Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tar-Riżorsi tal-iskejjel — Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura qed tintuża biex jingħata t-teleworking fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi tal-Iskejjel? Jista' jgħid ukoll jekk dan it-telework hux qed jingħata skont ir-regoli taċ-ċivil? Jista' jikkonferma li l-għoxrin siegħa li persuna li tkun qed taħdem bit-tele work hija obbligata li tagħmel ġewwa l-uffiċċju dawn qed isiru? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu bit-telework fi ħdan l-istess Dipartiment? Jista’ jgħid kif qed jinħadem it-telework u meta qed jidħlu d-Dipartiment f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-Dipartiment ta’ Riżorsi tal-Iskejjel juża l-proċedura skont kif hemm imniżżel fil-Public Service Management Code, Para 5.4.2 biex jingħata t-teleworking. Hemm tliet persuni f’dan id-Dipartiment li qed jaħdmu bit- telework : Waħda minn dawn il-persuni, li taħdem bir- Reduced Hours (30 siegħa) , fl-iskeda tax-Xitwa (mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju) tidħol id-Dipartiment mit-Tnejn sal-Ħamis fit-7:45 a.m. sas-12:45 p.m. u taħdem it- Telework mit-Tnejn sal-Ħamis mis-2:00 p.m. sal-4:30 p.m. ; u f’dik tas-Sajf (mis-16 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru) tidħol id-Dipartiment nhar ta’ Tnejn u Erbgħa fis-7:30 a.m. sas-1:30 p.m. u taħdem it- telework nhar ta’ Tlieta, Ħamis u Ġimgħa mis-7:30 a.m. sas-1:30 p.m. ; It-tieni persuna, fl-iskeda tax-Xitwa, taħdem it- Telework nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa mit-7:45 a.m. sal-5:15 p.m. u nhar ta’ Tlieta u Ħamis tidħol id-Dipartiment mit-7:45 a.m. sas-12:45 p.m. u tibda t- telework mis-13:15 p.m. sal-5:00 p.m. , waqt li fis-Sajf taħdem it- telework nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa mis-7:30 a.m. sas-1.30 p.m. u nhar ta’ Tlieta u Ħamis tidħol id-Dipartiment fit-7:45 a.m. sas-12:45 p.m. u taħdem it- telework mis-1:15 p.m. sas-2:15 p.m. ; It-tielet, fl-iskeda tax-Xitwa, tidħol id-Dipartiment mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-7:45 a.m. sal-4:15 p.m. u taħdem it- Telework mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9:00 p.m. sal-10:00 p.m. u fl-iskeda tas-Sajf tidħol id-Dipartiment mit-Tnejn sal-Gimgħa mis-7:30 a.m. sas-1:30 p.m. u ma taħdimx telework . It-tliet persuni jonoraw is-sigħat li jridu jagħmlu l-uffiċċju, hekk kif imniżżel fil-ftehim tagħhom.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li rriżenjaw jew tneħħew fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika r-raġuni għar-riżenja tagħhom u l-pożizzjoni li kienu jokkupaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum, ma kien hemm l-ebda persuna fil-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali, direttur jew assistent direttur li rriżenjaw jew tneħħew fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħi.

Ħaddiema self-employed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet reġistrata bħala self-employed mis-snin 2008 sal-lum? Jista’ jindika kemm kienu nisa minn dawk li kienu reġistratibħala self-employed ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta' ħaddiema self-employed fl-aħħar ta' kull sena mill-2008 sal-2013 fuq bażi 'full time' kien kif se nsemmi: MALTA U GĦAWDEX XHUR IRĠIEL NISA TOTAL Diċembru 2008 14,831 2,632 17,463 Diċembru 2009 14,899 2,751 17,650 Diċembru 2010 14,885 2,838 17,723 Diċembru 2011 14,707 3,006 17,713 Diċembru 2012 14,874 3,101 17,975 Diċembru 2013 15,059 3,281 18,340

Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum – eżerċizzji fiżiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni twaqqaf is-servizz ta' taħriġ fl-eżerċizzji fiżiċi li kien jingħata fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fil-Mellieħa minn kowċis kwalifikati mill-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li originarjament dawn is-sessjonijiet ma kinux parti mill-iskema tal-Kunsill Lokali. Infatti ma kien instab l-ebda ftehim bejn il-KMS u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Dwar dan qatt ma kien hemm ftehim, imma biex jiġu regolarizzati l-attivitajiet, dawn s-sessjonijiet saret adenda tal-kuntratt bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, il-KMS u l-Kunsill Lokali sabiex dan jiġi parti mill-ftehim bħala parti mill-iskema. L-iskema għalqet fl-aħħar ta’ Jannar hekk kif ġew eżawriti l-flus li kien baqa'. Is-servizz baqa' jingħata mill-kunsill lokali, fejn l-ispejjeż huma koperti kollha mill-Kunsill Lokali.

