Kumitat ta' l-Urban and Rural Landscaping — Laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 'l hawn tal-Kumitat ta' l-Urban and Rural Landscaping?
X'ġie diskuss u x'kienu x-xogħlijiet/pariri li ntlaqgħu matul dawn il-laqgħat mis-Sezzjoni Urban and Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Kumitat li qed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant kien magħmul minn rappreżentanti tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, tal-Ministeru ta' l-Ambjent, tal-Ministeru għal-Għawdex, ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif ukoll ta' xi mixtliet privati, bl-iskop li jiddiskutu affarijiet rigward 'landscaping'. Peress li dan l-aħħar twaqqaf kumitat bl-istess skop fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent, ma tinħassx il-ħtieġa ta' duplikazzjoni tax-xogħol, u għalhekk dan il-Kumitat li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant għadu ma ltaqax.
Peress li l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipproġettat li l-Pitkalija Ċentrali tingħata tarmac ħalli mal-bini tat-tined u tal-maħżen tal-kaxxi jkompli jsir aktar titjieb għall-ġid tal-bdiewa, xerrejja u pitkala, jista' l-Ministru jinformani jekk dan ix-xogħol huwiex se jiġi onorat? Jekk iva, meta se jsiru x-xogħlijiet u jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant huwa konxju tal-fatt li kull Amministrazzjoni tista' toħlom u tiftaħar b' numru bla limitu ta' 'proġetti' fl-ajru. Li jinteressa l-poplu huwa kemm mill-istess 'proġetti' l-istess Amministrazzjoni eventwalment twettaq.
Minkejja l-istqarrija tal-Onor. Interpellant dwar proġettar ta' xogħolijiet ta' tarmac, ma jirriżultax li l-amministrazzjoni preċedenti kient fil fatt għamlet xi pjanijiet konkreti sabiex jingħata dan it-tarmac fil-Pitkalija.
Tajjeb li jkun infurmat pero' li bħalissa qed isiru tħejjijiet sabiex wara li jtlestew it-tined, isiru l-kanali meħtieġa fuq il-platforms biex jinġabar l-ilma ta' fuq l-istess tined. Wara hemm il-ħsieb li jitħaffru trinek sabiex minnhom jgħaddu kemm il-'fibre optic cable', li jgħaqdu l-Pitkaliji mal-Blokk Amministrattiv, u kif ukoll 'cable' tad-dawl sabiex il-Pitkalija tkun imdawla kif xieraq.
Wara li jitlesta dan ix-xogħol toħroġ it-tender għal-kisi tat-tarmac.
Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Computer scanners
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Computer scanners li għandhom id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd huma dawn:
Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Hewlett Packard Scanjet 5p 1994 Lm285
Hewlett Packard Scanjet 5p 1998 Lm149
Dipartiment ta' l-Agrikoltura:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Genius 1994 Lm235
Genius 1996 Lm295
Hewlett Packard 1998 Lm145
Super 5 1998 Lm50
Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Plustek 1998 Lm62
Hewlett Packard 1998 Lm542 (jinkludi computer
fujitsu)
Dipartiment tas-Servizzi Veterinarju:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Hewlett Packard 1998 Lm149.35
Segretarjat:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Genius 1999 Lm38
B'riferenza għall-ħut (fingerlinks) li nħarġu mill-MAC qabel Ottubru ta' l-1996, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet il-kwantita' ta' ħut? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi pagamenti? Kemm kienu il-pagamenti dovuti skond il-prezz ta' dak iż-żmien? X'miżuri ħa u qed jieħu l-MAC sabiex jiġbor dawn il-flus? Fejn waslu dawn il-passi u x'mistenni li jsir fil-ġimgħat u xhur li ġejjien?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema arranġamenti/kriterji/regoli ngħataw bonuses lill-ħaddiema tal-Gvern tal-NAC matul l-1994,1995 u 1996? Fil-fatt dawn kienu approvati mill-Ministeru ta' dakinhar u jekk iva minn kien responsabbli? Jista' l-Ministru jgħid lill-Kamra jekk dawn l-affarijiet kienux skond in-normi tas-sistema taċ-ċivil? Jekk le għaliex u jekk iva għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-esportazzjoni tal-patata lokali lejn il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-fatt li hemm fis-seħħ regolamenti fuq l-MRL's, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tad-Dipartiment u tal-Gvern sabiex jassigura li dan il-prodott tal-bdiewa Maltin esportat matul is-sena 2000 jkun konformi ma' l-imsemmija regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li dawn il-livelli jintlaħqu sas- sena 2000 sabiex ikun evitat kull inkwiet li jistgħu jiffaċċjaw il-bdiewa Maltin u Għawdxin meta jesportaw il-prodotti agrikoli tagħhom lejn dawn il-pajjiżi?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea ma ħarġet l-ebda regolamenti (Regulations) dwar l-MRL's fuq il-patata. Forsi l-Onor. Membru qed jaċċenna għad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea Nru. 98/82/EC ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Agrikoltura hu konxju tal-kontenut ta' din id-Direttiva, għaldaqstant qed jieħu passi sabiex isiru testijiet fuq kampjuni tal-patata li tiġi esportata biex niżguraw li ma jkunx hemm eċċess tal-pestiċidi ndikati fuq l-istess Direttiva. Saru taħdidiet għal dan il-għan ma' rappresentat ta' l-Universita' ta' Malta. Hu l-ħsieb ta' dan id-Dipartiment li għall-ġejjieni jitwaqqaf laboratorju biex ikun jista' jestendi dawn it-testijiet fuq pjanti u pestiċidi oħra.
