San Pawl il-Baħar – Triq il-Ħatab – ilment rigward storbju
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba, matul dawn l-aħħar tliet xhur kien hemm rapporti fl-għassa tal-Qawra, jew f'xi għassa oħra, dwar ilmenti ta' storbju fi Triq il-Ħatab, San Pawl il-Baħar? X'kienet il-kawża ta' dan l-istorbju, u x'passi ttieħdu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar tliet xhur indikati mil-interpellant, il-Pulizija tad Distrett tal-għassa tal-Qawra kellha rapport wiehed biss dwar incident ta’ storbju min gewwa ir residenza indikata mil-istess interpellant, cioe residenza fi Triq il-Hatab, San Pawl, li kien rizultat ta’ vjolenza domestika. Ir-rapport kien sar fl-1 ta’ Frar 2014. Konsegwenza ta’ dan ir-rapport iż-żewg persuni involuti ħargulhom taħrikiet relatati mal-każ in kwistjoni u peress li din hija kopja, il-każ ser jinstemgħa, f’seduta tal-Qorti tal-Familja
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija investigatx l-inċident irrapurtat fil-media fejn persuna ta’ nazzjonalita barranija ġiet allegatament aggredita u msawta waqt li kienet qegħda ddoqq xi strument tal-mużika fit-terminal tal-vapur ta’ Għawdex nhar il-Ħadd 2 ta’ Marzu 2014? Jekk iva saru xi arresti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara ir-rapporti li dehru fil-media fuq il każ kif rrapurtat mil-Interpellant, il-Pulizija kienet infurmata u ħadet passi biex tinvestiga il-każ. L-investigazzjoniet għadhom għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet li jirrappreżentaw l-arms collectors li huma rappreżentati fil-Weapons Board ġdid li għadu kemm twaqqaf mill-Ministru (fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju 2013) skont kif jipprovdi l-art. 49 tal-Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għaqdiet li jirraprezentaw l-Arms Collectors li huma rappreżentati fil-Weapons Board il-ġdid li għadu kif twaqqaf mill-Ministru huma:
· MSSF: Malta Shooting Sports Federation
· AACTS: Association of Arms Collectors and Target Shooters
· AMACS : Association of Maltese Arms Collectors and Shooters.
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ma ġietx osservata l-liġi (fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza) li twaqqaf il-Weapons Board (Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta) peress li fl-avviż tal-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju 2013 il-Ministru ħabbar il-kompożizzjoni tal-Weapons Board magħmul minn 8 membri, meta l-liġi (artiklu 49 tal-Kap.480) tistipula li l-minimu għandu jkun ta’ 9 membri?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Armi kien mwaqqaf skond il-liġi u membru minnhom ma kienx aċċetta din il-pożizzjoni ftit mumenti qabel ġiet maħruġa fil-gazetta tal-Gvern. Din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata qabel il-laqgħa li kien imiss.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pulizija Għawdxin adetti f'Malta li għandhom talba pendenti biex ikunu trasferiti lejn Għawdex?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija l-proċedura fil-Korp tal-Pulizija illi membri tal-Korp li jkunu residenti Għawdex, jkunu kkunsidrati sabiex ikunu stazzjonati f’Għawdex meta jkun hemm vakanzi u skont l-eżiġenzi tas-servizz. Fil-preżent hawn 77 membru tal-Korp tal-Pulizija residenti f’Għawdex li huma stazzjonati Malta. Hemm ukoll 7 membri tal-Korp oħra stazzjonati Malta, li għandhom talba pendenti sabiex jiġu stazzjonati f’Għawdex minħabba xi raġunijiet personali.
Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal biex pulizija li għadu kemm ġie reinstated fil-Korp wara li kien telaq xi snin ilu, ġie adett mill-ewwel f'Għawdex u qabeż il-lista ta' diversi pulizija Għawdxin li ilhom jistennew biex ikunu mibgħuta Għawdex?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta tiġi reinstated tidħol lura fil-kju fejn tkun tlaqt. Barra minn hekk ir-trasferimenti għal xogħol f’Għawdex ma jsirux biss fuq bażi ta seniority imma ukoll fuq kriterji oħra bħal mard, bżonnijiet fil-familja eċċ., flimkien mal-esiġenza tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew il-vetturi tal-Emergency Response Team tas-Civil Protection Department li ġew inawgurati fl-1 ta' Awwissu 2013, u meta ġew ordnati? Mil-liema fond jew budget inxtraw?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta tiġi reinstated tidħol lura fil-kju fejn tkun tlaqt. Barra minn hekk ir-trasferimenti għal xogħol f’Għawdex ma jsirux biss fuq bażi ta' seniority imma ukoll fuq kriterji oħra bħal mard, bżonnijiet fil-familja eċċ., flimkien mal-esiġenza tas-servizz.
(Ara dokumenti Nru. 3086 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta, 8 ta’ Lulju 2014)
Peress li fl-istqarrija li l-Ministeru għall-Intern ħareg ilbieraħ, l-1 ta’ Awwissu 2013, numru PR1654, jingħad hekk: “Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur John Rizzo qabel mal-Ministru li jeħtieg li jsir investiment minnufih għax dan id-Dipartiment kien intesa fis-snin li għaddew.” , u peress li matul il-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ u li għaliha din l-istqarrija qed tirreferi, il-Kap tad-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili ma qalx il-kliem li ġie attribwit lilu fl-istqarrija uffiċjali tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid:
a) Għaliex ippermetta li stqarrija uffiċjali tal-Gvern tigdeb fuq uffiċjal pubbliku?
b) Jekk tali stqarrija ħarġet mingħajr l-approvazzjoni tiegħu, x’passi se jieħu kontra min tefa’ f’ħalq uffiċjal pubbliku kliem ta’ natura ta’ kontroversja politika li fil-fatt ma kienx lissen?
c) Jekk jikkonfermax li l-kliem li fil-fatt il-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-fatt lissen kienu: “filwaqt li sar ħafna progress fis-snin li għaddew, għad fadal ħafna x’isir”?
d) Jekk hijiex marka ta’ rġulija u ta’ mġiba etika korretta li l-Gvern ma jimmanipulax uffiċjal pubbliku għal skopijiet partiġġjani?
e) Jekk jikkonfermax li l-moral high ground jitlob li l-Gvern jirrifletti dak li jkun fil-fatt lissen uffiċjalment uffiċjal pubbliku u mhux jigdeb fuqu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-istqarrija nħarġet mill-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-Ministeru. Fl-istqarrija m’hemm xejn li jgiddeb dak li ql is-Sur John Rizzo, anzi l-istqarrija kienet fidila lejn dak li ntqal minnu, tant li s-Sur Rizzo qatt ma protesta la b’mod formali u lanqasinformalment mal-Ministeru fuq il-kontenut tal-istqarrija
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li tneħħiet il-ġebla bil-plakka kommemorattiva li tfakkar it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-akkademja tal-pulizija f’Ta Kandja? Jista’ jgħid jekk din il-plakka hux se titpoġġa f’post li jixirqilha fejn kienet bħala plakka uffiċjali?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninfomra lill-Onor. Interpellant li nħoss li ma kienx jagħmel sens li l-ġebla kommemorattiva titħalla f’nofs sit ta’ kostruzzjoni peress li qatt ma kienet parti mill-bini propju tal-akkademja. Din kienet qed tkun ta’ ostakolu għall-ingenji u makkinarju uzat fix-xogħol tal-kostruzzjoni. Għaldaqstant sabiex din tkun protetta u ma ssiriliex ħsara, kienet tneħħiet u tpoġġiet f’post sikur. Meta jkun lest ix-xogħol, din terġa' titpoġġa.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Kemm hemm spetturi tal-Pulizija fl-għases tad-distretti mqassma ma’ Malta u Għawdex;
b. Kemm hemm spetturi tal-pulizija stazzjonati fl-ajruport ta’ Malta;
c. Kemm hemm spetturi tal-pulizija fl-iskwadri speċjali tal-Korp;
d. Kemm ġew reinstated spetturi fil-Korp tal-Pulizija wara d-9 ta’ Marzu 2013 sal-20 ta’ Frar 2014;
e. Kemm hemm spetturi f’kull distrett wieħed b’wieħed; u
f. Meta se jibda r-reklutaġġ il-ġdid tal-uffiċjali kadetti biex jilħqu l-ispetturi tal-pulizija l-ġodda?
