Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxxi Interni — Arretrati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, għadhom ma rċevewx l-arretrati tat-taxxa dovuti lilhom li jmorru lura sas-sena 1993?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi lill-persuni kkonċernati għas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Assikurazzjoni fuq il-vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'rimedju se jiġi pprovdut sabiex dawk l-individwi li b'mod arbitrarju qegħdin jiġu miċħuda assikurazzjoni fuq il-vettura tagħhom għax kellhom aktar minn żewħ inċidenti tat-traffiku u dan sabiex huma jkunu jistgħu isuqu l-vetturi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Financial Services Authority ma tindaħalx fl-operat individwali tal-kumpaniji ta’ l-assikurazzjoni.

OPM — Studenti li se jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Golf courses

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid il-gvern meta għarraf lill-MEPA dwar il-pjani tiegħu li jikkonsidra Għajn Tuffieħa bħala sit għall-golf course? Liema kienu s-siti identifikati mill-MEPA nnifisha u x'kienet il-priority order tar-rakkmandazzjoni tagħhom? X'kienu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ġew identifikati mill-MEPA f'kull każ individwali? Kien hemm proposti għall-iżvilupp ta' golf courses li saru minn investituri u/jew promoturi privati? Jekk iva, liema kienu u min kienu l-investituri jew il-consortia koncernati? Fil-każ li kien hemm consortia involuti, min kienu l-membri tal-consortia? Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ikkonsulta mal-Malta tourism authority qabel wasal għad-deċiżjoni tiegħu dwar Għajn Tuffieħa, aktar u aktar billi l-golf course development ġie assenjat lilhom? Il-kabinett meta mistenni jieħu deċiżjoni dwar il-proposta għall-golf course f'Ta' Ċenċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern talab lill-MEPA biex tevalwa s-sit ġewwa Għajn Tuffieħa in vista ta’ possibbiltà ta’ golf course fit-2 ta’ Marzu 2005. Rigward ranking u evalwazzjoni tas-siti identifikati mill-MEPA, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-rapport dwar is-site selection exercise preparat mill-MEPA li qiegħed fuq il-website ta’ l-Awtorità – www.mepa.org.mt. Il-Gvern ma rċieva ebda proposti uffiċjali dwar żviluppi ta’ golf course matul dan l-eżerċizzju. Ma nqisx li kien hemm għalfejn l-Malta Tourism Authority kellha tkun konsultata f’dan l-istadju meta l-MEPA kellha golf course design consultant jassistiha. In vista li l-proposta għall-golf course f’Ta’ Ċenċ hija proġett privat, ma nistax nifhem il-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant dwar deċiżjoni tal-Kabinett fuq dan il-proġett.

Refund fuq taxxa

Question

Possibbli li jiġi investigat għaliex it-taxxa li tħallset żejda mit-taxpayer li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx rifusa meta din ilha pendenti bejn is-sena 1992 u s-sena 1998? Meta hu mistenni li dak li hi dovut jiġi mħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna kkonċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Rifusjoni ta' taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' rifusjoni ta' taxxa li l-gvern għandu jħallas lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

OPM — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. li jaħdmu taħt id-dipartimenti u/jew dekasteri u /jew korporazzjonijiet eċċ. li weġġgħu jew korrew fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-ewwel xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien hemm għoxrin (20) ħaddiem li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Dawn kienu uffiċjal u dsatax-il suldat mill-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-Ministeru tal-Finanzi, kien hemm uffiċjal wieħed biss li korra fuq il-post tax-xogħol.

Principals

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jiġu appuntati l-principals li kienu għaddew mill-eżami fis-sena 2003, li jammontaw għal 96, liema eżami kellu l-effett tar-riżultat tiegħu estiż sal-21 ta' Diċembru, 2005? Jikkonsidra li issa għadda żnien biżżejjed biex dawk li għandhom jiġu appuntati fil-fatt jingħataw l-appointment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 12539.

