Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq se jiġu mibnija jew mogħtija t-tarmak f’Ħal Qormi? Meta se jibdew u meta se jitlestew? Kemm hi stmata li tkun l-ispiża?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Qormi se jiġu asfaltati t-toroq rurali ta’ Triq Għar Ram u Triq it-Tiġieġ permezz tal-programm kurrenti ta’ xogħol fuq toroq rurali.
Dan barra interventi fuq toroq arterjali u distributorji skont l-esiġenzi u prioritajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex jikkonsidra passi kif se jtaffi t-traffiku esaġerat li qed jgħaddi ta’ kuljum minn Triq l-Imdina, Ħal Qormi li hi triq arterjali li suppost tieħu t-traffiku li ġej min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ għal Belt, u li minħabba staġnar qawwi, volum konsiderevoli ta’ traffiku qed jagħżel li jgħaddi minn toroq residenjali f’Ħal Qormi, anke minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq parti minn Triq l-Imdina (ħdejn l-Imgħallaq)?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10885.
Jista’ l-Ministru jgħid hux jistudja serjament xi pjan biex jibni toroq/bypass li jiddevjaw it-traffiku minn toroq residenzjali f’Ħal Qormi u li tibgħat it-traffiku direttament minn Triq l-Imdina għal toroq/bypass oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta għaddejja bi studju estensiv fejn qed tħejji l-ewwel Transport Master Plan għall-gżejjer Maltin fejn se jkun hemm pjan ħolistiku sabiex fosthom jiġu ndirizzati problemi t’immaniġġar tat-traffiku fuq livell nazzjonali. Għaldaqstant, kull proġett ġdid li jinvolvi bini ta’ toroq u infrastruttura se jiġi kkunsidrat fl-isfond ta’ dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol fuq it-triq ta' wara l-Knisja tal-Qawra jkompli x-xogħol fl-iqsar żmien possibli? Minbarra hekk, peress li bħala parti mix-xogħol, numru ta' ġimgħat ilu saret trinka li taqsam Triq Annetto Caruana, fil-kantuniera ma' Triq J Quintinus, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jassigura li almentu din it-trinka li hi ta' perikolu għal kull min jgħaddi mit-triq tiġi msewwija kemm jista' jkun malajr? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex it-triq ta' wara l-knisja titlesta fl-iqsar żmien possibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Annetto Caruana huwa lest.
Taqsima tal-cleaning — kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni qed ikun hemm mit-taqsima tal-cleansing li taqa' taħt il-Ministeru, mal-kunsilli lokali? B'mod partikolari, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed ikun hemm xi kollaborazzjoni partikolari bejn din it-taqsima u l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-kollaborazzjoni tirrigwarda kull talba ta’ tindif li jista’ jkun hemm minn żmien għall-ieħor. Attenzjoni speċjali tingħata lill-Kunsilli Lokali li fil-konfini tagħhom hemm deskritti żoni bħala żoni turistiċi. Hawnhekk l-Gvern jaħseb għall-frekwenzi addizzjonali ta’ tindif f’dak li jirrigwarda ġbir ta’ skart u knis ta’ toroq.
It-talbiet minn kull Kunsilli Lokali jiġu evalwati kollha u possibilment jiġu akkomodati permezz tal-makkinarju u riżorsi umani disponibbli.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi tnaqqis għal dak li jikkonċerna n-numru ta' trakkijiet li jagħtu servizz għat-tindif tal-bajjiet, madwar Malta u Għawdex? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal dan it-tnaqqis?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tnaqqis ta’ trakkijiet li jagħtu servizz fit-tindif tal-bajjiet. Anzi dawn żdiedu matul is-sena 2014. L-operat tat-trakkijiet jiddependi fuq il-ħsarat li jkollhom l-istess vetturi minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali ma ġiex imniżżel fuq il-lapida kommemorattiva li nkixfet fil-ftuħ uffiċjali ta' Sant Iermu f'Mejju li għadda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ restawr ta’ Forti Sant Iermu, huwa proġett li ġie implimentat mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Heritage Malta se tkun responsabbli mill-operat tal-post.
Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni sabiex isir ix-xogħol li hemm bżonn fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi peress li qed iżomm ħafna ilma tax-xita b'inkonvenjenza għar-residenti kkonċernati?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15480 jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew jinbnew il-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq San Ġwakkin, Triq il-Belt Valletta, Triq il-Blata, Triq il-Bard, triq il-Ħammieri u Triq il-Mitħna f’Ħal Qormi? Jista’ jgħidilna meta huwa ppjanat li jitlestew? Jista’ jgħidilna kemm huwa smat li se jiswew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-culverts ta’ storm water fit- triqat msemmijja hu mistenni li jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħol hu mistenni li jieħu bejn 18 u 20 ġimgħa biex jitlesta kollu.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6771, 8833, 9201, 10890 u 10891 biex jiġi kkumplimentat il-proġett ta’ kontra l-ilma tal-għargħar li sar fil-wied f’Ħal Qormi b’fondi tal-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ tisbieħ fil-madwar tal-wied u biex jinbena mill-ġdid iċ-ċint ta’ madwar il-wied b’mod partikolari minn Triq il-Mitħna sa Triq Correa u anke n-naħa ta’ Triq Pawlu Farrugia?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet fuq il-ħitan ta’ madwar il-wied minn Triq il-Mitħna sa’ Triq Correa u Triq Pawlu Farrugia.
