Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — skola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’xogħol sar u qed isir fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel dan ix-xogħol u jekk ħarġux sejħiet għal offerti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti n-numru tas-sejħa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm offerti għal kull każ u x’kien il-valur tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li qed isir fl-iskola ta' Wied il-Għajn jikkonsisti fiż-żieda ta' sitt klassijiet, kamra oħra u toilets fit-tielet sular ta' l-iskola. Ix-xogħol qed isir minn kuntratturi differenti. Ix-xogħol qed isir permezz ta' tender maħruġa u approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti tal-Ministeru tal-Kuntratti.

Żurrieq — Skola tal-kinder

Question

Jista' il-Ministru jara x'jista' isir sabiex it-tfal tal-kinder fl-iskola taż-Żurrieq, ma jibqgħux fi gruppi ta' 30 f'kull klassi?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni nħabbar fil-pubbliku fil-futur qarib l-iskola primarja taż-Żurrieq ser tiġi immodernizzata u mkabbra b'faċilita' għall-kindergarten bl-ispazji meħtieġa.

Konkors Premju Letterarju 2002

Question

B'riferenza għar-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 10927 u 12577, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali mogħti mill-gvern bħala rimunerazzjoni lill-ġudikanti tal-kotba li daħlu għall-konkors Premju Letterarju 2002? Kemm kien l-ammont mogħti lil kull ġudikant individwali u għal kemm kotba ġudikati? Fuq liema kriterju jitqies l-ammont li jingħata lil kull ġudikant?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma ingħatat l-ebda rimunerazzjoni lill-ġudikanti li daħlu Konkors Premju Letterarju 2002.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin ta' l-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.

Rabat, Għawdex — Skola Ninu Cremona

Question

Jsita' il-Ministru jgħid għal liema raġuni fl-iskola Ninu Cremona, Rabat, Għawdex qed isiru l-eżamijiet fl-intrata ta' l-istess skola u l-istudenti anke jidhru mit-triq, bil-konsegwenza li l-istess studenti qed ibatu minn inkonvenjent ta' storbju li jkun ġej mit-triq u jtellifhom waqt l-eżami?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex.

Rabat Għawdex — Skola Ninu Cremona

Question

Peress illi diversi studenti u għalliema qed jilmentaw minn nuqqas ta' indafa fl-iskola Ninu Cremona, fir-Rabat, Għawdex, jista' il-Ministru jara li din il-problema tiġi ndirizzata?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex.

Computer courses

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kumpanniji lokali applikaw sabiex jorganizzaw il-computer courses (equal skills) ta' l-ETC (TEES) u x’ kienu l-offerti tagħhom? Jista’ jgħid ukoll liema kumpannija ngħatat l-offerta, x' kienet l-offerta tagħha u fuq liema bażi ngħatat l-offerta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kumpaniji li applikaw għall-Computer Courses (Equal Skills Course) tal-ETC (TEES) huwa 8. Id-dettalji kollha ġew pubblikati fin-notice board tal-Job Centre ta' l-ETC fil-Belt. Informat li l-Kumpanija TCTC ingħatat l-offerta fuq bażi ta' prezz u ċertifikat ta' akkreditazzjoni li l-kumpanija għandha mill-Malta Computer Society biex torganizza dan il-kors.

Bini ta' skola fil-Karwija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se tiftaħ l-iskola li qed tinbena fil-Karwija? Jista’ jgħid ukoll xi studenti ser tilqa’ din l-iskola? Kemm huwa maħsub li jkun in-numru ta’ studenti li se tilqa’ din l-iskola fil-bidu u kemm tista’ tilqa’ bħala full capacity?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed timmira li tlesti x-xogħol meħtieġ biex din l-iskola tilqa' l-ewwel studenti fiha f'Settembru li ġej. It-tagħrif mitlub fil-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija jingħata fi stadju ulterjuri tat-tħejjijiet għall-operat ta' din l-iskola.

Żurrieq — Skola sekondarja P P Saydon

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-futur ta’ l-iskola sekondarja P P Saydon fiż-Żurrieq, kemm fejn jidħlu l-istudenti kif ukoll l-għalliema u staff ieħor ta’ l-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tieni parti tat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti numru 13299.

