Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Graphic design billboards

Question

Jista' il-Ministru jgħid jew jikkonferma jekk hux veru li fil-każ tal-graphic design billboards li jirrikjedu l-permess tal-MEPA, hix ukoll se tkun l-istess MEPA li tiddeċiedi min se jkun il-kuntrattur partikolari li jagħmel dawn l-istess billboards? Jekk fl-affermattiv, min hu dan il-kuntrattur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija nvoluta biss fil-ħruġ tal-permess fuq is-siti.

Pjan lokali tan-naħa t'isfel ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan lokali tan-naħa t'isfel ta' Malta? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien u xi kriterju ntuża sabiex ġie deċiż li dan il-pjan jiġi rivedut l-aħħar wieħed? Jista' jgħid x'rimedji jew proċeduri jistgħu jintużaw sakemm dan jiġi finalment approvat f'każ ta' xi applikazzjonijiet li jeħlu minħabba dan il-pjan lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Pjan lokali jinsab fi stadju avvanzat iżda għad hemm proċedura ta' konsultazzjoni nterna li trid issir qabel l-abbozz tal-pjan jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex japprova li joħroġ għal konsultazzjoni pubblika. Il-proċedura meta f’ applikazzjoni jkun hemm konsiderazzjoni ta’ xi Pjan Lokali hi li l-applikant jiddeċiedi bi qbil mal-MEPA li tinżamm id-deċiżjoni sakemm jiġi approvat il-Pjan Lokali. Il-kriterji li ntużaw minn dik li kienet l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar biex ġie deċiż l-ordni li fih għandu jibda x-xogħol fuq il-pjanijiet lokali kien hekk :- Il-Pjan Lokali tal-Bajja ta' Marsaxlokk kien l-ewwel pjan bħala pilot project. Il-Pjan għall-Port il-Kbir kien it-tieni minħabba l-aspett ta' riġenerazzjoni. Il-Pjan Lokali għall-Portijiet ta’ t-Tramuntana minħabba l-pressjoni għall-iżvilupp f' area prattikament urbana. Il-Pjanijiet Lokali għall-Majjistral ta' Malta u għal Għawdex u Kemmuna minħabba l-aspett rurali li kellu jiġi protett. Il-Pjanijiet Lokali għaċ-Ċentru ta' Malta u dak għan-Nofsinhar ta' Malta inbdew flimkien iżda dan ta' l-aħħar kien waqaf għal xi żmien minħabba nuqqas ta' riżorsi u xogħol fuqu reġa’ nbeda fil-2001.

Medigrain — Ġwież- Materja Prima

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li dan l-aħħar il-kumpanija Medigrain qassmet xi ġwież jew materja prima relatati lill-kumpaniji li jipproduċu l-għalf għall-bhejjem, liema ġwież irriżulta ħażin jew ikkontaminat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara li kien hemm rapporti ta indiġistjoni fil-bovini qegħda ssir investigazzjoni jekk dawn is sintomi humiex relatati għall xi mikrobu jew xi problema mal-ġwież

Dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart — Vetturi li jġorru l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart għadux jirreġistra vetturi li jġorru l-iskart bħalma kien isir sa ftit tas-snin ilu? Jista' jgħid x'kien id-dħul tal-gvern minn dan it-tip ta' reġistrar tal-vetturi kull sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-entita’ regolatorja f' dak li hu mmaniġġjar ta' l-iskart hi l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għalhekk ir-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart taqa’ taħt din l-Awtorita'. Għal dan il-għan ġew imfassla regolamenti li jikkonċernaw fost ħwejjeġ oħra r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart. Dawn ir-regolamenti ser jiġu ppubblikati għal kunsultazzjoni pubblika. Rigward il-parti tal-mistoqsija dwar id-dħul fil-passat tal-Gvern mir-reġistrar ta’ dawn il-vetturi, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, li kien responsabbli għad-dipartiment li jiġbor il-ħlas ta’ din r-reġistrazzjoni.

MEPA

Question

Jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk l-iżviluppaturi humiex jimxu ma' l-obbligi kollha tal-permess tal-MEPA li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret, minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jirriżulta li x-xogħolijiet li għaddejjin fuq is-sit tal-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan, liema xogħolijiet huma komformi mal-kondizzjonijiet tal-permess PA7622/03 maħruġ fit-12 ta' April 2004, u l-pjanti approvati li jiffurmaw parti mill-istess dokument.

Part-time fishermen

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li bħalissa għandhom il-liċenzja ta' part-time fishermen humiex se jidħlu restrizzjonijiet fuqhom fuq il-metodi tas-sajd tagħhom? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' x'metodi se jkun permess għalihom li jużaw fis-sajd tagħhom? Meta huwa maħsub li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti ġodda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bastimenti li llum huma ikklassifikati bħala PTF ser jiġu kklassifikati bħala MFC. Dan iffisser Malta Fisheries Category "C" u dan meta r-regolamenti l-ġodda jitqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra. Din il-kategorija ser tkun mgħarufa bħala dik tas-sajd rikrejazzjonali. Dan huwa l-każ għaliex dawn mhumiex sajjieda full time li jaqbdu l-ħut għall-għixien tagħhom u fuq skala kummerċjali. Ir-regolamenti tal-irkaptu tas-sajd, kemm għas-sajjieda full-time u dawk part-time, fil-preżent qiegħdin jiġu diskussi fil-Bord tas-Sajd u meta din id-diskussjoni tingħalaq, inkun nista’ npoġġi dan ir-regolament fuq il-mejda tal-Kamra.