Reserved parking spaces, normali jew minħabba diżabilità — talbiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn min hu ffurmat il-kumitat li jiddeċiedi dwar it-talbiet għal reserved parking spaces, normali jew minħabba diżabilità? Kemm-il darba ltaqa’ din is-sena u kemm kienu approvati talbiet u fejn? Meta saret l-aħħar laqgħa u liema talbiet ġew approvati f’din l-aħħar laqgħa? Min ipinġi fuq il-psot, l-ewwel darba dawn l-istess reserved parking spaces? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali rispettivi jkunux infurmati b’tali deċiżjonijiet u wkoll dwar il-mod u l-jum li fih ikunu ser jinżebgħu l-istess sinjali? Jista’ wkoll jagħti tagħrif dwar liema mis-sinjali li ġew approvati fl-aħħar laqgħa ġew filfatt mizbugħa fuq il-post u meta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-Bord tal-Parkeġġ Riservat huwa kompost minn :
Chairperson
Rappreżentant mill-kunsilli lokali
Rappreżentant mill-KNPD
Rappreżentant Transport Malta
Tabib Transport Malta
Segretarja tal-Bord
Il-Bord għall-Parkeġġ Riservat din is-sena ltaqa’ tlett darbiet, fit-23 ta’ Jannar 2015, fit-13 ta’ Marzu 2015 u fit-8 ta’ Mejju 2015, fejn ġew approvati 77 applikazzjoni. Lista ta’parkeġġi riservati li ġew approvati fil-lokalijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-ewwel darba dawn il-parkeggi riservati jiġu mplimentati minn Transport Malta. Il-Kunsill Lokali rispettiv ikun ġie kkonsultat meta tidħol applikazzjoni u l-kunsill ikun ukoll infurmat mid-deċiżjoni tal-Bord. Fi żmien jumejn mill-approvazzjoni tal-Bord, il-kuntrattur jingħata’ struzzjonijiet biex jibda l-implimentazzjoni.
Il-parkeġġi riservati li ġew approvati fl-aħħar Bord ġew kollha miżbugħa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta, minn fejn jingħataw il-palji fit-tiġrijiet taż-żwiemel fi żmien l-Imnarja?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw wiċċ ġdid it-toroq li fadal isiru fiż-żona ta’ Santa Margerita, il-Mosta,?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista kurrenti ta’ toroq fil-lokalità tal-Mosta li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta għall-asfaltar għall-ewwel darba tinkludi s-segwenti:
Triq il-Marquis Mallia Tabone
Wied is-Sir
Triq ix-Xitwa
Triq ir-Rebbiegħa
Triq Madre Tereża
Parti minn Triq l-Inkurunazzjoni
Triq Ġorġ Mitrovich
Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra legali li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kitbet liċ-Chairman tal-BICC għan-nom ta' wħud mill-ko-propjetarji tal-bini, mertu tal-istorja li dehret fil-paġna ta' quddiem tal-ġurnal The Sunday Times tal-Ħadd 31 ta' Mejju 2015? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba li l-BICC jew xi dipartiment ieħor ta bħala tweġiba għall-imsemmija ittra?
Xogħlijiet fuq it-triq bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 16160 u 16025 li jikkonċernaw ix-xogħol li għandu bżonn isir fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twassal sal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tlestewx, jew almenu jekk inbdewx il-konsultazzjonijiet li suppost għandhom isiru qabel ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq il-wiċċ tal-istess triq? Jekk inbdew, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif, sa issa, ma’ liema entitajiet saru l-konsultazzjonijier u x’irriżulta minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat għadhom ma bdewx iżda mistennija jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 10156, 10548 u 15830 dwar ix-xogħol ta’ restawr li għandu jsir fis-salini, u b’referenza partikolari għall-parti tar-risposta li tgħid: ‘Barra minn hekk ikun jonqos li jitlesta r-restawr kollu tas-Sukkors’, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu x-xogħol li għaddej bħalissa fl-istess post, minn min qed isir u meta hu mistenni li titlesta kull parti mix-xogħol indikat? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar liema huma t-tenders li għad iridu jinħarġu / jiġu aġġudikati għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellent għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 15436 u 15830, ninfurmah li x-xogħol li għaddej bħalissa hu r-restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri, t-tlestija tat-triq interna fis-Salini u l-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit. Ix-xogħol ta’ restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri (kuntratt CT3182/2013) qiegħed ssir minn Camray Company Limited u mistenni jitlesta f’Ġunju. Ix-xogħol tal-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit (kuntratt CT3184/2014) qiegħed ssir minn General Maintenance Limited u mistenni jitlesta f’Settembru. Ix-xogħol tat- tlestija tat-triq interna fis-Salini qiegħed ssir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura u mistenni jitlesta f’Settembru. Għal dawn ix-xogħlijiet m’hemmx tenders li għad iridu jinħarġu / jiġu aġġudikati.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru culverts biex jilqgħu l-ilma tax-xita fi Triq Dun Marju f’Ħal Qormi? Kemm huwa stmat li jiswa dan ix-xogħol? Meta jista’ jibda dan ix-xogħol? Meta jista’ jitlesta dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu maħsub li ssir culvert minn fejn Triq San Gorg tiltaqa’ ma’ Triq Dun Mario u tibqa sejra sa Triq il-Wied fejn saru il-culverts tal-Proġett għal kontra l-għargħar.
Hu stmat li dan ix-xogħol jiġi jiswa madwar €74,000 u mistenni li jibda u jitlesta matul din is-sena.
Ġaladarba jkun lest il-proġett ta’ Triq il-Kosta, jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk l-aċċess minn maġenb il-Lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hux ser jibqa’ hemm għar-residenti tas-Salina?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess li jeżisti bejn il-lukanda u s-Salina Hamlet fil-preżent huwa biss wieħed temporanju, peress illi dan l-aċċess jinsab fil-konfini tal-lukanda.