Jista’ il-Ministru jgħid meta kienet introdotta f’pajjiżna ċ-ċittadinanza doppja u kemm-il persuna kisbet ċittadinanza doppja kull sena minn dak iż-żmien ’il hawn? Minn liema pajjiż kienu ġejjin dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Jiddependi x’qed jifhem l-Onor. Interpellant b’ċittadinanza doppja. Per eżempju, fil-Kostituzzjoni tal-1964 kien hemm provvediment li ċittadini Maltin li jkollhom xi ċittadinanza oħra jew oħrajn, riedu jneħħu kull ċittadinanza oħra bejn it-18 u d-19-il sena biex ikomplu jżommu ċ-ċittadinanza Maltija. Jiġifieri diġa’ kien hemm diversi persuni li kienu ċittadini Maltin u li kellhom ċittadinanza ohra sa’ ma kellhom 19-il sena.
Jekk qed jifhem meta ġiet introdotta ċ-ċittadinanza doppja għall-emigranti Maltin, din saret b’effett mill-1 ta’ Awissu 1989 u setgħu jkollhom ċittadinanza doppja dawk il-persuni li twieldu Malta, emigraw, għamlu mill-anqas 6 snin emigrati u ħadu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż fejn kienu emigrati.
Fl-10 ta’ Frar 2000 il-liġi taċ-ċittadinanza inbidlet mill-ġdid biex id-dritt li persuna jkollha żewġ ċittadinanzi (jew aktar) isir ir-regola u mhux aktar l-eċċezzjoni kif kien qabel. Jiġifieri dawk il-persuni kollha li kienu saru Maltin jew fil-21 ta’ Settembru 1964 jew bi twelid wara din id-data, jekk għamlu 6 snin jgħixu barra minn Malta, awtomatikament jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi, waħda minnhom dik Maltija. Wara l-10 ta’ Frar 2000 kull ċittadin Malti li jakkwista ċittadinanza barranija kif ukoll kull barrani li jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija, jistgħu jżommu ż-żewġ ċittadinanzi.
Kif diga’ spjegajt drabi oħra, ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza fejn għandha x’taqsam iċ-ċittadinanza doppja huwa li dawk il-persuni li jridu konferma bil-miktub li huma jgawdu dan id-dritt, tinħarġilhom ittra li tikkonferma dan wara li jkunu ppreżentaw id-dokumenti meħtieġa - ara t-tabelli ‘A’ u ‘B’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni l-pulizija Għawdxin mhux qed jitħallsu tal-Ħdud?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħlas tal-Ħdud lill-Pulizija normalment isir mat-tieni paga li taħbat wara x-xahar li fih ikunu nħadmu l-Ħdud. Dan huwa meħtieġ sabiex issir il-proċedura ta' kif isir il-ħlas. Fil-każ tad-Distrett t'Għawdex ninsab infurmat illi l-ħlas dovut għall-Ħdud maħduma sa Mejju sar kollu. Infurmat ukoll illi r-returns għax-xahar ta' Ġunju ma waslux fil-ħin sabiex jidħlu fil-paga ta' Settembru. Għalhekk dan il-ħlas ser isir mal-paga ta' Ottubru.
European arrest warrant — Talbiet għall-estradizzjoni
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm mandati ta' talbiet għall-estradizzjoni u/jew talbiet fit-termini tal-European arrest warrant pendenti bħalissa?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li fil-preżent teżisti talba waħda lil Malta u talba waħda minn Malta għall-estradizzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qegħdin jinżammu persuni li qegħdin ifittxu l-ażil f'ċentri ta' detenzjoni taħt is-sorveljanza tal-kummissarju tal-pulizija? Jista' jagħti breakdown tan-numru, ċentru ċentru b'indikazzjoni taċ-ċentru fejn jinsab?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' immigranti llegali miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni huwa kif ġej:-
Safi Barracks 652
Lyster Barracks 609
Police GHQ 97
Police Ta' Kandja 79
Total 1,437
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien opportun li tinbidel il-liġi dwar iċ-ċnus temporanji biex dawn ukoll jistgħu jkunu jiġu mifdija?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern nieda skema f'dan is-sens; iżda ma ġietx konsiderata dil-possibilita' anke in vista ta' sentenzi kostituzzjonali riċenti f'dal-qasam.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar x'se jiġri mill-proġett ta' l-Armier li qabel l-elezzjoni kien imwiegħed lir-residenti/sidien ta' boathouses fiż-żona? Lest il-gvern li jagħti l-art lil dawn is-sidien b'ċens temporanju kif kien imwiegħed?