SPU – Bdil ta’ funzjoni

Question

Jista` l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jbiddel il-funzjoni tal-Sports Promotion Unit (SPU) jew jekk apparentament inbidlitx diġà l-funzjoni tagħha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-iSports?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-funzjoni tal-SPU għadha u ser tibqa’ dik li tipprovdi support għall-attivitajiet sportivi fl-iskejjel filwaqt li torganizza attivitajiet sportivi fuq livell ta’ kulleġġi kif ukoll nazzjonali, dejjem skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-Kunsill Malti għall-iSport u l-Għalliema tal-SPU minn żmien għal żmien jagħmlu analiżi tax-xogħol tagħhom u kif dan jista’ jkun iktar effettiv.

Skejjel Primarji – lezzjonijiet tal-għawm

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-lezzjonijiet tal-għawm f'numru kbir ta' skejjel primarji twaqqfu matul l-aħħar sena minkejja li kull skola kienet infurmata li kellha programm dwar dawn il-lezzjonijiet għal numru ta' klassijiet, liema programm però ma’ nżammx?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-programm ta' lezzjonijiet tal-għawm fl-iskejjel primarji qatt ma twaqqaf. F’Ottubru 2013, id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni bagħat ċirkulari biex tistieden lill-iskejjel kollha jipparteċipaw. Infatti, numru sabiħ ta’ skejjel qed jieħdu sehem, kif indikat fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primarji – lezzjonijiet tal-ġinnastika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-lezzjonijiet tal-ġinnastika f'numru kbir ta' skejjel primarji twaqqfu matul l-aħħar sena minkejja li kull skola kienet infurmata li kellha programm dwar dawn il-lezzjonijiet għal numru ta' klassijiet, liema programm però ma' nżammx ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-lezzjonijiet tal-ġinnastika fl-iskejjel għadhom isiru mill-Għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-iSports Promotion Unit (SPU) matul l-ewwel term tas-sena skolastika saret enfasi fuq it-tagħlim tal-ġinnastika, filwaqt li fit-tieni u t-tielet term sar/qed issir enfasi fuq attivitajiet oħra u l-ġinnastika qed tiġi inkorporata f’ħafna mill-attivitajiet organizzati mill-SPU”.

KMS- Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħlasijiet li qed jitħallas iċ-chairman tal-KMS u fl-istess ħin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-istess chairman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ċ-chairman jieħu onorarja ta’ €13,976 u €4,600 car allowance.

Għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-iskema immirata għat-turiżmu sportiv bejn April 2013 u April 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant, il-Kunsill Malti għall-Isport approva għall-pagament 31 talba li minnhom ibbenefikaw 21 organizzazzjoni sportiva.

Riżultati miksuba mill-Istudenti Maltin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9213, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-istudji mitluba li jfittxu għal differenzi u jaħgtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta' gender tal-istudenti Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop — studenti tal-Form 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun in-numru ta' studenti tal-ewwel sena (Form 1) fil-Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop f'Settembru li ġej? Xi pjan għandha l-iskola biex tindirizza n-numru ta' tfal li deħlin Form 1? Xi pjan hemm għal futur biex din l-iskola jkollha ukoll il-middle school u tindirizza d-diffikultà ta' numru kbir ta' studenti? Xi ġjan hemm għat-trasport provdut lill-istudenti tal-Form 1? Waqt it-trasport dawn se jitħalltu ma' studenti kbar tal-Form 4 u Form 5?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ studenti tal-ewwel sena (Form 1) fil-Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop f’Settembru se jkun ta’ 227. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tħejji pjanijiet sabiex tinbena skola ġdida li tkun tintuża bħala middle school . Il-pjan huwa li din l-iskola tkun tista tibda tilqa’ l-istudenti fis-sena skolastika 2016/2017. Għas-sena skolastika li jmiss (2014/2015), il-pjan huwa li l-istudenti tal-Form 1 jużaw il-faċilitajiet li preżentement qed jintużaw mill-istudenti li jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, peress li dawn ser jiċċaqalqu għal skola oħra ġewwa St. Andrews. Rigward it-trasport, id-Direttorat qiegħed jindirizza s-sitwazzjoni b’mod nazzjonali u mhux fir-rigward ta’ Kulleġġ wieħed biss. F’dan l-istadju qiegħda tiġi evalwata l-aħjar soluzzjoni li trid tigi deċiza sabiex timminimizza diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fuq it-trasport.