Response (MALLIA, EMANUEL)
a. Kemm hemm spetturi tal-Pulizija fl-għases tad-distretti mqassma ma’ Malta u Għawdex;
Fl-għases tad-distretti ta’ Malta u Għawdex hemm 28 Spettur u 3 Spetturi oħra bħala Officer i/c
b. Kemm hemm spetturi tal-pulizija stazzjonati fl-ajruport ta’ Malta;
Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hemm 3 Spetturi. 2 Spetturi stazzjonati fl-għassa tal-Ajruport ta’ Malta u Spettur oħra stazzjonata MIA Security.
c. Kemm hemm spetturi tal-pulizija fl-iskwadri speċjali tal-Korp;
Ninfomra lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
d. Kemm ġew reinstated spetturi fil-Korp tal-Pulizija wara d-9 ta’ Marzu 2013 sal-20 ta’ Frar 2014;
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ kien hemm l-ebda spetturi reinstated fil-Korp tal-Pulizija wara d-9 ta’ Marzu 2013 sa l-20 ta’ Frar 2014.
e. Kemm hemm spetturi f’kull distrett wieħed b’wieħed; u
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra
f. Meta se jibda r-reklutaġġ il-ġdid tal-uffiċjali kadetti biex jilħqu l-ispetturi tal-pulizija l-ġodda?
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, għadu għaddej il-proċess ta’ għażla rigward l-ingaġġ ta’ Spetturi Kadetti ġodda.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li għandu jagħti l-PBS għal programmi li saru fl-aħħar sentejn u li għadhom ma tħallsux? Liema huma l-persuni jew kumpaniji li għandhom jieħdu l-flus u kemm hu l-ammont dovut lil kull persuna jew kumpanija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera bħala kumpanija u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Nistieden lill-Onor. Interpellant isaqsi lil eks kollega tiegħu biex jkun jaf dwar pagamenti li ma tħallsux fl-aħħar sena tal-leġislatura ta’ Gvern preċedenti.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' min kienu l-priġunieri mogħtija l-parole, u min kienu l-avukati difensuri tagħhom dakinhar tas-sentenza oriġinali u issa li ngħataw il-parole?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa kunfidenzjali.
Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici", jista’ l-Ministru għall-Intern, li hu responsabbli mill-Pulizija jgħid jekk jaqbilx ma' din id-dikjarazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha? Jaqbel li tali dikjarazzjoni tammonta għal bastun fir-rota tal-ħidma tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3959 li hi fuq l-istess linja u se titwieġeb mill-Prim Ministru.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mis-sejħa li ħarġet xhur ilu għal servizzi ta’ nursing manager fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra reġa ġie infurmat ħażin. Ma ħarġet l-ebda sejħa għal servizzi ta’ Nursing Manager fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — contract for service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tiegħu fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 43 persuna ingaggati fuq contract of service għal perjodi differenti li jvarjaw minn 3 xhur sa 36 xahar. Il-kundizzjonijiet u ħlasijiet li ngħataw huma skont ir-regolamenti tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Għassa ta’ Ħ’Attard qed tkun magħluqa fil-perjodu li qed issir din l-interpellanza? Għaliex sa Marzu li għadda kienet tkun miftuħa regolarment u issa regolarment magħluqa? Il-Pulizija li kienu stazzjonati fiha sa Marzu li għadda fejn huma stazzjonati issa?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi mill-Onor. Interpellant, kien qed ikun hemm pulizija iddettaljat xogħol fl-Għassa ta’ H’Attard b’mod regolari. Pero’, bħal f’kull għassa oħra li ma tkunx Għassa prinċipali, ikun hemm ħinijiet fejn il-pulizija jkun jenħtieġlu jattendi fuq xogħol barra mill-Għassa u għaldaqstant l-Għassa jkollha tingħalaq għall dak il-ħin, kif kien jiġri anke qabel Marzu li għadda.
Kummissarju tal-Pulizija – kunfidenza ma’ negozjanti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija japprovax li uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija jkollhom ħbiberija żejda ma’ negozjanti magħrufa fil-pajjiż?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Kummissarju tal-Pulizija ma’ japprova ebda imġieba minn membri tal-Korp li tista' tagħti lok għall abbuż jew li tkun ta’ preġudizzju għall-Korp.