Jista' l-Ministru jgħid meta se jinxtegħel id-dawl kollu mal-promenade tal-Bajja ta' Birżebbuġa?
Jista' jgħid x'qed iżomm dan id-dawl milli jinxtegħel?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex, wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa, tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema skop se jingħalaq il-post magħruf bħala Wied ix-Xoqqa wara l-Freeport?
Jikkonferma li l-post se jiġi allokat għal skopijiet ta' raffinar ta' żejt?
Jekk dan hu minnu, jista' il-Ministru jgħid liema entitajiet lokali u barranin huma nvoluti f'dan il-proġett?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-art li qed issir riferenza għaliha ma hijiex fir-responsabbilta' ta' xi waħda mill-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' l-Ministru jdaħħal fl-estimi tas-sena d-dieħla l-ispiża meħtieġa sabiex tiddawwal aħjar l-Imtarfa bypass u Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat?
Kemm fil-fatt hija n-nefqa meħtieġa sabiex dawn it-toroq fir-Rabat jiddawwlu aħjar?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant sabiex jiddawwlu t-toroq imsemmija, li l-ispiża għalihom tammonta għal madwar tnejn u erbgħin elf lira, qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jara li jiżdied id-dawl, speċjalment man-naħa ta' l-HSBC, f'Bastion Str, Fgura minkejja li issa ilni s-snin nitlob lil-Enemalta biex iżżid ftit bozoz f'dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fl-inħawi msemmija diġa' ġew installati xi bozoz li qiegħdin jipprovdu dawl adekwat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi li jieħdu l-kuntratti biex jarmaw id-dawl fit-toroq tal-Milied huwiex se jitneħħielhom is-sussidju fuq l-ewwel units tal-kont tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta għadu qed jiddiskuti l-materja ta' sussidju lil dawk li jarmaw it-toroq matul il-festi tal-Milied.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ċerti pompi automatiċi tal-petrol mhux kollha jagħtu riċevuta fiskali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-pompi u s-sistema awtomatika fl-istations huma proprjeta' tas-sidien tal-pompi tal-petrol u għalhekk il-Korporazzjoni Enemalta mhijiex responsabbli mit-tħaddim tagħhom.
Għaldaqstant missuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li bħal issa hawn fis-suq konsenja ta' diesel inferjuri ħafna għax fiha ħafna kimika ta' sulphur li qed tikkaġuna ħafna duħħan mill-vetturi, qed jikkawża ħafna tniġġiż ta' l-arja kif wkoll ħsara lil istess makni tal-vetturi?
Kemm ġie kkunsmat kull sena, sena b'sena mill-1998 sal-lum minn dan it-tip ta' diesel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 20961 waqt is-Seduta numru 422.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta ilha mingħajr cable tat- 3 phase għal dawn l-aħħar xhur?
Veru li dan il-cable għandu ħames xhur oħra biex jasal minn barra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta ilha mingħajr cable tat-three phase għal dawn l-aħħar tlitt xhur.
Tajjeb jingħad li peress li l-aħħar konsenja ġiet ikkunsmata qabel ma kien previst li jsir dan skond l-esperjenza tal-passat, ittieħdu l-passi biex jinxtraw konsenji oħra biex il-pubbliku jkompli jinqeda.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li qed jirreferi għal ordni oħra li diġa' ġiet approvata.
Meta l-Enemalta m'għandhiex 3 phase cable u arloġġi, jista' l-Ministru jgħid kif għadha taċċetta applikazzjonijiet u l-ħlas ta' Lm 210 għal dawn il-servizzi?
Kemm hemm applikazzjonijiet minn dawn?
Meta se jiġu sodisfatti dawn il-bidliet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kull applikant li għamel talba għal meter tat-three phase u t-talba għadha pendenti, ser jingħata s-servizz sa nofs Diċembru li ġej. Dan ikun possibbli jekk l-estensjonijiet mitluba ma jkunux jinħtieġu li jitwaħħlu arbli jew isiru trinek. F'każijiet bħal dawn ikun meħtieġ aktar żmien minħabba proċeduri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta lanqas għandha arloġġi tat- 3 phrase xi twaħħal?
Jekk hu hekk, kif spiċċat mingħajr dawn l-arloġġi?
Meta se jkollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li konsenja ta' elf u tlitt mitt meter li waslet fi Frar li għadda u li normalment tieħu sena biex tispiċċa, kważi spiċċat ix-xahar li għadda. Fil-bidu ta' Novembru wslet konsenja żgħira ta' mitejn u sittin meter u hemm konsenja oħra ta' elfejn meter li mistennija tasal lejn l-aħħar tas-sena.
Naturalment peress li diversi konsumaturi, anke fis-settur domestiku, qiegħdin jaqilbu għas-sistema tat-three phase, l-istock ta' dawn it-tip ta' meters qiegħed jispiċċa aktar malajr.