Għażla ta' Suġġetti tal-istudenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel/kulleġġi li kellhom ibiddlu l-informazzjoni li kienu taw lill-ġenituri u l-istudenti qabel ma' ngħataw struzzjonijiet ġodda li bidlu s-sistema kollha marbuta mall-għażla tas-suġġetti? X’konsultazzjoni saret mall-għalliema u l-ġenituri biex jiġi spjegat lilhom dawn il-bidliet? Xi pjan hemm fit-twettiq u l-implimentazzjoni tal-bidlatal-għażla tas-suġġetti fil-Form 1? Dawn is-suġġetti se jkollhom l-eżamijiet marbuta magħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li: 1. L-iskejjel/kulleġġi li kellhom jaġġornaw l-informazzjoni li kienu taw lill-ġenituri u lill-istudenti marbuta mal-għażla tas-suġġetti kienu dawk fl-ewwel sena tas-sekondarja u ser ikunu għall-istudenti kollha (mhux selettivi): · Personal, Social and Career Development (li ser ikun żvilupp fuq il-PSD); · Physical and Health Education (li se jkun żvilupp fuq il-PE u l-HE); · Arti Espressiva; Fit-tielet sena sekondarja s-suġġetti selettivi ser jibqgħu offruti, u mis-sena skolastika li jmiss ser ikun introdott ukoll is-suġġett tal-Accounting. 2. Għall-iskop ta' dawn il-bidliet, il-konsultazzjoni li saret mal-għalliema u l-ġenituri biex jiġu spjegati lilhom dawn il-bidliet kienu dawn li ġejjin: a. Saru diskussjonijiet b'mod formali u informali mal-għalliema u l-ġenituri mill-Aġent Direttur tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, bħala parti mill-ġbir ta' data u tagħrif li jinġabar skont l-esperjenzi varji li jkunu għaddejjin minnhom l-istudenti u l-għalliema fir-rigward tat-tagħlim speċifiku u inġenerali, kif ukoll skont il-ħtiġijiet kuntestwali u fil-mira tas-sistema edukattiva b'mod ħolistiku. Ta' min jgħid li d-Diretturi tad-Direttorat ikollhom laqgħat fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta' gruppi, b'mod regolari. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu wkoll skont il-ħtiġijiet ta’ rapporti, assessjar, riċerka u investigazzjonijiet li jsiru minn entitajiet lokali kif ukoll barranin. b. Saru diskussjonijiet intensivi u fit-tul mal-Prinċipali tal-Kulleġġi b'mod kontinwu speċjalment fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. 3. Il-pjan li hemm fit-twettiq u l-implimentazzjoni tal-bidla tal-għażla tas-suġġetti fil-Form 1 huma dawn: Żewġ bidliet ewlenin li ser jidħlu fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss: a. In-numru ta’ lezzjonijiet fl-iskejjel sekondarji kollha ser ikun aġġustat għal 40 lezzjoni fil-ġimgħa mill-1 sal-5 sena. b. Is-suġġetti selettivi għall-Ewwel Sena ser ikunu biss il-lingwi (li kienu jkunu offruti f’Kategorija A). Is-suġġetti selettivi li kienu jkunu f’Kategorija B mhux ser ikunu offruti bħala suġġetti selettivi. Is-suġġetti selettivi: · tal-Arti u l-Mużika ser ikunu integrati fis-suġġett tal-Arti Espressiva li ser ikun offrut lill-istudenti kollha; · tal-Home Economics ser ikun integrat fil-PHE li ser ikun offrut lill-istudenti kollha; u · tad-Design & Technology (Resistant Materials & Electronics) ser ikun offrut lill-istudenti kollha. Dan is-suġġett jista’ jintegra wkoll komponenti tal-Graphical Communication. It-Textiles ser ikun wieħed mill-media li jintużaw fir-resistant materials. 4. Dawn is-suġġetti fil-Form 1 se jkollhom eżamijiet marbuta magħhom: Il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, ir-Reliġjon, l-Istudji Soċjali, ix-Xjenza, l-Istorja, il-Ġeografija, u l-ICT. Mhux se jkollhom eżamijiet marbuta magħhom is-suġġetti tal-Arti Espressiva, PHE, id-Design & Technology u l-PSCD.