Response (BORG, TONIO)
Kif ġie mgħarraf lill-Armier Developments Ltd b'ittra tat-3 t'April 2003, il-Gvern lest li jikkonċedi lill-istess kumpanija titolu ta' 65 sena ċens taħt ċertu kundizzjonijiet. Fil-preżent, din il-kumpanija qed ikollha diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar fuq dan il-proġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu prostituti jitlajjaw fil-Gżira, l-Imsida u Ta' Xbiex bejn l-4 u l-11 ta' Lulju? Jista' jgħid kemm inqabdu tfal f'postijiet ta' divertiment fl-istess ġimgħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm ħames nisa li nqabbdu jitlajjaw għal skop ta' prostituzzjoni. Dawn kienu kollha fl-inħawi ta' l-Msida. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma kien hemm ħadd.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm milli familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tteħditilhom biċċa art f'Birguma biex tinfetaħ triq madwar 15-il sena ilu, jingħataw il-kumpens dovut?
Response (BORG, TONIO)
Peress li fil-lokalita' msemmija hemm diversi proprjetajiet li ġew esproprjati, l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jindika l-art tal-familja msemmija fuq pjanta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond indikat separatament li huwa fi stat ta' abbandun u ta' periklu għal terzi, huwiex tal-lands department? X'passi se jieħu d-dipartiment biex jispiċċa dan l-inkonvenjent għar-residenti ta' madwaru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond numru 8 Sqaq San Lazzru, Bormla huwa proprjeta' tal-gvern amministrata mill-Uffiċċju Konġunt.
Id-Dipartiment diġa' ħareġ żewġ sejħiet għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwistjoni. Għal l-ewwel sejħa rċieva offerta waħda li kienet tant baxxa li ġiet rifjutata. Għat-tieni sejħa ma rċieva ebda offerti.
Id-Dipartiment beda l-proċess biex toħroġ it-tielet sejħa għal offerti għal bejgħ ta' din il-proprjeta'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'paga hija intitolata għaliha l-aġenta segretarja eżekuttiva (acting executive secretary) tal-kunsill lokali ta' Ħ'Attard? Jista' jgħidilna x'paga effettivament qed tieħu din l-istess aġenta segretarja eżekuttiva?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tal-Kunsilli Lokali ma tispeċifikax ir-remunerazzjoni li għandha titħallas lill-Aġent Segretarju Eżekuttivi.
Minkejja dan, l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi li kienu ġew assenjati fil-bidu tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali ngħataw salarji ekwivalenti għal dak ta' Segretarju Eżekuttiv, skond in-numru ta' Kunsillieri fil-Kunsill rispettiv, u dan sa mill-ewwel ġurnata tal-ħatra tagħhom. Din il-proċedura li ġiet applikata fil-każ ta' Aġent Segretarju Eżekuttiv sakemm inħatar l-ewwel Segretarju Eżekuttiv tapplika wkoll f'kull każ ieħor ta' ħatra ta' Aġent Segretarju Eżekuttiv.
Ninsab infurmat li, fil-fatt, il-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard, qiegħed jagħti r-remunerazzjoni applikabbli skond in-numru ta' Kunsillieri, u ċioe` l-minimu ta' Skala 6.
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru kontenut ta' ittra li dehret f'gazzetta lokali tal-Ħadd 10 ta' Lulju fejn intqal illi mis-sena d-dieħla immigranti illegali li jinqabdu fi Sqallija, Lampedusa, Linosa jew Pantellerija se jibdew jintbagħtu hawn sakemm Malta u l-Unjoni Ewropea jaraw x'se jsir minnhom? Jekk dan huwa veru, il-gvern beħsiebu jaċċettah dan?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm ebda verita' fl-allegazzjoni kontenuta fl-ittra indikata mill-Onorevoli Interpellant: Malta hi responsabbli biss għaz-zona tas-salvataġġ tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm barranin ingħataw ċittadinanza Maltija sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin u jgħid minn liema pajjiż ġew? Kemm minn dawn kienu ġew Malta oriġinarjament bħala klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għas-snin 1995-1999 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal dik dwar is-snin 2000-2004, nirreferih għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11634.
Ebda persuna minn dawk li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija ma kienet persuna klandestina.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu ħabsin waqt l-irvellijiet li saru fil-ħabs dan l-aħħar? Kemm minn dawn kellhom jiddewwew l-isptar? Kemm weġġgħu pulizija jew gwardjani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li waqt l-aħħar irvell li sar fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, kien hemm tnax-il priġunier li sofrew feriti ta' natura ħafifa u ntbagħtu l-isptar għall-kura. Ħdax ġew mibgħuta lura l-ħabs wara li għamlulhom il-bżonnijiet li kellhom bżonn. Wieħed inżamm sa l-għada filgħodu.
