Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id- dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Liema hija l-kariga ta' dawn in-nisa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema pożizzjoni ta' deċiżjoni qed tagħmel referenza għalihom.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum kemm inħatru nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema pożizzjoni ta' deċiżjoni qed tagħmel referenza għalihom.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' nisa u rġiel li jokkupaw pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema pożizzjoni ta' deċiżjoni qed tagħmel referenza għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – proġett ta’ mmodernizzar
Question
B'referenza għall-proġett estensiv ta' mmodernizzar tal-kurituri u s-soqfa tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, jista' l-Ministru jgħid meta:
a. inbidel is-soffit il-qadim ta' dawn il-kurituri, liema soffit kellu kontenut ta'
asbestos
;
b. ġew mgħoddija s-servizzi ġodda li jinkludu dawk li jfornu ilma sħun u kiesaħ u ilma tajjeb għax-xorb;
c. ġew stallati s-sistemi ta'
intelligent lighting
u
fire alarm
u servizz ta' elettriku ġdid; u
d. inqalet l-art il-qadima u ġiet miksija b'madum ġdid filwaqt li twaħħlu twieqi u bibien ġodda tal-aluminju bi ħġieġ doppju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nagharraf lill-Onor. interpellant li s-soffitt li kellu kontenut ta’ asbestos issa tneħħa kollu.
Ix-xogħol relatat ma’; bdil tas-servizzi, is -sistema tal-fire alarm, u l-ewwel fażi ta’ tibdil ta’ madum li tikkonċerna s-sular ta’ fuq tal-isptar, kien lest f’ Novembru tal-2013.
Is-sistema tal-
intelligent lighting
tlestiet f’Settembru 2014.
Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex tissolva l-kwistjoni bejn l-Arms Ltd u l-kuntrattur responsabbli mil-lift taċ-ċentru ċiviku tar-Rabat Malta fuq kontijiet pendenti, u jerġa’ jinxtegħel il-lift sabiex il-pubbliku jkollu aċċess għall-varji faċilitajiet fiċ-ċentru ċiviku?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ arloġġ tad-dawl li allegatament ġie nieqes mill-post.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prassi dwar il-meters tad-dawl temporanji li jitwaħħlu għall-użu f’xi okkażjoni ta’ xi festa jew attività li ssir fuq barra? Jista’ jgħid fejn wieħed għandu japplika u kemm-il ġurnata qabel irid japplika? U jekk japplika aktar tard minn xi data stipulata hemm xi ħlas addizzjonali li jkun irid jitħallas? Kemm-il meter jista’ bejjiegħ/sid ta’ Gabbana/stall ikollu fuq ismu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija pubblika.
(Informazzjoni Addizjonali: PL 3460 li ngħatat fis-Seduta 191, nhar it-Tnejn 27 ta' Ottubru 2014)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi se jittieħdu biex fejn hemm dawl pubbliku nieqes fi Triq is-Sajjied, Buġibba, u l-inħawi ta' madwar, ikollhom dawl adegwat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dawl tat-triq imsemmija u l-inħawi tal-madwar huma fdati f’idejn il-Kunsill lokali. F’każ li jkun meħtieġ tibdil jew żieda fid-dawl eżistenti, l-Kunsill lokali jista’ jsegwi l-proċedura stabbilita biex jikseb l-awtoriżżazzjoni u jwettaq ix-xogħlijiet relatati.
Il-Ħamrun – Triq il-Kappillan Mifsud – binja abbandunata — ħmieġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati dwar l-unika binja abbandunata fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun li ilha fi stat ta’ abbandun għal aktar minn 28 sena bil-konsegwenza li hemm akkumulazzjoni ta’ skart li huwa ta’ detriment għar-residenti u l-persuni li jkunu għaddejjin minn din it-triq? Jista’ jgħid x’passi qegħdin jittieħdu sabiex tiġi kkontrollata l-problema ta’ ġrieden li qed joħorġu minn dan is-sit? Jista’ jgħid għaliex ma ttieħdu ebda passi s’issa, jekk jirriżultalu li l-awtoritajiet ikkonċernati għadhom ma għamlu xejn?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment dwar din il-binja.
Madanakollu uffiċċjal fi ħdan id-Direttorat għamel spezzjoni fit-triq indikata u ġiet identifikata binja mitluq fejn ġie nnutat akkumulu ta’ zibel.
Madanakollu waqt l-ispezzjoni ma ġietx innutata l-ebda prezenza ta’ ġrieden. Minħabba li ma jistax jitpoġġa velenu f’imkejjen privati mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-sid it-trattament ma setax isir.
Għalhekk l-uffiċċjali inkarigati mill-lokalità msemmija qed jagħmlu kull tentattiv sabiex jiġi identifikat is-sid tal-binja sabiex jiġi mnaddaf filwaqt li jsir it-trattament meħtieġ
Kontijiet tal-dawl mhux imħallsa – qtugħ fil-provvista
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5106 u jgħid kemm-il konsumatur inqatgħatlu l-provvista tal-elettriku minn Marzu 2013 ’l hawn minħabba kontijiet mhux imħallsa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kien hemm 1,662 (elf, sitt mija, tnejn u sittin) kont li l-provvista tal-elettriku tagħhom ġiet maqtugħa minħabba kontijiet mhux imħallsa.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra – pressa tal-ilma tal-vit
Question
Billi fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, matul dawn l-aħħar jiem, u dan f'perijodu meta l-konsum tal-ilma suppost li beda jonqos u mhux jiżdied, partijiet sostanzjali ta' San Pawl il-Baħar qed ikollhom jew qtugħ totali, inkella tnaqqis sostanzjali fil-pressa tal-ilma tal-vit, jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni għal dan in-nuqqas serju, li qed jikkawża diffikultajiet mhux żgħar lir-residenti ta' dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pressa baxxa hija dovuta għal xogħlijiet infrastrutturali li qegħdin isiru fil-Coast Road.
Kontijiet tad-Dawl – każ ta’ individwu minn Ħal Għaxaq
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu minn Ħal Għaxaq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress qed jkollu kontijiet għoljin ħafna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan il-każ kien hemm ammont ta’ ilma kkunsmat iżjed minn normal. Il-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata u issa l-konsum reġa’ ġie lura għan-normal.
Kontijiet tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu minn Raħal Ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu minn Raħal Ġdid li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ huwa solvut.
Problema bil-main tal-ilma — każ ta' individwu mill-Marsa
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna mill-Marsa li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex isirlu x-xogħlijiet meħtieġa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm diversi verifiki fil-post kemm mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll mid-Dipartiment tas-Sanita’, u issa l-problema hija solvuta.