubblikat iċ-Chalmers report kemm saru laqgħat, kemm pubbliċi kif ukoll privati, ma' min u meta saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Minn meta ġie pubblikat ir-Rapport Chalmers, jien tlabt l-istituzzjonijiet edukattivi jgħadduli l-ewwel rejazzjonijiet tagħhom. Dan sar minn kull istituzzjoni u bħalissa qed nikkonsidra li inressaq lill-Gvern proposta biex titwaqqaf Kummisjoni għall-Edukazzjoni Ogħla kif rakkomandat mir-Rapport bil-ħsieb li jinbeda proċess ta' riformi f'dan is-settur. Meta titwaqqaf il-Kummissjoni inkun f'pożizzjoni tajba biex niltaqa' ma' diversi li huma interessati direttament fir-riforma. Sadanittant, saru diversi laqgħat mal-KSU dwar is-sistema ta' għotjiet ta' manteniment, inkluż laqgħa pubblika li saret fit-30 ta' April, 2005.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-iskola sekondarja tas-subien P.P. Saydon fiż-Żurrieq se tagħlaq? X'ser jiġri mill-istudenti u l-għalliema ta' din l-iskola? Jista' jgħid jekk hemmx skejjel oħra,. kemm fil-livell primarju kif ukoll f'dak sekondarju, li se jingħalqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qed jittieħed stock tas-sitwazzjoni kif se tkun fil-bidu tas-sena skolastika li ġejja. Deċiżjoni dwar skejjel tittieħed aktar tard wara l-għeluq tas-sena skolastika.
Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 2004 sal-lum min huma l-kumpanniji privati li qed jaħdmu/jipproduċu programmi għall-educational channel - Channel 22? Jista' jgħid kif ġew magħżula u kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru li għadda 'l hawn kien hemm ħdax-il kumpanija privata li qed jaħdmu/jipproduċu programmi għall-education channel Channel 22 li isimhom u l-ħlasijiet lilhom jidhru separatament. Lista ta' dawn ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li kienet prattika sallum li l-aġent kap ta' l-istazzjoni jitlob servizzi bħal dawn minn lista ta' kumpaniji f'dan il-qasam. L-amministrazzjoni l-ġdida ta' l-istazzjon ser tibdel din il-prattika.
Jista' il-Ministru jgħid min qed imexxi l-educational channel fil-preżent u min kien qed imexxih fil-bidu ta' din is-sena? X'inhi r-raġuni li kien hemm dan it-tibdil?
Response (GALEA, LOUIS)
B'seħħ mit-Tnejn 23 ta' Mejju t-tmexxija ta' Education 22 għaddiet f'idejn is-Sur Stephen Azzopardi. Fil-bidu tas-sena l-aġent kap ta' l-istess stazzjon kien is-Sur Stephen Florian.
Il-bidla fit-tmexxija saret bħala parti minn riforma li qed issir fl-istazzjon.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm xi minuti ta' xandir konġunt bejn il-PBS u Channel 22? Jista' jgħid ukoll minn meta bdew isiru r-reklami fuq Channel 22?
Response (GALEA, LOUIS)
Billi iż-żewġ stazzjonijiet huma pubbliċi hija ħaġa ta' min ifaħħara li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa bejniethom kemm sabiex il-pubbliku jingħata l-aħjar servizz kif ukoll sabiex fondi pubbliċi jkunu utilizzati bl-aħjar mod. Dan joħroġ mill-Politika Nazzjonali tax-Xandir. B'dan il-mod ix-xandir edukattiv jingħata aktar spazju fuq l-istazzjon nazzjonali filwaqt li l-pubbliku jkollu aktar aċċess għal programmi ta' natura edukattiva wiesgħa bħal dawk sportivi u kulturali taż-żewġ stazzjonijiet. B'hekk l-obligu ta' l-istat li jmexxi 'l quddiem ix-xandir edukattiv u kulturali jkun jista' jintlaħaq aħjar.
Informat ukoll li ilhom isiru xi tipi ta' reklami fuq l-istazzjoni sa mill-bidu tiegħu. Minn mindu programmi tal-PBS bdew jidhru fuq Ch22 magħhom bdew jidhru xi reklami li kienu jagħmlu parti minn uħud mill-programmi, iżda bir-restrizzjonijiet tal-ħin li fihom jintwerew u xi parametri li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dehrilha li għandha tagħmel.
Universita' — Korsijiet segwiti minn studenti Ċiniżi
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-istatistika ta' l-istudenti Ċiniżi li bdew xi kors l-Universita' u liema kors bdew: fl-2000, fl-2001, fl-2002, fl-2003, fl-2004 u fl-2005, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi tariffa għall-ħruġ ta' ċertifikati/ittra mill-junior college? Jekk fl-affermattiv, kemm hija din it-tariffa u b'liema awtorita' qed issir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma l-ebda tariffa għall-ħruġ ta' ċertifikati mill-Junior College. Informat ukoll li għall-ħruġ ta' ittra ta' referenza li turi s-suġġetti, il-perjodu ta' attendenza kif ukoll il-marki, hemm tariffa ta żewġ liri (Lm2.00). Din l-ittra tiġi mitluba mill-istudenti biex jistudjaw barra minn Malta, jew biex jagħmel self mill-banek, jew għal impjieg. Din hija proċedura li timxi biha l-Universita għall-ħruġ ta' 'transcript' lill-istudenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11978, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol fil-play area tal-kindergarten ta' l-iskola primarja ta' Tal-Pieta'? Fiex waslu l-pjani għal dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn ġdid x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija ċitata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru konferenzi mid-dipartiment tal-farmaċija ta' l-Universita' ta' Malta matul din is-sena? Kemm ġew jiswew flus u min ħallas għalihom? Jista' jgħid ukoll jekk l-istudenti kenux mitluba li jħallsu għal xi konferenza? Jekk fl-affermattiv, kemm kien dan il-ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena id-Dipartiment tal-Farmaċija ta' l-Universita' għen fl-organizzazzjoni tal-konferenza annwali ta' l-Assoċċjazzjoni tal-Fakultajiet tal-Farmaċija ta' l-Ewropa li saret f'Malta. L-Universita' nefqet is-somma ta' Lm691 għaż-żewġ attivitajiet. L-istudenti ħallsu Lm55 kull wieħed u dan kien jinkludi wkoll l-ikel waqt it-tlett'ijiem tal-konferenza.
Informat ukoll li matul l-istess sena id-Dipartiment organizza is-seminar annwali fejn l-istudenti tal-ħames sena jippreżentaw il-proġett tagħhom. L-istudenti tas-snin kollha fid-Dipartiment attendew dan is-seminar bla ħlas.