Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Sports — Lokalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Iskola Sports tneħħiet mill-Kulleġġ San Benedittu f' Ħal Kirkop u ttieħdet f' Pembroke? X'faċilitajiet sportivi hemm f' Pembroke li mhux qegħdin fil-Kulleġġ ta' San Benedittu, Ħal Kirkop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport bħalissa qed tagħmel użu temporanju mill-faċilitajiet edukattivi fil-Kulleġġ San Benedittu, Sekondarja Subien. Mis-sena skolastika li jmiss dawn il-faċilitajiet se jkunu użati mill-Middle School tal-bniet u s-subien fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. F’Pembroke, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport se tkun skola awtonoma bil-faċilitajiet edukattivi tagħha kif ukoll l-għalliema tagħha. Għal dawk li huma faċilitajiet sportivi, fil-preżent, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport qed tagħmel użu minn faċilitajiet ta’ terzi partijiet waqt li f’Pembroke se jkollha wkoll il-faċilitajiet sportivi tagħha.

Sea Cadets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta s-sea cadets li qegħdin fit-tieni sena tal-kors tagħhom se jieħdu l-placement tagħhom peress li għalkemm suppost ġew placed f'Ottubru li għadda, s'issa għadhom jistennew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn tnax-il student li qed jattendu t-tieni sena tal-kors OIC Navigational Watch, tmienja qegħdin fuq il-placement tagħhom fuq il-baħar, tnejn għamlu parti mill-placement tagħhom u tnejn oħra mistennija jibdew il-placement fil-ġimgħat li ġejjin. L-Istitut Marittimu tal-MCAST, bis-support tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, għamel sforz kbir sabiex jinstabu placements għall-istudenti, liema placements ta’ sena sħiħa jiddependu totalment mill-koperazzjoni tal-kumpaniji marittimi. L-istudenti kollha msemmija issa nstabilhom placement fuq il-baħar.

San Pawl il-Baħar — Bandli ħdejn l-iskola - oġġezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jagħmel xi oġġezzjoni biex ix-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar jkun jista' jitkompla u jitlesta qabel ma jkompli għaddej iktar żmien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kemm id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kif ukoll il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada m’għandhomx tagħrif dwar din il-materja u allura żgur li bħala Ministeru m'aħniex noġġezzjonaw biex jitkompla x-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola.

San Pawl il-Baħar — bini ta' skola ġdida

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut mal-bini ta' skola ġdida f'San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx applikazzjoni pendenti biex din l-iskola tinbena? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti sottomessi lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-bini tal-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed fi stadju ta’ ppjanar bħala parti mit-titjib ta’ skejjel għal perjodu tal-ħames snin li gejjin. Dwar talba għal kopja tal-pjanti, l-ippjanar għadu fi stadju bikri ħafna.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu fi ħdan id-dekasteru tiegħi, li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant ma ngħatat ebda xogħlijiet bejn Jannar 2009 u Marzu 2013.

MCAST – Diploma in Leadership and Management f’Għawdex

Question

Peress li jidher li hemm interess minn numru mhux ħażin ta’ persuni minn Għawdex li huma interessati li jsegwu l-kors offrut mill-MCAST Diploma in Leadership and Management u peress li dan il-kors qed jingħata biss mill-MCAST f’Malta, jista’ l-Ministru jara li dan il-kors, minn Ottubru li ġej, jibda jingħata ukoll mill-MCAST f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-MCAST se tistħarreġ il-possibilta` li dan il-kors isir f’Għawdex matul is-sena skolastika li jmiss. Jekk il-konkorrenza għal dan il-kors tkun waħda tajba, l-MCAST ma ssib l-ebda diffikulta` li tagħti dan il-kors f’Għawdex, kif wara kollox, għamlet fuq korsijiet oħrajn matul dawn l-aħħar snin.

Ministeur għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanu, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, għamel użu mis-servizzi tal-kumpaniji msemmija minnu bi spiża medja ta’ €375.63 kull darba. F'aktar minn nofs id-drabi li sar użu mis-servizzi tal-kumpaniji msemmija minnu l-ispiża medja kienet ta’ inqas minn €250. F’kull każ ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni Żgħażagħ u Sport, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanu, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, għamel użu mis-servizzi ta' waħda mill-kumpaniji msemmija minnu bi spiża medja ta' €310.17 kull darba waqt li m'għamel ebda użu mis-servizzi tal-kumpanija l-oħra msemmija minnu. F'aktar minn nofs id-drabi li sar użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija l-ispiża medja kienet ta' inqas minn €250. F'kull każ ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet, anki ta’ Segretarju) ? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu fi ħdan id-dekasteru tiegħi, li l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant ma ngħata ebda xogħlijiet bejn Settembru 1998 u Marzu 2013.

