Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għal Triq il-Kbira, San Ġużepp

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16447, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tielet sejħa għall-offerti għalqitx? Kemm intefgħu offerti u min huma l-entitajiet/kumpaniji li tefgħu din l-offerta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għalqet u fil-fatt qegħda fl-istadju t’evalwazzjoni. Ninsab infurmat li ntefgħu tliet offerti minn dawn il-kumpaniji: - Schembri Barbros - Northwind Investments - V & C Contractors

Ix-Xemxija – inħawi tal-Fekruna – xogħol ta’ qtugħ ta’ blat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu x-xogħol ta’ qtugħ ta’ blat li qed isir fil-post magħruf bħala Il-Fekruna, fl-inħawi tax-Xemxija? Min qed jaqta’ l-blat, u meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol? X’xogħol fadal isir, u kif se jiġi garantit l-aċċess meħtieġ għall-baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qtugħ tal-blat sar sabiex ikunu jistgħu jiġu akkommodati żewġ ringieli ta' blat tal-qawwi ta' ċertu kobor fuq in-naħa tal-baħar skont il pjanti approvati mill-MEPA. Dan għal skop kemm ta' estetika kif ukoll ta' protezzjoni tal- proġett mill-qilla tal-mewġ f'każ ta' maltemp. Ix-xogħol ta' tqattiegħ kien qed jiġi eżegwit minn kuntrattur tad-Dipartiment u dan tlesta reċentament. Xogħol li għad fadal isir jinkludi xogħolijiet ta' ħadid u konkos sabiex jiġi akkommodat il-blat hawn fuq imsemmi, kostruzzjoni ta’ bankina, railing u sottobank mat- triq, xogħol ta’ kisi/tibjid, installazzjoni ta' aċċessorji tal-elettriku kif ukoll xogħolijiet ta’ landscaping. L-aċċess meħtieġ għall-baħar ġie mtejjeb konsiderevolment u sar ħafna aktar sikur bit- titjib li sar fuq il-passaġġ eżistenti kif ukoll il-kostruzzjoni ta' taraġ li issa qed jipprovdi aċċess dirett fejn hemm diżlivell konsiderevoli.

Railings u Crash Barries

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru ta' railings twaħħlu fit-toroq arterjali bejn is-sena 2014 u din is-sena? Jista' jgħid kemm-il metru ta' crash barriers twaħħlu bejn is-sena 2014 u din is-sena? Jista' jgħid jekk dawn (railings u crash barriers) ingħatawx b'direct order jew inħariġx tender? Jekk inħareġ tender, jista’ jagħti r-referenza tat-tender li nħareġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti ta’ din it-tip ta’ informazzjoni tirrekjedi ħafna żmien u riżorsi li f’dan l-istadju mhumiex disponsibbli. Ta’ min isemmi li x-xogħlijiet marbuta mat-twaħħil ta’ crash barriers isiru biċċa biċċa kif ukoll ikunu nklużi fil-kuntratti tal-proġetti l-kbar. Skont l-informazzjoni mgħoddija lili, mill-2014 sal-lum, Transport Malta nstallat mill-inqas: - 450m ta’ railings; - ‘l fuq minn 5.3km ta’ crash barriers

Toroq ġodda u Extensive Patching ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' toroq ġodda saru matul din is-sena? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet saru dawn it-toroq ġodda? Jista' jgħid kemm ġew jiswew finanzjarjament dawn it-toroq? Jista' jgħid kemm-il kilometru ta' extensive patching saru matul din is-sena? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet sar u kemm ġie jiswa finanzjarjament dan l-extensive patching?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Triq il-Kanun - zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni biex issir zebra crossing fi Triq il-Kanun f'Ħal Qormi peress li hija triq ferm traffikuża u qed jinħoloq inkonvenjent u perikolu kbir għar-residenti li jkunu jridu jaqsmu din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ġentilment jindika għal liema parti ta’ Triq il-Kanun, Qormi, qed jirreferi sabiex din it-talba tiġi evalwata.