Barra minn dan id-Dipartiment żied il-kampanja tiegħu sabiex jgħallem lill-bdiewa jużaw il-pestiċidi kif u meta suppost, ħafna qabel ma jinħasad il-prodott.
B'riferenza għall-esportazzjoni ta' ħxejjex lejn is-suq Ingliż u l-fatt li l-kumpannija fil-mument qed timporta l-prodotti tagħha mill-Eġittu u Ċipru, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn sabiex din l-esportazzjoni tkompli mingħajr id-diffikultajiet li ġew ikkawżati? Kemm saru laqgħat mal-bdiewa li kienu bdew jisperjenzaw l-esportazzjoni ta' dawn il-ħxejjex? Meta saru u x'ġie diskuss?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, kienet l-Għaqda Progressivi responsabbli mill-esportazzjoni tal-ħaxix frisk lejn l-Ingilterra. Infatti l-Ministeru tal-Agrikoltura ndaħal biss sabiex setgħu jitħallsu l-bdiewa wara li din l-iskema falliet u ttieħdu flus tal-bdiewa stess mill-fond tagħhom tal-patata, eżattament Lm13,500, biex għamel tajjeb għal dan il-falliment. Dan minbarra it-Lm8,000 li ttieħdu mil-fond li suppost kien għal-ħsarat ikkaġunati mill-maltemp.
Naturalment dan serva ta' skuraġġiment, tant li minn wara l-falliment assolut ta' dan in-negozju, ebda għaqda tal-bdiewa jew individwi ma wrew ix-xewqa għall inizjattivi oħra dwar l-esportazzjoni ta' ħaxix frisk. Nixtieq inserraħ ras il-kommunita' agrikola li qabel ma nkunu ċerti li negozju simili ieħor jitwettaq b'serjeta' u fl-aħjar interess tal-bdiewa u tal-pajjiż in ġenerali, dan il-Ministeru mhuwiex sejjer jinkuraġġixi li jsir sogru ieħor bl-addoċċ. Dan skond l-istess parir li l-Agricultural Export Marketing Board ta lill-Onor. Interpellant meta kien Ministru hu, u li kien jinkludi l-użu ta' kaxxi addatti u mhux kaxxi bil-Logo ta' l-Air Malta kif fil fatt intużaw.
B'riferenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fuq iċ-chillers ġodda li se jiġu stallati fil-MAC, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet? Meta nħarġet it-tender u meta ġiet atwata?
Meta se jitkomplew u jiġu finalizzati x-xogħlijiet u x'impatt pożittiv/negattiv se jkollu dan l-iżvilupp fuq il-ħajja tal-ħut u l-ħidma fiċ-ċentru?
X'kien isir qabel kien hemm dan iċ-chiller u x'effett se jkollu għall-futur meta jiffunzjona dan iċ-chiller?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3685 u ċ-ċifra kkwotata ta' siġar fl-1997 u fl-1998 li tindika nuqqas sostanzjali meta pparagunata mas-snin ta' qabel, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċifra ta' siġar imsemmija tinkludiex is-siġar li ngħataw lill-bdiewa, li nbiegħu lill-bdiewa u lill-komun?
Jekk le, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra biċ-ċifri totali ta' siġar li nbiegħu, ingħataw lill-pubbliku u lill-bdiewa u li tħawwlu mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Urban and Rural Landscaping matul l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-figuri tas-siġar fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3685 jinkludu s-siġar li ngħataw lill-bdiewa, individwi w organiżazzjonijiet iżda mhux dawk li nbiegħu.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, fil-1997 Wied Inċita bdiet tiġi mmexxija minn nies magħżula minnu stess meta kien Ministru. Dawn in-nies ddeċidew li jirrevedu l-proċess, u dan ir-'review' fisser produzzjoni baxxa iktar minn ta' snin oħrajn.