Kien hemm tlett uffiċjali li weġgħu waqt l-irvell.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija NAT 801/04 minn persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha tgħix Malta għal aktar minn disa' snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun ipproċessata. Infurmat ukoll illi l-applikant naqas milli jmur l-Uffiċċju ta' l-Immigrazzjoni, kif kien mitlub jagħmel f'Mejju li għadda.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13461 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kif dawk li għandhom posta fuq il-monti, jistgħu jassiguraw irwieħhom li ħaddieħor ma jarmalhomx fuq il-post tagħhom, għaliex din qed tiġri ta' spiss?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tal-Belt, regolarment jagħmlu spezzjoni fuq il-Monti, sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm bejjiegħa li jkunu qed joperaw mhux skond il-permess maħruġ lilhom. Madankollu wieħed dejjem jista' jagħmel rapport lill-Pulizija.
Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni — Każi pendenti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandha quddiemha każi pendenti l-kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni? Liema huma? Kemm ilhom, każ b'każ, pendenti quddiemha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandha pendenti quddiema disa' (9) każi.
Dawn ilhom pendenti kif ser jingħad:
1 mill-1992;
1 mill-1993;
2 mill-1994;
1 mill-2003;
2 mill-2004; u
2 mill-2005.
L-informazzjoni l-oħra mitluba ma tistax tingħata peress li l-Kummissjoni hija marbuta bis-segretezza skond ma jiddisponi l-Art. 15 tal-Kap 326 tal-Liġijiet ta' Malta.
Ġustizzja u Intern — Safar minn uffiċjali pubbliċi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
L-ammont totali li ntefaq fuq safar uffiċjali matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt:
200320042005
(sa’ l-aħħar ta’ Ġunju)
Ministeru / Dipartimenti
Ministeru
Segretarjat Parlamentari
Segretarjat Permanenti
Airport Security
Citizenship & Expatriate Affairs
Refugee Commission
Translation Unit
Civil Protection
Government Property Division
Police
Local Government
Courts of Justice Division
Attorney General
Land & Public Registry DivisionLm87,379.09Lm132,176.81Lm92,869.06
Entitajiet Pubbliċi
Malta Arbitration CentreLm322.00Lm727.00xejn
Irrid niċċara li, fil-każ ta' l-ispiża tal-Ministeru / Dipartimenti, l-ammonti ndikati juru n-nefqa li tidher taħt it-Travel Vote (Item 28) tal-Estimi.
Irrid inżid ukoll li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma' laqgħat ta' l-Unjoni Ewropeja, l-ammont ta' Lm62,028.02 diġa' ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill-Gvern Malti.
Dipartiment ta' l-artijiet — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ċifra ta' flus li l-gvern fil-preżent irid iħallas għall-proprjeta' li jesproprja? Kemm-il sena jmorru lura dawn il-pagamenti mid-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bilanċ ta' flus li l-gvern għandu jħallas fuq proprjeta' li xtara mingħand sidien privati huwa ta' Lm22,094,911.81.
Dan l-ammont jista' jiżdied minħabba kawżi pendenti quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ u minħabba ħlas ta' danni kif ukoll reviżjoni fl-istimi.
Dan l-ammont imur lura għas-snin ħamsinijiet sal-lum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni f'Malta u Għawdex li l-pulizija ressqet il-qorti fuq każi ġodda matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2005? Jista' jinformani bl-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija ressqet 1,009 persuna quddiem il-Qorti dwar reati kriminali li għandhom piena ta' aktar minn 6 xhur priġunerija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif disponibbli huwa dak mogħti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13190.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-pubbliku jiġi mgħarraf sa minn jiem qabel permezz tal-ġurnali meta mħallef, maġistrat jew chairperson ta' tribunal ikun iddiferixxa seduta? Japprezza li l-attendenza għal seduta tfisser għall-partijiet, xhieda u esperti, ħin u ħafna drabi tehid ta' frank u xi drabi spejjeż oħra wkoll, u għalhekk kull mezz għandu jsir biex il-pubbliku ma jmurx il-qorti għalxejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-avviżi ta' kull differiment ta' kawżi li jkun hemm kemm fil-kamp Ċivili kif ukoll f'dak Kriminali jintbagħtu mid-Deputati Reġistratur ta' l-awla rispettiva, permezz ta' email lid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. Dan, minn naħa tiegħu, jibgħat tali avviż lill-ġurnali lokali saibex dawn jippublikawh fl-ewwel opportunita' li jkollhom.
Iżda l-amministrazzjoni ma tistax taċċerta li dawn l-avviżi jiġu ppublikati fil-ġranet ta' qabel is-seduta li tkun ġiet hekk differita peress li din hija fid-deskrizzjoni tal-ġurnal.
Sfortunatament hemm numru ta' differimenti li joħorġu f'dik il-ġurnata għal diversi raġunijiet u hemm żgur li l-pubbliku jbagħti fix-xejn.
Għalhekk diġa' saru u ġew implimentati numru ta' miżuri sabiex dak li ma hemmx bżonn li ssir kawża fuqu jiġi meħlus b'metodi differenti bħall-ittra uffiċċjali eżekuttiva u l-proċeduri fiċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ.