B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10008 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' il-Ministru tgħid jekk kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħol ta' refurbishing fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa huwiex jitħallas doppjament ta' ċertu xogħol li qiegħed jagħmel fosthom tibjid doppju ta' ċerti klassijiet?
Tista' tinvestiga wkoll jekk hemmx ċertu ħaddiema li qed jispiċċaw mix-xogħol fl-10.00 a.m.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li sar s'issa fl-ex Skola San Ġużepp Ħaddiem, il-Marsa, ma sarx minn kuntrattur iżda mill-ħaddiema tal-Gvern impjegati mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Il-klassijiet inżebgħu darba biss għalkemm fejn kien hemm bżonn, speċjalment fejn il-kulur oriġinali kien skur, ingħatat passata oħra.
Jien infurmata wkoll li kien hemm ġranet fejn il-ħaddiema lestew kmieni u marru jkomplu xogħol ieħor fuq tiswijiet ta' djar tal-Gvern fil-programm ta' xogħlijiet ta' l-imsemmi Dipartiment.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 9660, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' tgħid kemm kienet fil-ġimgħa ż-żieda fil-bolla ta' l-NI li minn wara l-ewwel ta' Mejju bdew iħallsu l-bdiewa minħabba li l-Gvern Nazzjonalista neħħa s-sussidju ta' nofs il-ħlas ta' din il-bolla ta' l-NI?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali dovuta minn persuni li jimpjegaw lilhom infushom hi regolata skond it-Tielet Taqsima ta' l-Għaxar Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Din ir-rata dvarja skond il-qliegħ nett dikjarat mix-xogħol.
Is-sussidju li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ma baqax jitħallas b'seħħ mill-5 ta' Jannar 2004 u mhux mill-1 ta' Mejju 2004, kif indikat fil-Mistoqsija.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 9659, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' tgħid kemm kienet fil-ġimgħa ż-żieda fil-bolla ta' l-NI li minn wara l-ewwel ta' Mejju bdew iħallsu s-sajjieda minħabba li l-Gvern Nazzjonalista neħħa s-sussidju ta' nofs il-ħlas ta' din il-bolla ta' l-NI?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 9803 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari W122 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe' jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern igħin finanzjarjament lir-Razzett tal-Ħbiberija? Jekk iva, jista' jgħid minn liema budget se joħorġu dawn il-flus u kemm hu l-ammont?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-sena 2004, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali għen lir-Razzett tal-Ħbiberija permezz ta' għotja ta' Lm5,000 mill-fond għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, ivvutat taħt l-istess Ministeru.
Ninsab infurmata li l-Kumitat għall-Għażla ta' Proġetti, mwaqqaf taħt il-Ministeru tiegħi, diġa' beda jevalwa talbiet dwar proġetti sottomessi minn dawn l-Organizzazzjonijiet għas-sena 2005. Jekk ir-Razzett tal-Ħbiberija jissottometti proposta għall-għajnuna dwar proġett, din tiġi kkunsidrata mill-Kumitat imsemmi flimkien mat-talbiet l-oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hawn single parent families reġistrati fl-1994 u kemm fl-2004? X'kienet is-somma totali ta' għajnuna li ngħatat lil dawn il-każijiet f'kull sena u x'forma ta' għajnuna ħadu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm djar tal-gvern ingħataw lil single parent families kull sena mill-1994 sa l-aħħar ta' Diċembru 2004?
Kemm hu kkalkolat li tlaħħaq l-ispiża totali ta' dawn il-flats?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - se tieħu ż-żieda fil-pensjoni dovuta lilha skond il-ftehim kollettiv fejn kienet taħdem?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid x'jiġri f'każ fejn ħanut tal-privat bil-kera li jifforma parti minn binja jittieħed mill-gvern flimkien ma' din il-binja biex jinbena proġett ta' l-awtorita' tad-djar? X'jiġri minn dan l-inkwilin, jingħata post ta' negozju ieħor? Jekk fl-affermattiv, fejn jingħatalu u kif jingħatalu? Tista' il-Ministru tgħid jekk is-sid jiġix kumpensat u jekk jiġix kumpensat l-inkwilin? U jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm hu l-kumpens?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, is-sid jitħallas fuq stima tal-perit tal-Gvern, filwaqt li l-inkwilin jiġi offrut ħanut ġdid ieħor fl-istess akkwati. L-inkwilin jingħata l-għażla li jew jixtri jew jikri l-ħanut bi prezz jew kera raġonevoli.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Flus mgħoddija lill-welfare committee
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi s-somma totali ta' flus li nġabret mill-kontribuzzjonijiet kollha ta' l-anzjani matul is-sena 2004? X'inhu l-ammont ta' flus li d-dipartiment tas-sigurta' soċjali għadda lill-welfare committee matul l-istess sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li total ta' kontribuzzjonijiet miġbura mill-anzjani fis-sena 2004 kien Lm3,136,633.39, li minnu Lm1,613,399.46 għaddew lill-Welfare Committee.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani
Question
Tista' il-Ministru tagħti breakdown tal-flus li nġabru mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani matul is-sena 2004 minn anzjani residenti: a) f'San Vincenz de Paule; b) fi djar residenzjali tal-gvern; c) fi djar privati ta' l-anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership; d) f'istituzzjonijiet oħra u mill-benefiċċjarji tal-homehelp/care service?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-verifika li kienet għaddejja mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali dwar il-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani għas-sena 2004 intemmitx? Jekk iva, tista' allura tagħti r-riżultat tagħha? Jekk le, hemm xi ħjiel meta din se tkun finalizzata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-kontribuzzjonijiet mill-anzjani għas-sena 2002 u mhux 2004. Jekk dan hu l-każ ninsab infurmata li mill-verifiki li għamel id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jirriżulta li l-ammont mgħoddi lill-Kumitat tal-Welfare fis-sena 2002 hu bażikament korrett, għalkemm hemm indikazzjoni li xi arretrati għas-sena 2002 ġew riflessi fit-total miġbur u mgħoddija lill-Kumitat tal-Welfare fis-sena 2003.
