Legislature:
Category:
Reset
Active:

Stallazzjoni ta' lift — każ ta' individwu

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13071, peress li qed ikun hemm dewmien mill-Awtorità tad-Djar biex jiġi stallat il-lift, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax it-talba tal-inkwilini li jsir il-lift min-naħa tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-istallar tal-lift jaqbeż ċertu ammont ta’ flus, l-Awtorità tad-Djar trid timxi mar-Regolamenti tal-Procurement fi ħdan il-Gvern u trid iżżomm mal-allokazzjoni tal-budget li għandha l-Awtorità għal dan l-iskop.

Residenza San Vinċenz de Paul — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hu każ urġenti ta' mard u jeħtieġ li jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru ngħataw separatament qed jiġi evalwat.

Servizz ta' HomeHelp — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li hemm bżonn ta' homehelp?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ tal-persuna li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament qed jiġi evalwat.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – konsulenti ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu konsulenti ġodda fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ f’kull każ jgħid liema kienet l-entità li qed timpjega, x’inhu l-ammont finanzjarju tal-paga kif ukoll il-perkaċċi kollha marbutin mal-konsulenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorvoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paul — ilmenti ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ilment fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni tal-kumpless San Vinċenz de Paule, għamlu kuntatt ma’ bint il-persuna li d-dettalji ngħataw separatament u qegħda tittieħed kull miżura sabiex is-sitwazzjoni tiġi rretifikata għall-ġid tal-persuni kollha konċernati.

Problema ta' pensjoni — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu xi problema bil-penzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni għal pensjoni mhux kontributorja ġiet miċħuda għaliex il-kapital jeċċedi l-iskala.

Żball fis-salarju – każ ta’ individwu b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12928 u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm xi żball fis-salarju tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jidhru separatament iddeċieda li jibdel l-istatus tat-taxxa, liema bidla rriżultat f’taxxa mħallsa żejda. Għalhekk sar arranġament mad-Dipartiment tat-Taxxi biex jagħtu rifużjoni lill-individwu kkonċernat

Skema Sir Sid Darek — xiri ta' appartament - każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12988 u jara li jiġi nvestigat każ lid-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament rigward xiri ta' appartament taħt l-iskema Sir Sid Darek minn naħa tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna msemmija qiegħed jinħadem u l-valur tal-prezz tax-xiri se jingħata fil-futur qarib.

Strateġija dwar il-Faqar

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija dwar il-Faqar li għadu kemm nieda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Membru illi l-kopja tal-istrateġija dwar il-Faqar li għadha kemm kienet imnedija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ f’kull każ jgħid liema kienet l-entità li qed timpjega, xi skala u grad huwa l-impjieg, x’inhu l-ammont finanzjarju tal-paga kif ukoll il-perkaċċi kollha marbutin mall-impjieg,u x’tip ta’ kuntratt huwa, jiġifieri huwiex contract for service, contract of service, impjieg b’kuntratt jew impjieg permanenti? Jista’ jgħid ukoll, f’kull każ, kif ġiet ingaġġata l-persuna, jiġifieri jekk hux b’sejħa pubblika jew bħala position of trust?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzoni mituba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inagħtaw promozzjonijiet fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, minn Marzu 2013 sal-lum? F’liema entitajiet ingħataw dawn il-promozzjonijiet? Liema karigi mtlew b’dawn il-promozzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzoni mituba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Awtorità dwar id-Djar – promozzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-promozzjonijiet pendenti fl-Awtorità dwar id-Djar? X’salarji u perkaċċi hemm marbuta ma’ kull kariga li trid timtela? Jista’ jgħid jekk is-sejħa għall-promozzjonijiet ġodda hijiex qed timla pożizzjonijiet li ġew battala inkella hux se jinħolqu karigi ġodda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li fil-preżent għaddej ristrutturar tal-Awtorita’ li hu ttamat li jsaħħaħ l-Awtorita’. Is-salarji u perkaċċi huma l-istess għal dawk preżenti.

Awtorità tad-Djar – kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fl-Awtorità tad-Djar se terġa’ tinħoloq u timtela l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv li nħolqot f’din il-leġiżlatura u li kienet imtliet minn impjegata tal-Awtorità tad-Djar mingħajr ebda sejħa biex wara ftit xhur reġgħet tbattlet biex il-persuna inkwistjoni ingħatat promozzjoni oħra? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess persuna li kienet ingħatat din il-kariga bla sejħa issa ġietx intitolata biex tapplika għal din is-sejħa anke minħabba l-aħħar promozzjoni li ngħatat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar se terġa’ toħloq il-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv u dan wara li l-posizzjoni ta’ qabel kienet waħda ta’ position of trust. Il-persuna li kienet qed tokkupa l-posizzjoni qabel għandha r-rekwiżiti kollha meħtieġa u għalhekk hija tista’ tapplika għal din is-sejħa bħalma jistgħu japplikaw oħrajn.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – sejħiet għal promozzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sejħiet għal promozzjonijiet pendenti fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità? Liema huma l-karigi li għad iridu jiġu mimlija? X’karigi u perkaċċi ġġorr magħha kull kariga? Jista’ jgħid għaliex hemm promozzjonijiet li r-riżultati tagħhom ħarġu iżda l-karigi għadhom ma mtlewx? X’se jsir biex tiġi rretifikata s-sitwazzjoni mingħajr aktar dewmien? Jista’ jgħid il-persuni li ntagħżlu xi kwalifiki u esperjenza għandhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-KNPD għaddejja minn proċess t’ evalwazzjoni interna dwar l-operat tagħha, ukoll in vista tas-servizzi, biex finalment isseħħ is-separazzjoni bejn ir-rwoli tagħha ta’ regolatur u service provider fl-istess ħin – sitwazzjoni anomala li anke l-amministrazzjoni preċenti kienet konxja tagħħa u li trid tingħata prijorita’ biex tiġi indirizzata. Wara li jsir dan il-proċess ser ikun hemm ukoll proċess tal- capacity building meħtieg u opportun.

Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa — Ċentru ta' matul il-jum

Question

Jista' l-Ministru jara li l-prassi li dejjem intużat li fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa sa mill-ftuħ taċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fl-istess binja, dak li meta anzjani ikollhom bżonn servizzi fl-istess residenza u jkunu qed jagħmlu użu ukoll miċ-Ċentru ta' Matul il-Jum, ma jintalbux joħorġu barra biex jużaw il-bieb prinċipali tar-residenza meta faċilment jistgħu jagħmlu użu minn bieb komuni li jinsab bejn iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum u l-istess residenza (dan meta hemm ukoll residenti f'Dar il-Madonna tal-Mellieħa li ukoll jagħmlu użu miċ-Ċentru ta' Matul il-Jum, apparti l-kesħa f'dawn iż-żminijiet tas-sena)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba sigurta’ fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, il-bieb komuni bejn id-Dar u ċ-Ċentru jintuża biss mill-membri anzjani li huma wkoll residenti ġewwa din id-Dar sabiex imorru ċ-Ċentru u lura d-Dar. Jużawh ukoll l-anzjani membri li jmorru għal-lezzjonijiet tal-aerobics li jsiru fid-Dar tal-Mellieħa.

Problema Soċjali — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema soċjali u hemm bżonn li jiġi trasferit fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija applikat fid-9 ta’ Diċembru 2014. L-Applikazzjoni trid tidher quddiem il-Bord Multi-Dixxiplinarju biex b’hekk jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet tal-persuna u jingħata l-prijorita’ skont tali ħtiġijiet.

Awtorità tad-Djar – kariga ta’ Executive Head Social Housing

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10727 jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-impjegati tal-Awtorità tad-Djar li għandhom Masters Degree Level 7 applikaw għall-kariga ta’ Executive Head Social Housing li fil-fatt ħaditha persuna li għandha biss Degree Level 6?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għall-kariga ta’ Executive Head Social Housing taħt l-Awtorita’ tad-Djar kien rekwiżit li jrid ikollha Degree Level 6 jew għola.

Awtorità tad-Djar – periti – pakketti finanzjarji, perkaċċi u benefiċċji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10728 u l-pakketti finanzjarji, il-perkaċċi u l-benefiċċji tal-periti tal-Awtorità tad-Djar, jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema gradi u skali huma marbuta l-pakketti msemmija u f’kull każ kemm il-perit hemm fl-iskala u l-grad partikolari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – periti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10728 u l-pakketti finanzjarji , l-perkaċċi u l-benefiċċji tal-periti tal-Awtorità tad-Djar, jista’ l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li l-maġġoranza tal-15- il Perit li għandhom Kuntratt ta’ Servizz mall-istess Awtorità jitħallas 7,000 fis-sena wieħed jitħallas 45,430 ewro fis-sena u r-rata tiegħu hija ta’ €21.83 fis-siegħa kontra l-€15 fis-siegħa li jieħdu l-periti l-oħra? Kif intagħżel dan il-perit/konsulent? Saret sejħa pubblika qabel l-għażla? Xi kwalifiki għandu aktar mill-periti l-oħra? X-xogħol aktar għandu mill-periti l-oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – periti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9856 u 10729 jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-diffikultà biex jingħata dwar min huma l-periti li jagħtu servizz lill-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid min huma u f’kull każ kif intagħżlu biex jagħtu dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.