Programm tal-ALP

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir distinzjoni bejn dawk iż-żgħażagħ li ma jistgħux jaslu biex jagħtu xi ‘o’ levels u dawk li għandhom imġieba mhux tajba jew nuqqas ta’ attendenza peress li b'konsegwenza t’hekk hemm diversi nies (speċjalment, career teachers, career jew assistant career advisors li qed jiffokaw fuq dawn l-istudenti (ta’ l-ALP) b’detriment fuq xogħolhom u fuq il-kumplament tal-istudenti l-oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li qed jipparteċipaw fl-Alternative Learning Programme (ALP) huma kollha studenti tal-ħames sena tal-iskola sekondarja mill-Kulleġġi tal-Istat u għandhom dritt għas-servizzi ta’ sapport minn professjonisti daqs l-istudenti l-oħra. Qegħdin fl-ALP appuntu għax huma fost l-iktar studenti fil-Kulleġġi li għandhom bżonn is-sapport u s-servizz ta’ Counsellers, Social Workers, Career Advisors u Trainee Career Advisors, Youth Workers, College Prefects of Discipline u professjonisti oħrajn.

Għalliema — Laptops

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’hemm pjanat li jsir bil-laptops tat-teachers issa li għalaq iż-żmien tal-kuntratt tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-pjan kurrenti huwa li dawn il-laptops jibqgħu jintużaw mill-għalliema u jiġu mantenuti skont il-ħtieġa. Dan jibqa’ fis-seħħ sakemm titfassal strateġija li tkompli tipprovdi r-riżorsi teknoloġiċi meħtieġa li għandhom bżonn l-edukaturi sabiex iwasslu l-programmi edukattivi lejn l-istudenti.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm qed tkun in-nefqa tal-Gvern ta' Malta biex jinkoraġġixxi it-tagħlim tal-Malti: a. fi Brussel u l-Lussamburgu b. fil-bqija tad-diaspora Maltija madwar id-dinja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kif miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern għandu l-obbligu li jissekonda edukaturi fl-iskejjel Ewropej skont kemm għandu studenti Maltin jattendu dawn l-istess skejjel. Dan direttament jgħin sabiex ikun ikkultivat it-tagħlim tal-Malti f’dawn l-iskejjel. Sal-lum hemm erba’ edukaturi ssekondati fl-iskejjel Ewropej imqassmin kif se nsemmi: a) Brussell – żewġ Għalliema; b) Lussemburgu – Għalliem u Assistent Kap ta’ Skola; Rigward il-bqija tad-diaspora Maltija madwar id-dinja, infurmat li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jgħin fix-xiri tal-kotba edukattivi iżda hemm diskussjonijiet għaddejja sabiex jinfirex l-inkoraġġiment tat-tagħlim tal-Malti f’dawn il-pajjiżi wkoll.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu fi ħdan id-dekasteru tiegħi, li l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant ma ngħata ebda xogħlijiet bejn l-1998 u Marzu 2013.

MCAST — Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pożizzjoni ġdida nħolqot fi grad ta' Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li nħolqu żewġ (2) pożizzjonijiet ġodda fi grad ta' Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar. Dawn huma: Direttur Kurrikulu: Ġie approvat dan il-post ġdid sabiex l-MCAST tkun f’pożizzjoni li tmexxi aħjar il-bidliet kbar kurrikulari li qed timplimenta u li ħa tkompli tiżviluppa fis-snin li ġejjin. Bħala istituzzjoni edukattiva kbira il-bżonn ta’ dan ir-rwol huwa kritiku għall-iżvilupp tal-MCAST. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej. Direttur għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Komunikazzjoni u Attivitajiet: Ġie approvat dan il-post ġdid sabiex l-MCAST tkun f’pożizzjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku u mal- media kif ukoll sabiex tinħoloq struttura organizzata u akkreditata ta’ attivitaijiet extrakurrikulari għall-istudenti tagħha. Il-proċess tal-għazla għadu għaddej. Infurmat ukoll li nħolqu vacancies għal erba' (4) pożizzjonijiet fi grad ta’ Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar. Dawn huma: Direttur għal Assikurazzjoni tal-Kwalita (Quality Assurance): Dan il-post ġie vakanti wara l-promozzjoni tad-direttur preċedenti. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej. Direttur (Partnership Office) : Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Direttur Istitut tat-Teknoloġija tal-Informatika u Komunikazzjoni : Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Direttur Istitut tal-Agribusiness: Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej.

