Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #8248 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet kollha li huma konnessi mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' V18? Din is-sejħa għall-offerti dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti u x'kien il-valur?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tħejjijiet għal Valletta 2018 qed isiru permezz ta’ spejjeż allokati apposta mill-baġit annwali tal-Gvern li qed isostnu t-tmexxija amministrattiva tal-Fondazzjoni kif ukoll ħidmiet u attivitajiet differenti permezz ta’ programm kulturali. Għaldaqstant fl-ebda ħin din il-ħidma kellha bżonn sejħa għall-offerti.
Leg 12 PQ #8249 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Karnival — organizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ingħataw ix-xogħlijiet tal-kuntratt għall-Organizzazzjoni tal-Karnival ta' din is-sena u jekk is-sejħa għall-offerti jew tender dehritx fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa jew tender u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti u x'kien il-valur?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-Karnival 2014 inħarġu diversi sejħiet għall-kwotazzjonijiet pubbliċi għas-servizzi meħtieġa. Dawn saru permezz ta’ publikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern u nfetħu fil-ħin u d-dati stipulati fil-pubbliku. Għal dak li jirrigwarda l-arena tal-Karnival u dak konness magħha, kif kien sar fl-2011 u fl-2012 meta l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kien f’sitwazzjoni simili, cioe` post ġdid fejn wieħed ma setax ikollu speċifikazzjonijiet dettaljati ta’ dak meħtieġ, il-Kumitat tal-Karnival sab konsorzju li seta joffri (fl-opinjoni tal-Kumitat) l-aħjar servizz u tressqet talba biex tingħata direct order.
Leg 12 PQ #8250 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Anniversarji speċjali — organizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet tal-kuntratt għall-organizzazzjoni tal-anniversarji specjali kollha li se jiċċelebra pajjiżna din is-sena? Din is-sejħa għall-offerti dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa jew tender? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti jew tender, u x'kien il-valur?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #8325 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – Impjegati b’kuntratti indefiniti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Jista’, għal kull impjegat jgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tiegħu sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Jista’ jgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ngħataw l-impjieg b’mod indefinit?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi ħdan il-Ministeru kienu mija u sitta għoxrin (126) l-impjegati li ngħataw kuntratt definittiv bejn Jannar u Marzu 2013. Infurmat li kien is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, li iffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #8348 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – skola primarja — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, permezz tas-sindku qed jiddikjara li l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar se titneħħa minn fejn qiegħda, u li għal din ir-raġuni l-Kunsill mhux se jkompli bix-xogħol li kien hemm maħsub u diġà approvat u mibdi fil-bandli ta' ħdejn l-istess skola? Jista' jagħti tagħrif dwar minn fejn qiegħda tirriżulta din l-informazzjoni lis-sindku?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li f’laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, kien mgħarraf sabiex iżomm on hold il-proġett tal-bandli biswit l-Iskola Primarja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Dan sakemm tittieħed deċiżjoni uffiċjali dwar proġetti fl-inħawi. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li b’hekk ma jinħlewx flus li jistgħu jkunu nvestiti aħjar b’mod ċert.
Leg 12 PQ #7433 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħadem overtime fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.
Leg 12 PQ #8187 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Aġenti Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew appuntati Aġenti Segretarji Eżekuttivi bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u d-9 ta’ Marzu 2013? F’liema ġurnata saret kull ħatra? Min approva dawn il-ħatriet? Kif ġew magħżula l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi partikolari li ġew maħtura?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ Aġenti Segretarji Eżekuttivi li kienu appuntati fil-perjodu msemmi. Dawn inħatru mill-Ministru konċernat, skont Artiklu 49 (4) tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kapitlu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta), fl-24 ta’ Jannar 2013 u fis-7 ta’ Marzu 2013 rispettivament.
