Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-trattattivi mal-Perit Dom Mintoff dwar kumpens għall-bini ta' Power Station qrib ir-residenza privata tiegħu f'Delimara? X'kienet l-aħħar offerta tal-Gvern? Fuq liema livell qed isiru n-negozjati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant jieħu pjaċir jinnota illi t-trattativi mal-Perit Dom Mintoff għar-rigward tal-kumpens indikat qed jitmexxew skond il-'letter of intent' maħruġa fuq dan is-suġġett mill-Gvern preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiġu asfaltati għall-ewwel darba dawn it-toroq fil-Hamrun, toroq li fihom qed ibatu inkonvenjent kbir ir-residenti li joqogħdu fihom; (1) Triq Willie Attard; (2) Triq Guże' Bajada; (3) Triq Dun Frans Camilleri; (4) Misraħ Is-Sebgħa Ta' Ġunju 1919; (5) Triq Manuel Attard?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-proġett li kellu jsir fi Pjazza Kappillan Muscat, il-Ħamrun, isir mill-aktar fis? Meta hu ppjanat li jibdew dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-offerta tax-xogħol fi Pjazza Kappillan Muscat, Ħamrun, ġiet publikata u aġudikata u riċentement riferuta lid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-tagħrif mitlub qiegħed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'miżuri qed jittieħdu sabiex il-fossa fi Ġnien Amarga fil-Baħrija titħammel regolarment ħalli ma jkunx hemm fawran tad-drenaġġ fl-inħawi?
Jista' jgħid ukoll meta huwa pproġettat li jiġi provdut is-servizz tad-drenaġġ lir-residenti kollha tal-Baħrija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li biex jitbattlu l-fosos tad-drenaġġ hemm 'period contract' biex isir dan ix-xogħol. Rigward il-fossa tal-Baħrija din titbattal regolarment kuljum.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija se jsir studju liema residenti baqa' biex id-Dipartiment jipprovdilhom is-servizz tad-drenaġġ. Dawk li huma viċin tas-sistema mhux suppost ikun problema biex jitqabbdu fil-futur qarib. Dawk li qegħdin il-bogħod jista' jkollhom aktar problemi biex ikollhom servizz daqshekk malajr.
Jista' l-Ministru jinfurmani bil-programm ta' xogħlijiet fuq l-estensjonijiet tad-drenaġġ li approva jew se japprova fuq it-12-il distrett?
Jista' jgħid ukoll dwar ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq ir-relieve valve tad-drenaġġ sabiex tiġi rimedjata l-problema tal-fawran fir-Rabat, Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet tal-estensjonijiet tad-drenaġġ fuq it-Tnax-il Distrett jinkludu:
Mellieħa (Il-Qortin Area)
Triq Isaac Newton
Triq G. Galilei
Triq W. Lassel
Triq J. Kapler
Triq N. Copernicus
Triq Ġdida fi Triq N. Copernicus
Triq il-Qortin
Burmarrad - Triq San Publiju.
Huwa maħsub li jsir tender ukoll fuq estensjoni ġewwa l-Baħrija.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, biex tiġi rimedjata l-problema tal-fawran fuq ir-'relieve valve' tad-drenaġġ fir-Rabat, Malta tħejja programm fi tlett fażijiet.
L-Ewwel fażi - Attard-Qormi - Diġa nħareġ il-kuntratt u x-xogħol jibda meta s-sistema tal-'easement' tkun lesta.
It-Tieni fażi - Rabat-Attard - Dan il-kuntratt joħroġ meta l-ewwel fażi tkun bdiet (bidu ta' l-1999).
Meta dan jitlesta, din is-sistema tkun tista' telimina l-fawran tad-drenaġġ fil-wied tar-Rabat/Mdina u fl-area ta' Ta' Qali.
Dawn l-ewwel u t-tieni fażi jeliminaw il-fawran tad-drenaġġ fl-area ta' Ħ'Attard u Sant'Antnin.
It-Tielet fażi - Bdil tal-mains prinċipali fir-Rabat biex telimina l-fawran fir-Rabat. Din il-fażi mistennija tibda fl-aħħar ta' l-1999.