Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28730 Sitting 621 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi jittieħdu biex jiġi żgurat li kull skola governattiva jinżammu nadifa u b' ambjent diċenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sezzjoni tal-Minor Staff fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni timxi skond ir-rakkomandazzjoni li hemm fir-rapport li kien sar fl-1998 dwar "Support Staff Requirements in State Schools" fl-iskejjel statali. Fejn insibu li hemm nuqqas ta' impjegati nagħmlu talba bil-miktub lill-Management and Personnel Office biex jintbagħtu aktar nies minn dipartimenti oħra jew jagħtu permess lid-Diviżjoni biex jinħarġu applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' mpjegati fuq bażi ta' part-time. Bħalissa qed isiru sforzi biex jimtlew xi vakanzi li seħħew minħabba leave ta' maternita` u irtir.
Leg 9 PQ #28732 Sitting 621 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet — Post-Sekondarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korsijiet kollha bdewx fil-qasam post-sekondarji? Liema ma bdewx? Għaliex? Meta se jibdew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet post sekondarji organizzati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li laqgħu fihom l-istudenti l-ġodda bdew kollha.
Leg 9 PQ #28736 Sitting 621 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għalqet it-tieni sejħa ta' applikazzjoni ta' studenti ma' istituzzjonijiet post-sekondarja, jista' jgħid kemm ġew aċċettati studenti b'kollox f'istituzzjonijiet post-sekondarji governattiv u mal-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 28683.
Leg 9 PQ #28741 Sitting 621 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tiġrijiet taż-Żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel din is-sena? Meta beda dan l-istaġun fl-aħħar ħames snin, sena b' sena? Għaliex din is-sena hija differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istaġun jibda biss hekk kif l-amministrazzjoni tal-Malta Racing Club tkun f'qagħda li twassal spettaklu mistħoqq u sostenibli għall-pubbliku. L-istaġun tat-tiġrijiet f'dawn l-aħħar ħames snin beda kif se nsemmi: Staġun 1996 / 1997 3 ta' Novembru 1996 1997 / 1998 5 ta' Ottubru 1997 1998 / 1999 25 ta' Ottubru 1998 1999 / 2000 10 ta' Ottubru 1999 2000 / 2001 22 ta' Ottubru 2001
Leg 9 PQ #28668 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri mill-perpetrators ta' każijiet regolari ta' bullying fl-iskejjel? Jingħataw għajnuna? X'tip? Jiġu mifruda mill-kumplament tal-klassi jew studenti oħra li ħafna drabi jkunu l-vittma, fis-sens, dawn jintbagħtu f'xi post għal ta' l-apposta fejn ikunu jistgħu jidħlu f'xi programm li permess tiegħu jkunu jistgħu jegħelbu l-problemi tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-politika Nazzjonali dwar l-ibbuljar ġiet ippublikata f'Novembru 1999 u taħseb fi strutturi fuq livell ta' skola u livell ċentrali biex jintervjenu f'każijiet ta' ibbuljar. Din il-politika teżiġi mill-iskejjel li każijiet ta' ibbuljar jiġu ttrattati fl-iskola nnifisha u bil-mezzi ta' l-iskola sakemm dan hu possibli, anke f'dawk li jkunu nvoluti f'azzjonijiet ta' ibbuljar b'mod regolari. Ir-riċerka turi li l-aktar mezzi effettivi biex tiġġieled l-ibbuljar u li jħallu effetti fit-tul huma dawk li jittrattaw il-każ fil-kuntest tiegħu, jiġifieri fl-iskola fejn ikun qed iseħħ l-att innifsu. F'każijiet gravi il-buli jista' jiġi mifrud minn sħabu jew sħabha għal xi żmien predeterminat u mhux twil. F'dawn il-każijiet tiġi offruta għajnuna tat-tip psikoloġiku jew bħala terapija tal-familja jew forom oħrajn li għandna għad-dispożizzjoni. L-effettivita` ta' din l-għajnuna tiddependi naturalment minn kemm il-buli lest jikkopera u jħalli l-għajnuna tagħmel l-effett tagħha.
Leg 9 PQ #28681 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta wieħed jara x' rekwiżiti li ntalbu għall-impjiegi fil-livelli differenti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, il-Ministru jinsab żgur li f' kull każ dawk magħżula kellhom ir-rekwiżiti meħtieġa kif imniżżla fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet ippubblikati?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li l-materja hi regolata mill-Bord tal-Gvernaturi. Jekk l-Onor. Membru għandu tagħrif dwar xi każ partikolari jista' jgħaddihuli għall-konsiderazzjoni tal-Bord.
Leg 9 PQ #28683 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Korsijiet Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti bdew korsijiet ġodda f' istituzzjonijiet post-sekondarji f' din is-sena skolastika ġdida: 1) Junior College 2) MCAST 3) Istituzzjonijiet Governattivi 4) Istituzzjonijiet tal-Knisja 5) Istituzzjonijiet Privati a) f' Malta u b) f' Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li matul Ottubru s-sitwazzjoni tkun għadha fluwida peress li jkun hemm studenti li applikaw sew għal aktar minn istituzzjoni waħda kif ukoll oħrajn li applikaw mat-tieni sejħa. L-istatistika definita tinġabar f'Novembru.
Leg 9 PQ #28719 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliem ta' l-Istorja ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid minkejja li wiegħed il-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari nru 27177 fis-seduta 574, xorta kien kemm lmenti minn ġenituri li l-istess għalliem għadu jgħallem l-istorja ta' Malta fil-Forms 3 u 4 minkejja li ma jafx bil-Malti? Jaf il-Ministru li huwa kien ta' tweġiba simili lil Onor. Mario Galea dwar l-istess suġġett? Għaliex hemm dan in-nuqqas ta' interess mid-Divizjoni tal-Edukazzjoni fejn jidħol il-futur tal-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem inkwistjoni qatt ma ġie approvat mid-Diviżjoni biex jgħallem l-Istorja ta' Malta għax ma kellux il-kwalifiki minimi fis-suġġett jiġifieri "A" Level. Kien ġie approvat biex jgħallem il-Ġografija. Wara Mistoqsija Parlamentari oħra il-Kap ta' l-iskola ingħata l-parir ċar biex l-għalliem in kwistjoni ma' jibqax jgħallem l-Istorja ta' Malta u kien mitlub li jikkonforma minnufih ma' dan il-parir. Jidher mill-Misotqsija Parlamentari preżenti li l-Kap ta' l-iskola din is-sena reġa' ma' tax kas il-parir li tatu d-Diviżjoni u reġa' ta t-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta fit-tielet u raba' sena tas-sekondarja lil dan l-istess għalliem. Dan sar meta xi ġenituri kienu ilhom jilmentaw fuq dan l-għalliem għal aktar minn tlett snin. Uffiċjali tad-Diviżjoni għandhom iżuru l-iskola u l-klassi ta' l-għalliem konċernat.
Leg 9 PQ #28721 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Storja ta' Malta

Question

Jista' l-Ministu jikkonferma li l-Istorja ta' Malta hija obbligatorja fl-iskejjel tagħna - tal-Istat, indipendenti u tal-Knisja? Jikkonferma pero' li mhux l-iskejjel kollha iwasslu lis-studenti biex joqgħodu għall-eżami tas-SEC f'dan is-suġġett? Jista' jara jekk hemm xi skola tal-bniet tal-Knsija li neħħiet l-Istorja ta' Malta mill-kurrikulu tagħha f'livell sekondarju (l-isem tal-iskola qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istorja ta' Malta hija obbligatorja fl-iskejjel tagħna, ta' l-Istat, Indipendenti u tal-Knisja. Fl-iskejjel ta' l-Istat, studenti li għandhom lezzjoni waħda biss fl-Istorja ta' Malta jaslu għall-eżami tas-SEC fl-Environmental Studies (li fih taqsima fuq l-Istorja ta' Malta) u mhux għall-eżami tas-SEC fl-Istorja ta' Malta. Għall-eżami tas-SEC fl-Istorja ta' Malta jaslu dawk l-istudenti li jkunu għażlu dan is-suġġett speċifikament u jkollhom erba' lezzjonijiet fih. Informat ukoll li l-iskola msemmija tgħallem l-Istorja ta' Malta fl-ewwel u t-tieni klassi ta' l-iskola sekondarja. Fit-tielet sena toffri għażla ta' suġġetti biex jiġu studjati mit-tielet sena 'l fuq, fost dawn is-suġġetti hemm l-Istorja ta' Malta. Jirriżulta li f'din l-iskola n-numru ta' studenti li għażlu l-Istorja ta' Malta kien tant żgħir li ma setgħetx tifforma klassi. L-eżami tas-SEC f'din iċ-ċirkustanza ma jistax isir.
Leg 9 PQ #28725 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Iskola Stefano Zerafa — Studenti b'Mwies