Peress li fis-sena 2002 inbidlet is-sistema komputerizzata għall-ħlas ta' pensjonijiet, li tikkomprendi wkoll is-sistema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet mill-anzjani, ninsab infurmata li eżercizzju biex jiġi determinat bi preċiżjoni kemm kienu dawn l-ammonti ta' arretrati f'kull każ, ikun jenħtieġ li jiġi verifikat manwalment u fid-dettal kull każ fejn kien hemm kontribuzzjoni mill-anzjani f'dik is-sena. Eżerċizzju bħal dan jirrikjedi l-użu ta' ammont kbir ta' riżorsi, kemm umani kif ukoll finanzjarji, li ma nħossx li hu ġustifikat.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' persuni residenti f'Għawdex li jirċievu xi forma ta' benefiċċji soċjali bħala persentaġġ tat-total nazzjonali għall-perjodu bejn is-sena 2000 u 2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li peress li d-dritt għall-benefiċċji soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali mhux marbut mal-lokalita' fejn ikunu jabitaw il-benefiċjarji, ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Familja u Solidarjeta' Soċjali — Tilwimiet Industrijali
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tagħha matul din is-sena? Tista' tinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2003 u l-2004 ġiet reġistrata tilwima industrijali waħda f'kull waħda minn dawn is-snin. Dawn it-tilwimiet kienu dwar il-ftehim kollettiv f'żewġ aġenziji li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru.
Tista' il-Ministru tgħid jekk koppja li mhijiex miżżewġa imma co-habiting jistgħux jadottaw tfal biex irabbu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-adozzjoni ta' minuri hi regolata bil-provedimenti ta' l-Artikoli 113 sa 130 tat-Titolu III tal-Kodiċi Ċivili.
Il-liġi tikkontempla li ssir adozzjoni minn koppja miżżewġa jew minn persuna waħedha, kemm jekk raġel jew mara, kemm il-darba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess liġi. Il-liġi ma tikkontemplax adozzjoni minn koppja mhux miżżewġa.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Frejgatina - Dawl u Ilma
Question
Tista' il-Ministru ġentilment tinformana meta fil-blocks ta' l-appartamenti tal-gvern fi Triq il-Frejgatina San Pawl il-Baħar ser ikun hemm il-faċilita' ta' dawl u ilma? Tajjeb insemmi li dawn il-postijiet ingħataw lill-inkwilini fl-2003.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar mistennija tissottometti l-applikazzjoni għas-servizzi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant kif jinħareġ il-'compliance certificate' dwar il-bini mill-MEPA.
Tista' il-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9712 u taġġorna l-figuri biex jinkludu wkoll Novembru u Diċembru 2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2004, kien hemm total ta' 1,047 persuna li ngħataw kura fiċ-Ċentru tad-Detox. Minn dawn 889 kienu rġiel u 158 kienu nisa.
Fost dawn il-persuni kien hemm 53 ta' nazzjonalita' barranija. Il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom huma; Bulgarija, Ingilterra, Italja, Jugoslavia, Libja, Palestina u Repubblika ta' Giorgia.
Tista' il-Ministru tgħid jekk f'każ ta' persuna li għandha pensjoni tal-Gvern Ingliż jitnaqqasx l-ammont ta' din il-pensjoni meta l-mara ta' din il-persuna tkun rikoverata fl-isptar San Vincenz de Paule?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-pensjoni mill-Gvern Ingliż ma titnaqqasx meta l-mara tal-persuna li tkun tirċeviha tkun rikoverata f'residenza għall-anzjani inkluż San Vinċenz de Paule.
Iżda rrid niċċara li fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni dovuta minn tali mara bħala residenta f'xi dar residenzjali għall-anzjani finanzjata mill-Istat, nofs il-pensjoni mħallsa lir-raġel mill-Gvern Ingliż tiġi magħduda mad-dħul ta' dik il-mara.