Diġa ittieħdu l-passi meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u b'hekk il-pubbliku ikompli jinqeda.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 20947 dwar il-kumpanija The Glorious Few Production Co Ltd?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kumpanija li għaliha qed issir riferenza għandha shareholding ta' mija fil-mija mill-MIMCOL. Din twaqqfet in konnessjoni mal-ġbid tal-film 'Glorious Few' li huwa film dwar Malta u t-tieni Gwerra Dinjija. Il-MIMCOL ser tikkontribwixxi s-somma ta' Lm10,000 g[all-iskript u l-produzzjoni, bil-kundizzjoni li l-biċċa l-kbira ta' l-iffirmjar isir fil-gżejjer Maltin u li ta' l-anqas tintefaq is-somma ta' miljun dollaru Kanadiż. Naturalment il-MIMCOL tonora l-obbbligu tagħha wara li tkun sodisfatta li ntefqet is-somma miftehma.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-kawża li l-WSC għamlet kontra dik il-persuna li tefgħet żejt maħruq f'borehole b'konsegwenza ta' tniġġiż serju fl-ilma tal-galleries f'Ta' Kandja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad, li kuntrarjament għal dak li ingħad fil-mistoqsija, kienu l-pulizija li ħadu passi fil-Qorti kontra l-imsemmija persuna u mhux il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Il-kawża relattiva ġiet deċiża fit-3 ta' Diċembru, 1999, meta l-Qorti sabet lill-akkużat ħati ta' l-akkużi kollha miġjuba kontrih minbarra dik dwar serq ta' ilma. Huwa kien libertat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għadha ma għamlet ebda kawża kontra din il-persuna. Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni u l-persuna in kwistjoni dwar l-ammont li għandu jitħallas bħala danni mill-Korporazzjoni. Min-naħa tagħha, l-Korporazzjoni ħadet il-passi legali meħtieġa sabiex tissalvagwardja l-pożizzjoni tagħha, bil-presentata u notifika ta' ittra uffiċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx iffurmati jew hemmx il-ħsieb li jiġu ffurmati, sezzjonijiet, units jew xorta ta' gruppi oħrajn fid-dipartimenti, soċjetajiet kummerċjali, segretarjati u entitajiet oħrajn kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jew li fihom il-gvern għandu xi forma ta' interess u li liema units, sezzjonijiet etc għandhom xogħol konness jew relatat mal-politika tal-Gvern li jsieħeb lil Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew fl-addozzjoni ta' l-aquis?
X'jisimhom jew x'ser ikun jisimhom dawn il-units etc?
X'tip ta' xogħol mistenni jew qiegħed isir min dawn il-units?
Kemm hemm nies jaħdmu f'kull wieħed min dawn il-units?
Min huma, kif intgħażlu u xi grad għandhom?
X'pagi, kundizzjonijiet u benefiċċji oħrajn igawdu minnhom persuni li huma ingaġġati ma' dawn il-units?
Dan l-aħħar sidien tal-karozzi tal-linja ilmentaw li ċ-ċomb fid-diesel li qed jiġi importat huwa għola milli suppost, jista l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta għamlet xi studju biex tara jekk dan huwiex minnu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għandi għax naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għar-rapport li deher fil-ġurnali dan l-aħħar u għalhekk naħseb li qed jirreferi għas-sulphur u mhux għaċ-ċomb.
Ninsabinfurmat li d-diesel li qed jiġi mpurtat mill-Korporazzjoni Enemalta għandu mhux aktar minn 0.2 fil-mija "weight" ta' sulphur. Ta' min jinnota li qed isir studju biex dan il-livell jitnaqqas..
Dwar ċomb fil-petrol, ta' min jgħid li l-livell huwa ta' 0.15 u dan huwa konformi ma' l-istandard Ewropew.
Jista’ l-Ministru jara li jissewwa ħsara f'arblu li jinsab fit-tarf ta' Triq il-Ġiblew tal-Fidda l-Birgu qabel ma taqbad ir-roundabout għat-triq ta' De La Salle College, peress li hu perikoluż, speċjalment għat-tfal minħabba li għandu wires mikxufa?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa, u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni necessarja.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ħaddiema tas-servizzi 190, 194 overseas tal-Maltacom, B'Kara li jaħdmu bix-shift humiex ser jitneħħew mix-shift? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni u min ser jieħu posthom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Maltacom hija azjenda li kontinwament tinħtieġ taġġorna l-operazzjonijiet tagħha sabiex tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi, kemm teknoloġiċi kif ukoll umani, li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.
Għaldqstant diġa' saru diversi ri-organizazzjonijiet interni u mhux eskluż li fil-futur isir xi tibdil fis-sezzjoni msemmija.
Ta' min jgħid li huwa fl-interess tal-ħaddiema nfushom li l-kumpanija tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli, u dan sabiex ikompli jiġi żgurat futur dejjem aħjar għalihom.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jara min, u għaliex ta l-istruzzjonijiet sabiex titneħħa l-bozza li kien hemm sa ftit ġranet ilu fil-kantuniera bejn Palm Street, Main Street u B'Bugia Rd, ġewwa Ħal Tarxien? Min hu jaf li ħoloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta' l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
B'riferenza għad-domandi parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġietx meħuda deċiżjoni pożittiva fis-sens li se jkun hemm post ċentrali għal posta ġewwa l-Fgura?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-deciżjoni dwar il-ftuħ ta' fergħa tal-Posta ġewwa l-Fgura għadha qed tiġi kunsidrata.