Leg 12 PQ #8188 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija – rakkomandazzjonijiet minn rapport dwar ir-riżorsi umani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6873, fejn intqal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija ‘bagħat jinforma lid-Dipartiment bir-rimedji li kien se jieħu, liema rimedji daħlu fis-seħħ f’Novembru stess’, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija bagħat din l-informazzjoni lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li qed issir referenza għaliha fir-risposta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parir li ttieħed mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija mingħand id-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali fil-konfront tal-impjieg tat-tifla tal-ex-Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill ta’ Ħal Lija fiż-żmien meta dan l-ex-Segretarju Eżekuttiv kien għadu jaħdem f’dan il-Kunsill? Minkejja li dan il-kunsill ilu b’Aġent Segretarju Eżekuttiv mis-7 ta’ Marzu 2013, jista’ jgħid kif dan il-Kunsill żamm ‘maż-żmien ta’ tletin ġurnata sakemm jasal għal nominazzjoni ta’ segretarju eżekuttiv fuq bażi permanenti’ skont ir-rapport dwar ir-riżorsi umani maħruġ mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u kkomunikat mid-Direttur tal-Gvern Lokali fis-16 ta’ Novemrbu 2012? Jista’ jgħid jekk sal-lum dan il-Kunsill għadux b’Aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista’ jgħid kif ġiet magħżula din il-persuna partikolari biex tkun Aġent Segretarju Eżekuttiv meta din diġà hija Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali tal-Belt kif ukoll Segretarju Ġenerali fil-European Walled Towns, kariga li teħodha barra minn xtutna bosta drabi matul is-sena? Jista’ jgħid kif ‘id-Dipartiment ħa l-passi li jidhirlu xierqa skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali u l-Att dwar Amministrazzjoni Pubblika’ kif isemmi fir-rapport dwar ir-riżorsi umani maħruġ mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali? Jekk ma ttieħdu l-ebda passi, min ħa din id-deċiżjoni li ma jittieħdu l-ebda passi u fuq liema bażi ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija bagħat l-informazzjoni msemmija f’komunikat lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali permezz ta’ email nhar it-23 ta’ Novembru 2012, liema email poġġejt kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien ma’ korrispondenza oħra relatata fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 6873. Intant jien infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għadu kemm kien infurmat mill-Kunsill ta’ Ħal Lija li ma talabx parir mingħand id-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. F’dan id-dawl il-Monitoring Unit tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali talab għar-rispons tal-Kunsill dwar dan. Dwar l-għażla tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv f’Novembru 2012, ninsab infurmat li din kienet intgħażlet mill-Ministru skont Artiklu 49 (4) tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kapitlu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta), wara li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija ma kienx ħatar Segretarju Eżekuttiv kif kien meħtieġ. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien konxju li l-persuna in kwistjoni qed taqdi dmirijietha f’żewġ karigi oħra msemmija mill-Onor. Interpellant. Dwar il-funzjoni ta’ Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill, jien infurmat mill-istess Kunsill Lokali li l-Kunsill stenna li jkun konkluż il-proċess tal-għażla tal-persuni fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi u saru l-interviews għal Segretarju Eżekuttiv ġdid. Is-Segretarju Eżekuttiv ġdid iżda għadu ma ntgħażilx wara li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali waqqaf lill-Bord tal-Għażla. Dan wara allegazzjonijiet li rċieva d-Dipartiment għall-Gvern Lokali u fuq parir li ħa mingħand il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant sallum il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija għadu qed jopera bl-Aġent Segretarju Eżekuttiv li kellu. Għall-aħħar żewġ mistoqsijiet nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għar-rapport dwar ir-riżorsi umani li qed isemmi. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-estratt li qed jirreferi għalih jgħid hekk b’mod in toto: “Għalkemm jidher li fejn irriżulta li ma kienx hemm aderenza mal-Liġi u r-regolamenti li joħorġu minnha dan seħħ buona fede, id-Dipartiment jieħu l-passi li jidhirlu xierqa skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali u l-Att dwar Amministrazzjoni Pubblika.” Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħass li n-nuqqas ta’ aderenza mal-Liġi u r-regolamenti seħħ tassew in buona fede u għaldaqstant id-Dipartiment ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill sabiex jirrimedja, iżda ħass li ma kellux għalfejn jieħu xi passi ulterjuri oħrajn.
Leg 12 PQ #8189 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija – passi kontra l-ex Segretarju Eżekuttiv

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6872, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li kienet żvelat dan l-abbuż qatt ma ġiet mitluba tagħti l-verżjoni tagħha mid-Dipartiment? Huwa konxju l-Ministru li in vista tal-fatt li bil-paniku li qabdu l-ex Segretarju Eżekuttiv meta nkixef dan l-għemil, fl-ittra li qed issir referenza għaliha fit-tweġiba għal din il-mistoqsija, l-ex Segretarju Eżekuttiv ipprova jimplika għemil ħażin min-naħa ta’ din il-persuna?

Response (VELLA, KARMENU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nmru 6872, infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali illi jirriżulta li din l-“implikazzjoni” kienet tirrigwardja “idea” u mhux “għemil”. Għaldaqstant la darba ma kenitx allegazzjoni vera ta’ “għemil ħażin”, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħass li la kellu għalfejn jistaqsi aktar lis-Segretarju Eżekuttiv dwarha u lanqas lil min kien implikat biex jagħti l-veduti tiegħu.
Leg 12 PQ #8253 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi – toroq – żamma ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ żamma ta’ ilma f it-toroq li qed jiġu indikati separatament peress li qed joħolqu problema lir-residenti kif jixhdu r-ritratti li wkoll qed jintbagħtu separatament u dan minkejja li ilhom isiru rapporti dwar dawn il-problemi lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għal iktar minn tmien snin?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li fi Triq Blat il-Qamar iż-żamma tal-ilma hija kawżata minn diżlivell tat-triq. Il-Kunsill kien ingħata parir mill-Perit tiegħu li jeħtieġ li tinqala’ t-triq kollha biex tiġi irranġata din iż-żamma minima ta’ ilma. Dwar Triq il-Mitħna nfurmat mill-Kunsill li qed jistenna li jitlesta żvilupp f’din it-triq qabel titranġa wkoll din iż-żamma minima ta’ ilma. Intant infurmat mill-Kunsill li Triq l-Imqabba, ħdejn in-niċċa tal-Madonna, hija mdaħħla fil-lista ta’ xogħlijiet li mistenni li jitwettqu fl-iqsar żmien possibli.