Unclaimed prizes minn lotteriji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'isir minnhom il-flejjes ta' l-unclaimed prizes tal-lotto, super 5 u lotteriji oħra? Jista' jgħid kemm kien hemm unclaimed prizes fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 sa Mejju, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Bank ċentrali — Xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlitx xi xogħol ta' konsulenza għall-bank ċentrali minn mindu irriżenjat mill-bank? Jekk iva, kemm tħallset sena b'sena u x'kien ikopri dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Teżor — Arretrati ta' pensjonant

Question

Jista' il-Prim Ministru jara jekk humiex se joħorġu xi arretrati ta' persuna - illum mejta - li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li l-mara tiegħu tixtieq tkun taf jekk hijiex intitolata għal xi arretrati f'ismu? Tista' l-armla ta' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpanniji ta' l-assikurazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jindaga, jinvestiga u javanza rimedju għas-sitwazzjoni xejn feliċi li permezz tagħha d-ditti ta' l-assikurazzjoni, li għandhom rwol dominanti fuq l-assikurat tagħhom, qegħdin, u dan kif jirriżulta mill-kopja ta' żewġ dokumenti ta' żewġ persuni li qed jintbagħtu separatament, arbitrarjament jikkanċellaw il-poloz ta' assikurazzjoni b'mod li l-assikurat qiegħed jispiċċa mċaħħad minn polza fuq iil-vettura tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Diretturi u chairpersons

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk mill-flus ivvotati għall-AFM għas-sena 2004 kienx fadal parti li ma ntużatx? Jekk iva, kemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li mill-flus ivvotati għall-Forzi Armati ta’ Malta għas-sena 2004 kien fadal somma ta’ Lm4,869.19 li ma ntużatx.

AFM — Efficiency bonus

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw flus bħala efficiency bonus lill-membri ta' l-Armata fis-snin 2003, 2004 u 2005 - sa Mejju - u f'liema rank?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fis-snin imsemmija, il-membri ta’ l-Armata fir-rank ta’ Brigadier, Kurunell u Tenent Kurunell ingħataw bejniethom Performance Bonuses li jammontaw għal Lm7,300 (2003), Lm6,440 (2004) u Lm7,227 (2005).

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' personnel ta' l-AFM li weġġgħu fuq ix-xogħol fis-snin 2003, 2004 u 2005 - sa Mejju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ personnel fil-Forzi Armati ta’ Malta li weġġgħu fuq ix-xogħol fis-snin 2003, 2004 u 2005 (sal-31 ta’ Mejju) kienu dawn: 2003: 27 (23 suldat, uffiċjal u 3 pajżana) 2004: 29 (26 suldat u 3 pajżana) 2005: 20 (19 suldat u uffiċjal)

AFM — Road blocks

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru road blocks mill-AFM din is-sena u x'kien ir-riżultat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li din is-sena l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu 26 Vehicle Check Point f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex. Ir-riżultat kien diversi qabdiet żgħar ta’ droga, kif ukoll armi. Kien hemm każi wkoll fejn sewwieqa nstabu taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol jew mingħajr dokumenti meħtieġa.

AFM — Droga

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-AFM fis-snin 2003, 2004 u 2005 - sa Mejju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-droga li nqabdet mill-Forzi Armati ta’ Malta fit-tliet snin imsemmija nstabet dejjem f’ammonti żgħar – 2003 - Ħdax-il qabda 2004 - Tmintax-il qabda 2005 - Tmintax-il qabda (sa l-aħħar ta’ Mejju)

Assikurazzjoni fuq il-vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'rimedju se jiġi pprovdut sabiex dawk l-individwi li b'mod arbitrarju qegħdin jiġu miċħuda assikurazzjoni fuq il-vettura tagħhom għax kellhom aktar minn żewħ inċidenti tat-traffiku u dan sabiex huma jkunu jistgħu isuqu l-vetturi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li se tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.