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li fost studenti li qed jagħmlu korsijiet li bdew fl-Iskola Stefano Zerafa tan-Naxxar qed ikun hemm min ikollu mwies b'periklu għall-istudenti l-oħra? Jistgħu jittieħdu passi biex jekk jirriżulta li dawn ir-rapporti jkunu veri, jitneħħa dan il-periklu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li student ta' l-ewwel sena ġie rrappurat minn sħabu tal-klassi li kellu lighter b'tarf forma ta' sikkina. L-amministrazzjoni ta' l-iskola investigat minnufih iżda kollox irriżulta fin-negattiv, u l-amministrazzjoni ta' l-iskola ammoniet severament lill-istudent konċernat. Il-ġenituri tiegħu ġew ukoll avżati. Dan kien każ iżolat.
Leg 9 PQ #28726 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għalqet it-tieni sejħa għall-applikazzjoni ta' studenti mal-MCAST, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi sħaħ ta' l-istudenti skond l-ordni tal-mertu kif wieġeb għall-mistoqsija 28442?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28582.
Leg 9 PQ #28727 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Smart Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-smart card ta' l-istudenti post-sekondarji u terzjarji tkun tista' tintuża għax-xiri ta' photocopies u materjal edukattiv ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ismart card ta' l-istudenti post sekondarji u terzjarji, diġa' barra mill-kotba, tista' tintuża għal materjal edukattiv ieħor u wara xi każi partikolari li ġew għall-attenzjoni tal-Bord qed jittieħdu passi biex l-użu tagħha jkun estiż biex tilqa' għalihom ukoll. Għal dak li jirrigwarda l-fotokopji, il-Bord ukoll qed jistudja każi fejn f'korsijiet partikolari jsiru aktar użu minn fotokopji ta' noti tal-lecturers milli minn kotba. Wieħed pero` jrid jiftakar li hemm fotokopji, bħal dawk ta' partijiet minn kotba, li mhux permessi minħabba l-liġi tad-drittijiet ta' l-awtur u fil-fatt l-assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lill-awturi diġa` pprotestat mal-Bord u ġibdet l-attenzjoni għal din il-liġi. Għalhekk mhux il-fotokopji kollha huma permessi, iżda dawk li jistgħu jsiru l-Bord qed jagħmel arranġamenti biex ikun jista' jilqa' għal dawn il-bżonnijiet.
Leg 9 PQ #28770 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Skola Primarja Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi il-qagħda attwali dwar il-bżonn ta' bini ta' Skola Primarja Ġdida f'Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-qagħda attwali hija kif indikata fit-tweġiba parlamentari numru 28275 f'Seduta 607.
Leg 9 PQ #28775 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Ġiljan — Waterpolo - Pixxina

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru 24706, jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasslet din l-inkjesta?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed ninformaw ruħna dwar l-aħħar żviluppi biex nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #28804 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq l-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq hiring, u leasing u xiri ta' vetturi matul s-snin 1999, 2000, 2001 sal-llum?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħat f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #28596 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Inġenerija Elettronika

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' liema kriterji ddaħħlu l-istudenti li bdew il-kors ma' l-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika? Xi kwalifiki kellhom dawn l-istudenti? X' jisimhom? Xi kwalifiki kellhom dawk li ma ntagħżlux? Min huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 28582.
Leg 9 PQ #28630 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Malti Għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 28412?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #28649 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Malti Għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid dawk kollha li applikaw għal xi impjieg mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija u ma ġewx aċċettati u reklutati meta se jiġu nfurmati li ma ntagħżlux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull min applika għall-impjieg ma' l-MCAST u ma ġiex aċċettat qed jiġi mgħarraf hekk kif il-post li għalih applika jimtela'. Il-Kulleġġ beħsiebu wkoll jippubblika r-riżultati tal-proċess ta' l-għażla hekk kif dan ikun definittivament kompletat.
Leg 9 PQ #28679 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Epilepsja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' għajnuna għandhom studenti li jbatu mill-epilepsja? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li jbatu mill-epilepsja? Jekk għandi din l-informazzjoni, jista' jagħtiha skond is-sess u l-eta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-epilepsja hija kundizzjoni medika, l-informazzjoni mitluba tista' tingħata biss mill-iSchool Medical Service tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #28689 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pjanijiet ta' M'Scala

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-iskola ta' M'Scala , minħabba li din issa hija żgħira wisq sabiex tilqa' għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni dejjem tikber ta' M'Scala?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kmieni din is-sena, saret applikazzjoni ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għat-tkabbir ta' din l-iskola. Ix-xogħol hu mistenni li jibda hekk kif joħorġu l-permessi meħtieġa.