Librerija Pubblika Ċentrali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux maħsub li l-Librerija Pubblika Ċentrali timxi għal xi post ieħor?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ilha tinħass il-ħtieġa li jkun hemm librerija pubblika tal-aqwa kwalità ġewwa l-Belt Valletta. Qiegħed isir eżerċizzju biex tiġi identifikata l-aħjar soluzzjoni biex il-Belt ikollha servizz kif jixraq f’belt kapitali.

Riżultati miksuba mill-Istudenti Maltin

Question

B’referenza għat-tweġiba parlamentari 9324 dwar l-eżerċizzju tal-PIRLS, TIMMS, u PISA li għaddew minnu l-istudenti Maltin f’dawn l-aħħar snin, l-istudji relatati uffiċjali jindikaw differenzi u jagħtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta’ gender tal-istudenti Maltin, u jidher ċar li l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel Indipendenti li jimplimentaw sistema ta’ klassijiet ta’ abbiltajiet imħallta marru aħjar mhux biss mill-istudenti li jattendu l-iskejjel sekondarji iżda wkoll mill-istudenti fil-Junior Lyceums fejn hi implimentata sistema ta’ klassijiet iggruppati skond ir-riżultati ta’ eżamijiet, jidhirlux l-Ministru li għaġġel meta reġa’ daħħal sistema ta’ ggruppar tal-istudenti fl-iskejjel tal-Istat minflok ma fittex u sab mezzi u metodi kif jissapportja lil dawk l-għalliema li kienu qed isibu xi diffikultà fit-twettiq tas-sistema ta’ klassijiet imħallta, aktar u aktar meta għadd sinifikanti ta’ skejjel primarji tal-Istat se jibqgħu jimplimentaw sistema ta’ klassijiet imħallta minħabba ċ-ċokon tagħhom? Jidhirlux l-Ministru li l-banding se jaffettwa b’mod negattiv lill-istudenti b’diżabbiltà intellettwali għaliex jistgħu jsibu ruħhom kollha fl-aħħar banding?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien ta’ meta saru dawn l-istudji internazzjonali, PIRLS, TIMSS u PISA, jiġifieri fl-2009-10, fl-iskejjel primarji tal-istat kien għadu jitħaddem l-istreaming u għalhekk ir-riżultati miksuba huma minn sistema ta’ streaming (almenu fi skejjel primarji ta’ aktar minn klassi waħda f’kull sena). L-istudju tal-PISA jsir fil-ħames sena tas-sekondarja u għalhekk wieħed ma jistax jgħid li kien riżultat dirett ta’ xi sistema partikulari ta’ tqassim tal-istudenti fil-klassijiet sekondarji. Dak iż-żmien kien għad għandna s-sekondarji u l-junior lyceums kif ukoll l-eżami tal-common entrance għall-iskejjel subien tal-knisja, sistemi li spiċċaw gradwalment mill-2011 ’l hawn. Ir-riżultati miksuba fis-setturi differenti ta’ skejjel Maltin huma effett ta’ iktar minn kawża waħda. Huwa magħruf illi s- socio-economic-status tal-istudenti għandu effett mhux żgħir fuq ir-riżultat miksub. Kull settur tal-edukazzjoni Maltija għandu ħafna x’jitgħallem mis-setturi l-oħra. Kull settur irid iħares lejn is-setturi l-oħra u jitgħallem mit-tajjeb tagħhom. Dan diġa qiegħed isir. Dawn l-istudji internazzjonali huwa biss riga waħda li tkejjel aspett wieħed tat-tagħlim kollu li jsir fl-iskejjel u barra mill-iskejjel. M’għandux jittieħed bħala xi league tables bejn is-setturi jew bejn pajjiż u ieħor. Li wieħed ifittex huwa li jkun hemm titjib fejn huwa meħtieġ, fis-setturi kollha tas-sistema edukattiva Maltija. Dwar il-parti tal-mistoqsija dwar banding nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li diġa tajt għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħu 9345, 9346 u 9347 li ġew imwieġba f'seduta 148.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — tiġdid ta' kuntratt

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9166, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li ma ġġeddilhomx il-kuntratt tagħhom fil-Ministeru u fid-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, fil-Ministeru u fid-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħi, kien hemm żewġ persuni fil-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali li l-kuntratt tagħhom skada u ma ġġeddilhomx wara li skada. Huma stess kienu wrew ix-xewqa li jibdew fażi ġdida fil-karrieri tagħhom barra minn Malta u fil-fatt hekk għamlu.

Skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti — numru ta' studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti f'livell primarju u sekondarju matul din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’livell Primarju u Sekondarju hu:- Numru ta' Studenti Skejjel Primarji (studenti li jattendu l-Kindergarten mhumiex inklużi) Skejjel Sekondarji Skejjel tal-Istat 13,565 12,027 Skejjel tal-Knisja (kif kien sa Jannar 2014) 7,741 7,560 Skejjel Indipendenti (kif kien sa Jannar 2014) 2,950 2,293

Skejjel tal-Knisja — LSAs u Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema u LSAs fl-iskejjel tal-Knisja maqsuma fil-livelli primarju, sekondarju u post sekondarju matul din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema u LSAs fl-iskejjel tal-Knisja maqsuma fil-livelli primarju, sekondarju u post sekondarju matul din is-sena skolastika hu:- Statistika sa Jannar 2014 Skejjel tal-Knisja Għalliema S/LSAs Livell Primarju 432 374 Livell Sekondarju 828 312 Post Sekondarju 37 2

Talba għal LSA

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-wild tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li għandha bżonn LSA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni waslet fl-aħħar ta' April 2014 u l-ġenituri ngħataw appuntament għall-istatementing.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — PR u media events – nefqa totali

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8716 u 4504, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni li hi nieqsa mit-tweġiba u jgħid fil-perjodu ta' Ottubru 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif huwa dwar kontijiet imħallsa diġà.

Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — PR u media events

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8715 u 4503, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni nieqsa mit-tweġiba u jgħid għall-perijodu ta' Ottubru 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif huwa dwar kontijiet imħallsa diġà.

Direttorat tal-Edukazzjoni – sistema ta’ edukazzjoni inklussiva

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ moħħ il-ġenituri ta’ studenti b’diżabilità u l-istudenti nfushom li se jibqgħu jgawdu minn sistema ta’ edukazzjoni inklussiva fil-klassi meta tibda titħaddem is-sistema tal-banding li, kif tindika b’mod ċar iċ-ċirkolari uffiċjali li ħarġet mid-Direttorat tal-Edukazzjoni, se tkun sistema ta’ gruppar (streaming) ta’ studenti skont ir-riżultati miksuba fl-eżamijiet tal-Malti, Ingliż u Matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-ċirkolari ma tirreferi qatt għall-istreaming għaliex il-Ministeru hu kontra din is-sistema ta’ gruppar. Iċ-ċirkolari titkellem fuq banding fil-ħames u s-sitt sena tal-primarja. Il-Ministeru qed jintroduċi forom differenti ta’ banding bħala miżura temporanja u mhux permanenti, u din hija waħda minn sensiela ta’ miżuri li ser ikunu qed jittieħdu bħala tħejjija adekwata fit-tagħlim ta’ kwalita’. Din il-politika hija koerenti mar-rapport intern li kien ikkummissjona l-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2007. Għal darb'oħra rrid nagħmilha ċara li l-istudenti b'diżabilita' se jibqgħu jgawdu minn sistema ta' edukazzjoni inklussiva fil-klassi. Irridu nsaħħu din is-sistema biex niżguraw li t-tfal b'diżabilita' jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet kollha tagħhom. Għalhekk qabbadna l-Aġenzija Ewropea ta' Edukazzjoni Inklussiva biex tevalwa s-sistema tagħna u tirrikkmanda kif insaħħuha.

Studenti b’diżabilità — banding

Question

Jista’ l-Ministru jagħti assikurazzjoni lill-ġenituri li l-istudenti b’diżabilità se jkunu inklużi u mhux se jkunu ibbandjati kollha f’daqqa fi grupp wieħed tal-aktar band baxxa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni ta’ mudelli differenti tal-banding l-istudenti bi bżonnijiet partikolari u statemented mhux ser ikunu miġburin fi klassi għalihom. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9345.

Studenti b’diżabilità — banding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif bis-sistema tal-banding, l-istudenti b’diżabilità se jkunu inklużi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tal-banding l-istudenti bi bżonnijiet partikolari ser ikunu miġburin b’mod ekwu matul il-klassijiet kollha, u mhux ser ikunu miġburin fi klassi waħda għalihom.