Commonwealth scholarships

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12196 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega l-proċedura biex wieħed iġib l-informazzjoni dwar il-Commonwealth scholarships eżistenti u kif għandu japplika? Kemm-il student / studenta Maltija bbenefikaw minn Commonwealth Scholarships is-sena l-oħra u liema courses kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda Commonwealth Scholarship offrut. Il-Commonwealth Scholarships li jmiss joħorgu huma dawk tar-Renju Unit u tal-Kanada. Dawn is-soltu joħorgu għall-ħabta ta’ Awissu/Settembru. Is-sejħa għall-applikazzjonijijiet toħrog fuq il-gazzetti tal-Gvern u fuq il-website tal-Gvern (www.doi.gov.mt). L-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jinġabru mill-ufficcju tal-Customer Care tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Għal dawk li jkun jixtiequ aktar informazzjoni jew għajnuna, din tigi offruta mill-ufficjal inkarigat fi ħdan il-Policy Unit tal- Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Fil-proċess li sar is-sena l-oħra (2004) il-Commonwealth Scholarship and Fellowship Board innomina ħames (5) kandidati għar-Renju Unit u tlett (3) kandidati għall-Kanada. Minn dawn kandidat wieħed biss ġie offrut l-ischolarship minn-naħa tar-Renju Unit għall-Master’s fl-International Tax and EC Tax Law u tnejn minn-naħa tal-Kanada għall-Ph.D. fl-Environmental Management u Master’s fi Sport Exercise and Science/Kinesiology. Ta’ min wieħed jenfasizza li Commonwealth Scholarship and Fellowship Board għandu r-rwol li jinnomina u mhux jagħti l-ischolarships.

Diplomatic health studies

Question

Jista' il-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk sarux interventi min-naħa tal-ministeru tiegħu biex id-diplomatic in health studies tal-CAST (il-BITEC national diploma) tiġi rikonoxxuta bħala kwalifika għad-dħul fl-IHC degree course fl-Universita' ta' Malta bħalma jiġri fl-universitajiet barranin? Jikkonferma l-Ministru li l-istudenti ta' dan il-kors kienu ġew imwiegħda li l-BITEC national diploma kien se jiġi meqjus bħala kwalifika għad-dħul fl-IHC degree course?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bormla — Ground ta' l-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-ground żgħir użat mit-tfal ta' l-iskola primarja ta' Bormla, jiġi rranġat għall-istat u d-daqs li kien peress li biċċa minnu tkissret u issa saret miżbla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li l-art tal-grawnd mhix propjeta' tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, il-grawnd mhux responsabbilta' diretta tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għalkemm id-Diviżjoni tixtieq li tagħmel użu regolari minnu biex it-tfal li jattendu ikunu jistgħu jirrikreaw ruħhom fiħ, jilgħabu u jagħmlu eżerċizzji fiżiċi minħabba li l-iskola nieqsa minn spazji miftuħa. B'danakollu, id-Diviżjoni ġieli wettqet xogħolijiet biex il-grawnd ikun 'safe' għat-tfal. Id-Diviżjoni qed tagħmel kuntatti mal-Kunsill Lokali biex isiru arranġamenti biex il-grawnd jinżamm nadif u 'safe' regolarment. Il-Kunsill, daqs l-awtoritajiet ta' l-iskola jixtieq li l-grawnd jinżamm nadif u 'safe' għall-użu tat-tfal. Jeħtieġ li jkun hemm il-koperazzjoni ta' kulħadd biex ħadd ma jitfa' imbarazz fil-grawnd, li jinkludi affarijiet li jistgħu ikunu ta' periklu għat-tfal.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur tas-sena, minn Jannar sa Mejju, kemm kien hemm nies li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kien hemm minnhom li kienu ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena? Dawn kollha tneħħew mir-reġistru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ persuni li nstabu jaħdmu waqt li kienu jirreġistraw huwa hekk: Nies li nqabdu jaħdmu u jirreġistraw Ilhom jirreġistraw aktar minn sena Jannar'05 11 2 Frar 13 4 Marzu 4 1 April 15 8 It-43 persuna li nqabdu jaħdmu, twaqqfu mir-reġistrar, immedjatament. L-istatistika ghax-xahar ta’ Mejju, għadha qed tinġabar.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jara li tintlaqa' it-talba ta' persuna mill-Isla - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - anke fid-dawl taċ-ċertifika tat-tabib li wkoll qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola, fejn jaħdem l-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament, hija skola normali bħal skejjel oħra u mhux meqjusa bħala ambjent magħluq.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jara li tintlaqa' it-talba ta' persuna mill-Isla - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - anke fid-dawl taċ-ċertifika tat-tabib li wkoll qed nehmeż separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola, fejn jaħdem l-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament, hija skola normali bħal skejjel oħra u mhux meqjusa bħala ambjent magħluq.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Studenti li jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Bord għall-Manteniment ta' l-Istudenti, li jamministra din il-miżura, għadu ser jiltaqa' biex jeżamina l-applikazzjonijiet li daħlu minn min iħaddem, m'hiniex f'pożizzjoni nagħti t-tagħrif mitlub.