Birżebbuġa- klabb tal-futbol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li x-xogħol fuq il-bini tal-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa ilu wieqaf għal dawn l-aħħar xahrejn b’inkonvinjent kbir għar-residenti tal-madwar minħabba t-trabijiet kif ukoll b’detrement għall-klabb tal-futbol ta’ Birżebbuġa? Meta hu pproġettat li jitlesta x-xogħol fuq dan il-grawnd tal-futbol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa – Triq Għar u Casa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Għar u Casa fil-Mellieħa peress li din it-triq għadha bla tarmak, u l-ilma tax-xita qiegħed jiskula minn din it-triq u jmur fuq wara ta’ blokkok ta’ appartamenti li jinsabu fi Triq il-Wied Ruman il-Mellieħa? Peress li din it-triq (Triq Għar u Casa) hi ffurmata minn tafal, jista’ jara li din it-triq ma tkompliex iċċedi u tkompli toħloq ħsarat strutturali fil-blokkok ta’ appartamenti msemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15819.

Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – Landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta’ landscaping se jkun hemm fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li matul il-proġett se jkun hemm 16,971 metru kwadru ta’ landscaping.

Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – pjanti tal-landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-landscaping li se jsir fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16044 fejn ġie ndikat li l-preparamenti tal-proposti ta’ landscaping għadhom għaddejjin.

Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – bini ta’ ġiebja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġiebja nbniet fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq biex ikun jista’ jinġabar l-ilma tax-xita biex jintuża għat-tisqija u kemm-il metru kubu ta’ ilma jesgħu dawn il-ġwiebi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-proġett huwa ppjanat li jkun hemm 6 ġwiebi għall-ġbir tal-ilma tax-xita, li ser jiġbru total ta’ 405 metru kubu ta’ ilma.

Esplorazzjoni taż-żejt — tħaffir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux għaddej bl-esplorazzjoni għaż-żejt? Hemm xi tħaffir għaddej bħalissa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhux għaddej tħaffir fl-ibħra Maltin, iżda għaddejjin studji minn żewg kumpaniji - Capricorn Malta Ltd u Ratio Malta Ltd - li għandhom liċenżji għall-esplorazzjoni. Għalkemm il-prezz taż-żejt huwa baxx, aktar kmieni din is-sena il-Gvern daħal fi ftehim ma’ kumpanija Israelita Ratio Oil li ser tagħmel esplorazzjoni fil-Lbiċ ta’ Malta. Skont il-ftehim, mistenni li tinġabar informazzjoni siżmika fl- 2016. Minn naħa l-oħra il-liċenzja ta’ Capricorn Malta Limited għadha kif ġiet estiża b’sena u nofs sabiex isiru aktar studji bil-għan li jiġu indikati prospetti tajbin għat-tħaffir.

Liċenzja Maltija tas-sewqan — proċedura

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-proċedura sabiex Malti-Awstraljan jikseb il-liċenzja Maltija tas-sewqan, jekk ikollu fis-seħħ liċenzja tas-sewqan Awstraljana?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li sabiex Malti-Awstraljan jikseb il-liċenzja Maltija tas-sewqan, jekk ikollu fis-seħħ liċenzja tas-sewqan Awstraljana, irid japplika għal tibdil fil-liċenzja. Dan huwa possibli permezz ta’ arranġament bejn iż-żewġ pajjiżi li jagħrfu lil xulxin u jbiddlu l-liċenzji bejniethom. Il-klijent irid ikun residenti Malta mill-inqas 185 jum, irid jipprovdi l-karta tal-identita’ Maltija jew kopja tal-Kard ta’ Residenza Maltija, jintalab jimla l-formola DRV 14, u jippreżentaha flimkien mal-liċenzja Awstraljana u l-konferma oriġinali tad-dettalji tal-liċenzja Awstraljana maħruga direttament mill-Awtorita’ li tkun ħarġitha. La darba kollox ikun verifikat (dettalji kollha jaqblu u ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni) tkun tista’ tinħareġ il-liċenzja Maltija fuq pagament applikabbli (jista’ jvarja skont l-eta’ – normalment €80 għal 10 snin). Il-Liċenzja Awstraljana tiġi rritornata lill-klijent wara li tinżamm kopja għar-records tal-Awtorita’.