Jista' l-Ministru jara li jinqatgħu s-siġar li hemm fi Triq Alessandra, Bormla, peress li qed ikunu ta' inkonvenjent?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iż-żbir ta' siġar f' din il-lokalita' jaqa' direttament taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla. Għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindirizza t-talba tiegħu lill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jara li l-crane li kien hemm fuq il-jetty fi Triq Marina, Wied il-Għajn - qabel ma dan il-jetty ġie rranġat, u li kien jintuża biex sidien ta' qxur tal-baħar jerfgħu u/jew ipoġġu makni fuq id-dgħajjes, luzzijiet, laneċ, eċċ tagħhom - jiġi rranġat jew mibdul u jerġa' jitwaħħal fl-istess post?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta sar ix-xogħol ta' l-itranġar tax-xatt ta' Wied il-Għajn li qed tirreferi għalieħ l-Onor. Interpellant, il-crane imsemmi tant kien fi stat ħażin li malli nqala' ma setgħax jitpoġġa lura fil-post. Madanakollu, il-Ministeru qed iħejji programmi u proġetti ta' 'embelishment' tal-portijiet tas-sajd kollha u dawn il-proġetti jinkludu il-forniment ta' cranes ġodda.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3961 dwar 18,000 kilo ħass importati f'Malta, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet li dan il-ħass ġie importat bla levy? Meta fil-fatt l-aħħar li ġie importat ħass bla levy fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saret talba minn stabiliment tal-ikel għall-importazzjoni ta' 18,000kgs. 'Iceberg lettuce', bla levy. Dan l-istabiliment kellu kuntratt ma' bidwi mill-Mellieħa sabiex ikabbarlu dan it-tip ta' ħass, pero bil-maltempata li laqtet il-gżejjer Maltin fid-19 ta' Novembru 1998, dan il-bidwi kellu ħsarat konsiderevoli, u għalhekk ma kienx possibli li jforni lill-dan l-istabiliment b'dan it-tip ta' ħass. Għalhekk id-Dipartiment ħass id-dmir li jibgħat uffiċjal tekniku mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, biex jispezzjona l-għelieqi ta' dan il-bidwi w jagħmel rapport. Mir-rapport deher ċar li dan il-bidwi sofra ħsara konsiderevoli fil-prodotti li kien qiegħed ikabbar. Għalhekk id-Dipartiment ħass il-ħtieġa li għall din id-darba biss jirrikmanda li dan l-istabiliment jingħata permess li jimporta 18,000kgs 'Iceberg lettuce', mingħajr il-ħlas ta' levy.
Din kienet l-unika darba li ġie rrikmandat li jiġi mpurtat il-ħass bla levy.
B'riferenza għas-sitwazzjoni ta' sistema tad-dawl perikoluża fl-NAC, jista' l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet sabiex jiġi rranġat il-periklu li tista tikkawża din is-sistema? X'sar s'issa u meta huwa programmat li x-xogħlijiet jiġu finalizzati?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-iżvilupp tal-Food Room fl-NAC, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet u l-bżonn li tiġi żviluppata din il-food room? Meta ġiet żviluppata din il-Food Room, kemm ila tiffunzjona u x'impatt pożittiv jew negattiv kellha fis-sistema ta' tmexxija tal-NAC?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra
B'riferenza għall-grading tal-ħut (fingerlinks) jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdiet titħaddem din is-sistema fil-NAC? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kien isir qabel bdiet din is-sistema? Fil-fatt liema sistema hija preferuta mill-industrija lokali u għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-perjodu l-1 ta' Novembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999 u għad-dekasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull kwota; (4) min rebaħ il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta' Novembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999, il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu ma kellhom l-ebda kuntratti ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-prezzijiet medji għall-prodotti tal-bdiewa mill-Pitkalija Ċentrali matul Novembru u Diċembru 1998 u Jannar 1999?
Jista' l-Ministru jinformani wkoll bl-istess statistika għall-perijodu ta' Novembru u Diċembru ta' l-1997 u Jannar ta' l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
KGS LM AVERAGE
November 1998 2,099,629 383,213 18.25
December 1998 1,851,573 360,942 19.49
January 1999 2,083,233 285,853 13.72
KGS LM AVERAGE
November 1997 1,793,559 338,688 18.88
December 1997 1,593,846 431,684 27.08
January 1998 31,360,744 4,817,622 15.36
Dawn il-figuri jikkonfermaw kemm huwa kbir il-bżonn li s-sistema kollha ta' kif iseħħ in-negozju fil-pitkalija għandha tiġi moderniżżata u komputeriżżata ħalli b'hekk l-operaturi kollha nvoluti, nkluż il-konsumatur, ikun jaf l-prezzijiet rejali tal-bejgħ/xiri ta' kull prodott agrikolu.
Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk il-kumpanniji/organizzazzjonijiet eċċ Ewropej rikonoxxuti mill-IFOAM għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħamrija u prodotti agrikoli organiċi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 4077.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3420, Seduta Nru. 56, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fl-Ewropa hawnx kumpanniji volontarji u/jew organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jagħmlu testijiet xjentifiċi fuq ħamrija u prodotti agrikoli bla ħlas u ċioe' mhux fuq bażi kummerċjali?
Liema minn dawn il-kumpanniji huma rikonoxxuti mill-IFOAM International Federation Organic Agriculture Movement?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena infurmat li l-IFOAM hija għaqda internazzjonali mhux governattiva li tħaddan fiha 740 organiżazzjoni membru fosthom tal-produtturi, tal-manifatturi u tal-konsumaturi minn 105 pajjiż mid-dinja kollha.
M'għandiex informazzjoni jekk fl-Ewropa hawnx xi għaqda volontarja li lesta tagħmel xi testijiet jew analiżi fuq prodotti agrikoli jew ħamrija bla ħlas li hija rikonoxxuta minn din l-għaqda.