MCAST – sejħa għall-applikazzjoni għal Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx sejħiet għall-applikazzjonijiet oħra għall-gradi ta' Direttur fl-MCAST u jekk fl-affermattiv jagħti dettaliji dwar dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sejħiet għall-applikazzjonijiet għal grad ta’ Direttur fl-MCAST bħalissa hawn pendenti dawn li ġejjin: Direttur għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Komunikazzjoni u Attivitajiet: Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ April 2014 u għalqet fit-2 ta’ Mejju 2014. Direttur Kurrikulu: Is-sejħa ħarġet fit-22 ta’ April 2014 u għalqet fil-5 ta’ Mejju 2014. Direttur għal Assikurazzjoni tal-Kwalita (Quality Assurance): Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ April 2014 u għalqet fit-2 ta’ Mejju 2014. Direttur fl-Istitut tal-Agrikoltura: Is-sejħa ħarġet fis-27 ta’ Marzu 2014 u għalqet fil-11 ta’ April 2014. Direttur fl-Istitut tal-Inġinerija Elettrika u Elettronika: Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ Marzu 2014 u għalqet fl-4 ta’ April 2014.

Home Tuition – Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz tal-Home Tuition u min jista’ japplika għalih? Kemm huwa n-numru ta’ studenti li qed jirċievu dan is-servizz f’din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz jipprovdi lill-istudenti tagħlim edukattiv kontinwu u jnaqqas l-effett fit-tagħlim li jista’ jħalli fuqhom minħabba l-assentejiżmu fit-tul tagħhom mill-iskola. Dan is-servizz jgħin ukoll biex studenti jirritornaw u jintegraw lura fl-iskola. Jista’ japplika għalih kull student li għandu Ċertifikat mingħand Konsulent li jindika li l-istudent ma jistax jattendi skola minħabba raġunijiet mediċi għal iktar minn erba’ ġimgħat. Matul din is-sena skolastika 2013/2014 dan is-servizz ġie mgħoti lil 27 student/a.

Għalliema – Warrant Permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jassikura lill-pubbliku u jserraħ moħħ il-ġenituri, li persuni li m’għandhomx il-kwalifiċi meħtieġa skont il-liġi tal-edukazzjoni, inkluż it-taħriġ professjonali, u minħabba f’hekk m’għandhomx warrant permanenti, mhux qegħdin jaħdmu bħala “għalliema” f’istituzzjonijiet tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, minħabba li ma jkunux instabu għalliema kwalifikati u bil-warrant permanenti għas-suġġett jew għall-edukazzjoni primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, wara li jkun ivverifika li l-persuna għandha l-kwalifiki u l-esperjenza kif rikjesti skont artiklu 24 jew 41 tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jagħmel ir-rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-Edukazzjoni li l-persuna tingħata warrant permanenti ta' għalliem. Fil-każ ta' dawk il-persuni li jkunu ngaġġati bħala għalliema imma ma jkollhomx kwalifiki jew esperjenza biżżejjed li bihom jingħataw il-warrant permanenti kif rikjest f'artiklu 24 jew 41, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Ministru tal-Edukazzjoni li jingħata warrant temporanju skont kif mitlub f'Artiklu 25 tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni. Dan huwa validu għal sena u l-għalliem, jekk jerġa jkun ingaġġat, irid iġedded l-istess warrant temporanju. L-applikanti jkunu mitluba jissottomettu mal-applikazzjoni kopja verifikata taċ-ċertifikati u l-kwalifiki li għandhom. Fil-każ ta' dawk li jkunu qed jgħallmu fi skejjel tal-Knisja jew Indipendenti tintalab ukoll kondotta riċenti u anke kopja tal-approval form li tinħareg mill-Education Regulatory Compliance Section fi ħdan id-Dipartiment tal-Quality Assurance. Infurmat ukoll li l-għalliema kollha fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jiġu mpjegati wara sejħa li tinħareġ apposta u li l-kriterji tal-eliġibilita’ tagħha jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti mil-liġi tal-Edukazzjoni. Dawk impjegati bħala Supply għal perjodu definit huma obbligati li jkunu fil-pussess ta’ warrant temporanju skont il-provvedimenti tal-istess liġi.