Triq prinċipali mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa — tneħħija ta' perikli

Question

Billi jidher li x-xogħol marbut mat-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa qed il-bogħod ferma, u dan billi skont tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li ngħatajt, lanqas il-laqgħat ta' konsultazzjoni ma' nbdew, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-perikolu li hemm f'nofs l-istess telgħa u dan qabel ma jkun hemm xi traġedja jew xi korrimenti serji?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun iktar speċifiku fuq il-post u l-periklu previst fl-imsemmija triq.

Ħal Qormi – pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W229, il-Ministru kkonferma li ma għandux pjan għall-immaniġġar tat-traffiku ffokat fuq Ħal Qormi, u peress li f’Novembru li għadda fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11621, il-Ministru stqarr li mhux possibbli li jsiru studji dwar it-traffiku ġo Ħal Qormi minħabba l-impatt tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq il-Kosta, Naxxar u peress li l-ġurnali qed jirrapportaw lill-Ministru jgħid li x-xogħol fl-imsemmija triq se jkun lest f’Lulju li ġej, jista’ l-Ministru jgħid meta beħsiebu jfassal pjan ħolistiku għall-immaniġġar tat-traffiku ffokat fuq Ħal Qormi biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u l-kwalità ta' ħajja tar-residenti tiegħu tittiekel ftit ftit minħabba dħaħen, storbju u kwestjonijiet ta’ saħħa u sigurtà?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-pjan holistiku tat-traffiku qed jiġi studjat, evalwat u mħejji bħala parti mit-Transport Plan li qed tiġi ppreparata minn Transport Malta.

Ħal Qormi – pjan għall-immaniġġar tat-traffiku

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W229 il-Ministru kkonferma li ma għandux pjan għall-immaniġġar tat-traffiku ffokat fuq Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk sal-lum il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi talabx lill-Gvern biex dan isir? Jista’ jpoġġi din it-talba fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 10886 u 13095.

Ħal Qormi – maniġġar tat-traffiku

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10886 u 13097 fejn il-Ministru elenka ħames miżuri speċifiċi fl-immaniġġar tat-traffiku għal Ħal Qormi, fosthom: 1. addizzjoni ta’ inner flare fi Triq Ħal-Luqa fl-inkroċju tar-roundabout k/m Triq L-Imdina 2. twessigħ ta’ parti minn Triq L-Imdina għal żewġ karreġġati fil-parti minn k/m Triq San Bartilmew sa biswit k/m Triq il-Ġdida 3. l-immarkar tal-linji tal-karreġġata mar-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech k/m Triq Ħal-Qormi 4. l-immarkar tal-linji tal-karreġġata mar-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech k/m Triq L-Imdina 5. addizzjoni ta’ inner flare fit-triq li tagħti minn Triq San Bastjan għall-inkroċju tar-roundabout k/m Triq Manuel Dimech, Jista’ l-Ministru jgħid liema minn dawn il-miżuri mħabbra f’Diċembru li għadda saru sal-lum? Jista’ jgħid, dawk li ma sarux sa meta se jsiru? Jista’ jgħid jirriżultalux li l-miżuri li saru tawx ir-riżultat mixtieq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-miżuri tlestew: - Addizzjoni ta’ inner flare fi Triq Ħal-Luqa fl-inkroċju tar-roundabout k/m Triq L-Imdina; - L-immarkar tal-linji tal-karreġġata mar-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech k/m Triq Ħal-Qormi; - L-immarkar tal-linji tal-karreġġata mar-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech k/m Triq L-Imdina. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, dawn għadhom ma tlestewx sal-lum: - Twessiegħ ta’ parti minn Triq l-Imdina għal żewġ karreġġati fil-parti minn k/m Triq San Bartilmew sa biswit k/m Triq il-Ġdida - dan ix-xogħol għadu fi stadju ta’ ppjanar; - Addizzjoni ta’ inner flare fit-triq li tagħti minn Triq San Bastjan għall-inkroċju tar-roundabout k/m Triq Manuel Dimech - ix-xogħlijiet għandhom jitlestew f’qasir żmien u huma marbuta ma’ xogħlijiet oħra fil-viċinanzi. Ninsab infurmat li Transport Malta rat titjib kemm mill-lat t’effiċjenza tat-traffiku kif ukoll f’dak li jirrigwarda sigurtà fis-sewqan.