Channel 22

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12711, jista' il-Ministru jgħid x'bidliet se ġġib/ġabet l-amministrazzjoni l-ġdida?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-amministrazzjoni attwali ta' Education Channel 22, filwaqt li tkompli tonora l-iskeda u l-ftehim kurrenti sa tmiem ta' Ġunju, qed taħdem biex teffettwa dawn it-tibdiliet: a) Fl-iskeda tas-sajf tintroduċi għall-ewwel darba programmi ġodda kemm jista' jkun b'riżorsi interni sabiex tiġi imnaqqsa kemm jista' jkun id-dipendenza fuq djar ta' produzzjoni kummerċjali. b) Saret sejħa għal turija ta' interess lid-djar kollha ta' produzzjoni u persuni oħra bil-ħsieb li titkabbar l-iskeda bi programmi edukattivi li jiffinanzjaw lilhom infushom. ċ) Fejn jibqa' l-ħtieġa ta' użu ta' servizzi ta' 'production houses' issir sejħa għall-offerti. d) Issir riorganizzazzjoni interna u użu aħjar ta' l-istaff sabiex tonqos kemm jista' jkun il-ħtieġa ta' servizzi minn entitajiet kunnerċjali.

Chalmers Report

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12709, jista' il-Ministru jagħti lista ta' dawk li ltaqa' magħhom s'issa u/jew li ssottomettew ir-reazzjonijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li rappreżentanza mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni iltaqgħet b'mod regolari mal-Kunsill Studenti Universitarji. Il-Ministeru organizza wkoll laqgħa pubblika għall-istudenti kollha fejn ġew diskussi diversi aspetti li għandhom x'jaqsmu maċ-Chalmers Report. Il-Ministeru wkoll irċieva reazzjonijiet inizjali u/jew ideat kif ser jinġabru r-reazzjonijiet min-nies ikkonċernati, minn dawn l-istituzzjonijiet: Junior College I.T.S. St Aloysius College Sir M.A. Refalo Centre for Further Studies M.C.A.S.T. St Edward's College Universita' ta' Malta Giovanni Curmi Higher Secondary School Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' Malta Federation of Professional Associations. U.M.A.S.A.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Ħaddiema/uffiċjali

Question

Matul l-ewwel xhur tas-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li tkeċċew/ġew sospiżi mix-xogħol jew immultati xi penali?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universtia' — Staff akkademiku

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 11944, 11945, 11946, 12033, 11656 u 9269, jista' il-Ministru jikkonferma li m'hemm ħadd mill-istaff akkademiku full-time ta' l-Universita' li għandu peress jagħmel xogħol privat jew mhux uffiċjali waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu b'eċċezzjoni għal dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li l-ħin tagħhom jiġi mħallas lill-Malta University Services? Jista' jagħti rendikont ta' liema arranġamenti għandha l-Malta University Services f'dan ir-rigward? Jista' jikkonferma li ma jinżammux rassenji għall-istaff akkademiku full-time ta' l-Universita' u li għaldaqstant m'hemmx kontroll jew rekord ta' l-attendenza? Jista' jikkonferma wkoll jekk huwiex minnu li tul l-aħħar ħames snin la kien hemm spezzjonijiet għal dan ir-rigward u wisq inqas ittieħdu xi passi kontra xi abbużi ta' din ix-xorta minn xi membru ta' l-istaff akkademiku full-time? Jikkonferma li l-istaff akkademiku ta' l-Universita' mhuwiex obbligat iżomm attendenzi ta' l-istudenti u li għaldaqstant dan jista' qed joħloq diżgwid kemm fl-għoti ta' credits ibbażati fuq attendenza kif ukoll bħala mezz ta' kontroll għall-istipendji? Fid-dawl ta' dawn il-mistoqsijiet, jista' il-Ministru jgħid jekk tinħassx il-ħtieġa li l-Universita' tassumi r-responsabbiltajiet tagħha quddiem il-poplu Malti u Għawdxi li qed dejjem iħallas aktar għat-tagħlim terzjarju kif ukoll għall-fatt li gvernijiet u ministri suċċessivi - b'mod speċjali l-gvern u l-ministru tal-lum - dejjem għamlu sforz kbir sabiex l-Universita' jkollha l-aħjar għajnuna u riżorsi?

Response (GALEA, LOUIS)

Rigward l-ewwel parti tad-domanda, nerġa nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija għad-domanda numru 11944, u partikolarment għall-fatt li minn għandu permess biex jaħdem barra l-Universita' mhux qed jagħmlu a skapitu tax-xogħol ewlieni ta' l-Universita'. L-Universita' tassigura li kemm fuq din il-materja kif ukoll fuq il-punti l-oħra li semma dejjem imxiet b'responsabbilta' u għamlet użu tajjeb tar-risorsi fdati f'idejha. Informat li bħal f'Universitajiet oħra barra minn Malta, l-istaff akkademiku ma hux obbligat li jiffirma xi attendance sheet. Mhux korrett li jingħad li ma hemmx kontroll fuq l-attendenza għax dan isir fuq bażi regolari fil-livel ta' fakulta', dipartiment, eċċ. L-istess jista jingħad għar-rigward ta' l-istudenti.