Leg 12 PQ #176 Sitting 126 2014-03-05 Written · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Forti Sant’ Iermu – tneħħija ta’ meter tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li tneħħa l-meter tad-dawl mill-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’Iermu fejn ikun hemm il-ħaddiema tal-IPSL li huma mislufa mad-Dipartiment tal-Artijiet, u li jagħmlu xogħol ta’ sigurtà?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #7091 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6890 u jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu mid-9 ta' Marzu 2013 sad-9 ta' Jannar 2014?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7562 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-kumpanija Air Malta plc.
Leg 12 PQ #8192 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – għajnuna għall-attivitajiet kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li ma talbux għajnuna finanzjarja biex jorganizzaw attivitajiet kulturali matul l-2014? Liema kienu l-kunsilli li minkejja li applikaw għal din l-għajnuna, ma ngħatawx din l-istess għajnuna? X’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali li ma applikawx għall-iskema li qed jirreferi għaliha, la fl-ewwel parti tal-iskema u lanqas fit-tieni parti, kienu l-Kunsilli Lokali tal-Gżira, ta’ Pembroke, ta’ San Lawrenz, ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ Tas-Sliema, tas-Swieqi, ta’ Ta’ Xbiex u taż-Żebbuġ. Intant il-Kunsilli Lokali li applikaw u ma ngħatawx l-għajnuna kienu dawk tar-Rabat, Għawdex u ta’ Ħal Qormi peress li dawn issottomettew diversi applikazzjonijiet u setgħu jibbenefikaw biss minn tnejn. Il-Kunsilli Lokali tal-Fgura, tal-Imqabba, tal-Kalkara u tax-Xgħajra bbenefikaw minn attività waħda biss miż-żewġ applikazzjonijiet li ssottomettew, peress li l-applikazzjoni l-oħra ma kinetx skont il-linji gwida. Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħ’Attard, tal-Fontana, ta’ San Ġwann u ta’ Ta’ Sannat, kif ukoll il-Kumitati Amministrattivi tal-Kappara u ta’ Marsalforn u l-Kumitat Reġjonali Tramunata ma bbenefikaw minn xejn peress li l-applikazzjonijiet tagħhom ma kienux skont il-linji gwida.
Leg 12 PQ #8226 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Lirika tar-Rock Opera Ġensna

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lirika tar-rock opera Ġensna li se tittella’ fl-MFCC fit-22 ta’ Marzu 2014, bħala parti mill-attivitajiet nazzjonali organizzati mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8225.
Leg 12 PQ #7419 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu– impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #7822 Sitting 124 2014-02-25 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tiegħu fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġew ingaġġati tlett (3) persuni u kumpanija fuq bażi ta’ ‘contract for service’ fil-perjodu in kwistjoni. Persuna ġiet ingaġġata b’kuntratt ta’ sena mill-14 ta’ Mejju 2013 bħala Co-ordinator b’remunerazzjoni ta’ €19,113 (VAT inkluża) annwali. Persuna ġiet ingaġġata b’kuntratt ta’ sena mill-5 ta’ Ġunju 2013 bħala Audio Visual Producer b’remunerazzjoni ta’ €23,422 (VAT mhux inkluża) annwali. Persuna oħra ġiet ingaġġata fuq bażi ta’ contract for service b’effett mit-18 ta’ Ġunju 2013 b’remunerazzjoni sa massimu ta’ €6,000 (VAT mhux inkluża), sabiex jagħti servizzi ta’ handyman u manutenzjoni, kif ukoll servizzi ta’ messaġġier u xufier kif ikun meħtieg mill-Ministeru. Kuntratt ieħor ingħata lill-kumpanija Messrs Protection Services Ltd sabiex tipprovdi servizz ta’ security personnel għall-Pjazza Teatru Rjal għal perjodu ta’ erba’ (4) xhur li jiskadi f’April 2014 bi ħlas ta’ €6.38 fis-siegħa (VAT inkluża).
Leg 12 PQ #7893 Sitting 124 2014-02-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Pubblikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru pubblikazzjonijiet minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu tul is-sena li għaddiet, f’liema kwantitajiet, kemm ġew jiswew, għand min ġew stampati u lil min tqassmu?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7894 Sitting 124 2014-02-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali Fgura – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fondi ġew allokati lill-Kunsill Lokali tal-Fgura f’dawn l-aħħar għaxar snin sena b’sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7895 Sitting 124 2014-02-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali Żejtun – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fondi ġew allokati lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun f’dawn l-aħħar għaxar snin sena b’sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.