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - tarmak

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15158, jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmak għall-ewwel darba f’parti minn Triq Amleto Spiteri f’Ħal Qormi minn Triq l-20 ta’ Jannar lejn id-direzzjoni tal-Marsa li għadha qatt ma saret bit-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie spjegat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 15158, il-parti tat-triq imsemmija li taqa’ fl-iskema hija diġà asfaltata. Transport Malta hija nfurmata li parti żgħira oħra minn din it-triq se tiġi skemata u għaldaqstant din il-parti tat-triq se tiġi nkluża mal-lista ta’ toroq li għandhom jiġu asfaltati għall-ewwel darba skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Karozzi tal-linja — rotta miċ-Ċirkewwa għall-Airport li tgħaddi mill-Mellieħa

Question

Billi wara li ngħatajt ir-risposta parlamentari 16575 dwar ir-rotta tal-karozza tal-linja li titlaq miċ-Ċirkewwa u tibqa sejra lejn l-airport, qed jirriżulta li l-istess karozza tal-linja tieqaf il-Mellieħa, u hemm tistenna għall-ammont ta' ħin qabel ma tkompli l-istess rotta għad-destinazzjoni aħħarija tagħha, jista' l-Ministru jikkonferma li l-karozza tieqaf fejn qabel kien hemm il-Belleview, u jekk dan hu l-każ, jista' jara li dan il-waqfien jinqata', għaliex qed itawwal bla bżonn il-ħin li wieħed jieħu biex jasal miċ-Ċirkewwa sal-airport? Billi jidher li suppost għandha tiġi stabilita rotta oħra li tkun imsejħa X1A b'żieda ma' l-X1, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta dan il-bidliet se jidħlu fis-seħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskeda tar-rotot li jibdew il-vjaġġ tagħhom miċ-Ċirkewwa m’ hemm l-ebda rotta illi tieqaf għal ammont ta’ ħin fl-Interchange tal-Mellieħa. Ir-Rotta X1A, li miċ-Ċirkewwa tmur l-Università, ilha topera għal numru ta’ snin. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15763, bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, l-operat ta’ din ir-rotta se jiġi mtejjeb billi jiżdiedu il-vjaġġi u billi din ir-rotta tiġi estiża għall-MCAST ġewwa Raħal Ġdid.

