Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn total ta’ mija u d-disgħa u erbgħin (149) membru fuq bordijiet maħtura mill-Ministeru, disgħa u għoxrin (29) huma nisa.
San Pawl il-Baħar – Triq ta’ wara l-Knisja tal-Karmnu — xogħlijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7936, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill fil-fatt ġabx konkos biex isewwi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri iżda ma tħallix iwettaq ix-xogħol minkejja li l-konkos dam numru ta' siegħat fuq il-post ftit tal-jiem ilu? Fejn intuża l-istess konkos li kien fuq il-post imsemmi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-konkos li kien inġab xi jiem ilu ntuża fl-inħawi tax-Xtut, fil-Qawra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu jieħu sal-31 ta’ Marzu 2013 l-kuntrattur li jiġbor il-boroż is-suwed, jiġifieri l-iskart domestiku, minn Birkirkara?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-ammont huwa ta’ €169,279.45.
Kunsill Lokali Birkirkara – Kontijiet tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm arbitraġġ għaddej bejn il-Kunsill Lokali preċedenti ta’ Birkirkara u l-Arms? Jekk fl-affermativ, kemm kien l-ammont in kwestjoni?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li saru laqgħat u dak iż-żmien (Diċembru 2012) l-ammont li kienu qed jitolbu l-Arms kien ta’ € 139,546.50. Wara diversi diskussjonijiet però, l-ftehim baqa’ ma ntlaħaqx.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħalla dejn mal-WasteServ sal-31 ta’ Marzu 2013 mill-Kunsill Lokali preċedenti ta’ Birkirkara? Minħabba dan l-iżbilanċ u n-nuqqas ta’ responsabbiltà mis-Sindku Nazzjonalista, kemm hu l-ammont li qed jittieħed mill-allocation tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara attwali?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-bilanċ huwa ta’ €292,753.61 u li l-ammont li qed jittieħed mill-allokazzjoni kull tlett xhur huwa ta’ € 22,580.
Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market – applikazzjoni għal proġett
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni taħt il-European Social Fund mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-proġett “Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market” li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-MCAST u l-Università ta’ Malta? X’valur għandu l-proġett?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-applikazzjoni għall-proġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant saret fl-2011 għall-valur totali ta’ €312,419.00.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tas-Supervisory Board tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 39 (1), Part VII, tal-Att dwar l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta, Kap. 499 li jgħid:
“39. (1) Il-Ministru jista’, wara konsultazzjoni mal-Awtorità, b’Ordni pubblikata fil-Gazzetta u b’seħħ minn dik id-data jew dati kif jistgħu jiġu stabbiliti f’dik l-Ordni, jaħtar fir-rigward ta’ kull Direttorat li jista’ jkun twaqqaf taħt dan l-Att, Bord ta’ Sorveljanza li jkun magħmul minn Chairperson u dawk il-membri l-oħra msemmija fl-Ordni. Il-Bord ikollu dawk is-segħat eżekuttivi u, jew konsultattivi kif jista’ jingħad fl-Ordni kif jista’ jiddeċiedi l-Ministru wara konsultazzjoni mal-Awtorità.”
Fid-dawl tal-fatt li bħalissa qed issir ħidma dwar it-twaqqif ta’ l-Awtorita’ Maltija tal-Avjazzjoni, il-bord imsemmi ma nħatarx, dejjem skont kif provdut f’dan l-Att.
B’riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2175, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata issa ġiex iffirmat, u jekk le għaliex għadu ma ġiex iffirmat u jekk il-Gvern almenu abbozzax dan il-ftehim u f’dak il-każ jista’ jqiegħed l-istess abbozz fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ġie iffirmat, allura jista’ jqiegħed il-kopja tal-istess ftehim?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien iffirmat iżda f’dan l-istadju ma nħossx li għandu jkun ippubblikat.
Wirt industrijali ta’ pajjiżna – organizzazzjonijiet u fondazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn organizzazzjonijiet/fondazzjonijiet li b’xi mod jieħdu ħsieb il-wirt industrijali ta’ pajjiżna, u li huma rikonoxxuti bħala għaqdiet ta’ dan it-tip mill-awtoritajiet governattivi? Liema huma dawn l-organizzazzjonijiet, fejn huma reġistrati, u kemm ilhom rikonoxxuti bħala għaqdiet ta’ dan it-tip?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li skond l-informazzjoni li għandha huma erbgħa (4) l-organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb b’xi mod il-wirt industrijali f’pajjizna. Dawn huma:
Fondazzjoni Wirt Artna
Fondazzjoni għal-Ħarsien Wirt Industrijali
Malta Aviation Museum
Farsons Foundation
Dwar il-parti tal-mistoqsija li tirrigwardja r-reġistrar ta’ għaqdiet jew fondazzjonijiet, nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lil Ministeru konċernat
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kellu sal-31 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan l-istess kunsill sad-data msemmija kellux xi djun ma’ kumpaniji bħal WasteServ, ARMS Ltd u oħrajn? Jekk iva, jista’ jelenka din il-lista u jgħid kemm jammontaw f’termini assoluti u f’termini ta’ persentaġġ tal-allokazzjoni tal-istess kunsill?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7719, billi hemm referenza għall-obbligu li jinżamm bilanċ pożittiv ta' 10%, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli li waqgħu taħt il-livell ta' 10% bilanċ pożittiv? Liema kienu l-kunsilli lokali li fil-fatt ingħataw eżenzjoni biex ma jimxux ma' din ir-regola?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi li juru (a) dawk il-Kunsilli Lokali li kienu ingħataw eżenzjoni biex ma jżommux il-bilanċ ta’ għaxra fil-mija u (b) dawk il-Kunsilli Lokali li ma żammewx il-bilanċ ta’ 10% bilanċ posittiv skont l-aħħar rapporti tal-udituri għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2012.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-suppliers li l-Kunsill Lokali preċedenti ta’ Birkirkara taħt sindku Nazzjonalista ħalla dejn magħhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata upkeep xieraq lill-ġnien ta’ quddiem il-knisja tal-Imsida, fejn jinħtieġ li ssirlu tindifa u titranġa l-funtana li ilha mitfija għal żmien twil?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imsida li l-ġnien imsemmi hu miżmum fi stat tajjeb. Jidher iżda li hemm problema fid-dawl tal-ġnien konsegwenza ta’ xi atti vandali.
Il-Kunsill Lokali għaddej b’diskussjonijiet mal-kuntrattur biex jirranġa din il-problema mill-aktar fis.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir id-dawl meħtieg fi Triq il-Kunċizzjoni, l-Imsida peress li din it-triq tinsab fid-dlam?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imsida li mill-bidu tas-sena s’ issa, fir-rigward tat-triq imsemmija, daħal rapport wieħed biss ta’ bozza maqtugħa, ħdejn il-bini tal-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill. Din kienet rappurtata l-ġimgħa l-oħra u infurmat li l-kunsill ħa l-passi sabiex din tinbidel. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Imsida intant kiseb l-approvazzjoni tal-Enemalta għal bozza ġdida ħdejn il-bring-in-sites fl-istess triq.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhu l-ħlas totali li qed isir lil kull membru tal-MCCA minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bord tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għandu dawn ir-remunerazzjonijiet:-
Ħlas kull erba’ ġimgħat
Ċermen
Ewro 1075.08
Viċi Ċermen
Ewro 720.30
Membri
Ewro 215.02 kull wieħed