Rottot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu r-rottot ġodda li se jidħlu fis-seħħ minn Lulju 'l quddiem? B'liema frekwenza hu mistenni li joperaw dawn l-istess rottot? X'tip ta' ħlas se jkun qed jintalab għal vjaġġi single way fuq dawn l-istess rottot? Kemm huma bħalissa r-rottot tal-karozzi tal-linja ta' bil-lejl? Minn fejn għal fejn qed joperaw u minn x'ħin sa x'ħin qed ikun hemm dan is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot il-ġodda, kif ukoll it-tibdil li se jkun hemm fir-rotot eżistenti, se jiġu mħabbra u spjegati fid-dettal kif ikunu qegħdin jigu introdotti. Hekk kif diġà ġie mħabbar, in-nollijiet li se jkunu qegħdin jiġu mħallsa minn persuni li jkollhom il-card tat-trasport personalizzata maħruġa mill-operatur tat-trasport pubbliku huwa hekk kif gej: Validu Adulti € Studenti € Tfal, Persuni illi għandhom Karta Anzjan u persuni illi jikkwalifikaw għal Concessionary Card € Single Journey (sa limitu ta’ sagħtejn) 0.75 0.75 0.25 Ġimgħa n/a n/a 2.00 Xahar 26.00 21.00 n/a Tliet xhur n/a 55.00 n/a In-noll tas-“single journey” huwa validu sabiex jintuża fuq kwalunkwe rotta, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, inkluż bdil ta’rotta jekk ikun hemm bżonn, sa ħin massimu ta’ sagħtejn. Fil-każ tal-adulti n-nefqa hija sa massimu ta’ €26 fix-xahar. Fil-każ ta’ tfal, persuni li għandhom il-Karta Anzjan u persuni li jikkwalifikaw għal “Concessionary Card”, in-nefqa hija sa massimu ta’ €0.50 kuljum jew €2.00 fil-ġimgħa. Qed naħdmu wkoll flimkien mal-operatur fuq inċentivi aktar wiesgħa għall-persuni b’diżabilità. Wieħed irid jinnota illi tfal sa tliet snin ma jħallsux. Mill-banda l-oħra, in-noll għal dawk il-persuni li m’għandhomx il-card tat-trasport se jkun ta’ €1.50 fil-perjodu tax-xitwa u €2.00 fil-perjodu tas-sajf għal biljett ta’ sagħtejn. Infurmat ukoll li b’kollox hemm tlettax-il rotta li jaħdmu matul il-lejl. Dawn huma hekk kif ġej: Rotta Destinazzjoni N3 San Ġiljan, Paola, Bormla, Birgu, Kalkara, Fgura N11 San Ġiljan, Pembroke Park and Ride, Buġibba, Mellieħa, Ċirkewwa N13 San Ġiljan, Sliema, Msida , Valletta N21 San Ġiljan, San Ġwann, Għargħur, Naxxar, Mosta, Birkirkara, Msida N31 San Ġiljan, Pembroke, Burmarrad, Mosta, Naxxar N32 San Ġiljan, Msida, Birkirkara, Lija, Mosta, Naxxar, Għargħur, San Ġwann N52 Pembroke, San Ġiljan, Fleur-de-Lys, Attard, Rabat, Dingli N61 San Ġiljan, Msida, Ħamrun, Birkirkara, Żebbuġ, Siġġiewi, Qormi, Marsa N62 Pembroke, San Ġiljan, Marsa, Qormi, Żebbuġ, Siġġiewi N71 San Ġiljan, Paola , Sta Luċija, Luqa, Ajruport, Kirkop, Żurrieq , Qrendi, Mqabba N81 San Ġiljan, Paola, Tarxien, Żejtun, Gudja , Ajruport N82 San Ġiljan, Paola, Tarxien, Żejtun, Birżebbuga N91 Pembroke, San Ġiljan, Paola, Fgura, Żabbar, Marsaskala Dawn ir-rotot joperaw kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt bejn il-ħdax ta’ bil-lejl u l-erbgħa ta’ filgħodu.

ĦAL QORMI – TRIQ ĠORĠ MIFSUD CHIRCOP – GĦOTI TA’ TARMAK

Question

B’ referenza għall-mistqosija parlamentari 15553, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx l-evalwazzjoni biex tinbena u tingħata t-tarmak Triq Ġorġ Mifsud Chircop f'Ħal Qormi? Jista' l-Ministru jgħid jekk sakemm jibda jingħata x-xogħol tat-tarmak ġewx indirizzati l-preokkupazzjonijiet tar-residenti tat-triq dwar aċċess perikoluż u nuqqas ta’ servizzi għall-familji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-policy eżistenti, normalment jibda x-xogħol fuq triq meta l-iżviluppaturi/residenti jkunu ffurmaw t-triq skont l-obligi tagħhom u l-iżvilupp tagħha jkun iżjed jew qrib is-70%. Għaldaqstant, din it-triq fil-preżent mhix eliġibbli biex tiġi nkluża fil-programm ta’ toroq residenzjali ta’ Transport Malta. Rigward servizzi, infurmat ukoll li dawn jiġu mgħoddija qabel l-intervent ta’ Transport Malta.