MEPA — Xogħlijiet f'sit

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq is-sit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament humiex kollha koperti bil-permessi? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-iżviluppatur kien u għadu miexi bix-xogħlijiet avolja jaf li ma jistax? X'azzjoni ħadet u se tieħu l-MEPA sabiex dan l-abbuż jieqaf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kien inħareġ permess GDO 1790/99 li jikkonsisiti f' estenzjoni ta’ bini fit-tieni sular (second floor level). Meta saret spezzjoni mill-uffiċjal ta' l-infurzar ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, wara li din kienet rċeviet rapport, irriżulta li x-xogħol ma kienx skond il-permess u għaldaqstant inħareġ 'Avviż biex Tieqaf u tat-Twettiq' ECF 774/03 kontra is-sid. Meta saru spezzjonijiet oħra wara aktar rapporti, ma rriżultax li kien hemm tkomplija tax-xogħlijiet.

Magħtab — Temporary storage

Question

B'riferenza għall-bini ta' faċilita' ta' temporary storage fil-Magħtab, jista' il-Ministru jgħid: i) fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta' preparazzjoni ta' dan is-sit? ii) Liema kienu t-tenders li ħarġu għal dawn ix-xogħlijiet u minn min intrebħet it-tender? iii) X'inhu l-valur totali tax-xogħlijiet li saru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

i) Ix-xogħol ta’ preparazzjoni tas-sit f’ Ta’ Żwejra, fil-konfini tas-sit tal-Magħtab, kien jikkonsisti fit-tneħħija tal-materjal depożitat fis-sit matul is-snin l-imgħoddija. Is-sit imbagħad kien imħejji sabiex ikun jista’ jilqa’ skart muniċipali billi tpoġġew materjali bħal ‘geomembranes’, ‘geotextiles’ u ‘geocomposite clay liners’, kif ukoll saffi ta’ ramel u zrar. Dawn huma kollha materjali li jilħqu il-kriterji rikjesti ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-operat ta’ ‘engineered landfills’. ii) It- ‘tender’ għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu fil-gżejjer Maltin inħareġ fis-sena 2000, proċess li għadu għaddej fir-rigward ta’ Package 2A . Dan il-pakkett jinkludi l-iżvilupp ta’ ‘engineered landfills’ u ż-żewġ konsorzja li kienu ġew shortlisted ingħataw l-opportunita’ li jagħtu l-kontribut tagħhom fil-preparazzjoni tas-sit temporanju f’ Ta’ Żwejra. Messrs. Polidano Bros Ltd kellu l-aktar offerta vantaġġjuża u ngħata x-xogħol mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali rigward l-għażla tal-kuntrattur għall- ‘Package 2A’ . Barra minn hekk, WasteServ Malta Ltd ħarġet offerti għall-provvista ta’ ramel tal-franka u ingħatat lil Messrs Bonnici Bros li kellu l-aktar offerta vantaġġjuża. Numru ta’ nġenji li kellhom jintużaw fl-istess perijodu qasir ta’ madwar erba’ ġimgħat inkrew wara talba ta’ quotations. Għax-xogħol ta’ dawl għas-sigurta’ meħtieġa kienu involuti l-Enemalta u l-kuntratturi li jkunu ngaġġati minn din il-Korporazzjoni skond rati stabiliti. iii) Il-valur totali tax-xogħolijiet li saru jilħaq is-somma ta’ madwar Lm 450,000.

MEPA — Applikazzjonijiet għal bini ta' skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal bini ta’ skejjel, kulleġġ jew istituzzjonijiet edukattivi oħra? Jista’ jgħid meta saret kull applikazzjoni, minn min, meta saret l-applikazzjoni u fejn hu l-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), hemm 29 applikazzjonijiet validi li d-deskrizzjoni tal-proposta tindika bini jew alterazzjonijiet ta' skejjel, kulleġġi jew istituzzjonijiet edukattivi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet.

Paceville — Xogħol fuq sit fi Triq Dobbie

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk ix-xogħol fuq sit fi Triq Dobbie, ġewwa Paceville hux qiegħed jimxi mar-rekwiżiti tal-permess tal-bini, speċjalment fuq il-hoarding, ġaladarba hemm ħafna complaints ta' dħaħen u trabijiet ħerġin mill-istess sit ta' bini? Kemm-il darba saru inspections?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li, saret spezzjoni mill-Enforcement Officer ta' l-Area, ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u rriżulta li hemm binja f' kantuniera ma' Triq Dobbie li qiegħda titwaqqa’. Dan ix-xogħol huwa kopert b' permess tal-MEPA li jġib ir-referenza ta' PA 960/99 maħruġ fl-4 ta' Gunju 2002. Is-sit hija mdawrha b' hoarding magħmul minn żewġ saffi ta' precast slabs fuq xulxin li għandhom għoli ta' madwar żewġ metri. Jista’ jkun li waqt din id-demolizzjoni qiegħed itir it-trab u l-kuntrattur ġie avżat biex inaddaf kemm jista' is-sit in kwestjoni u l-inħawi fil-qrib. Dan il-każ qiegħed jiġi monitored mill-Enforcement Officer inkarigat.

Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'referenza għad-domanda 5280, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ittra li l-awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bagħtet fil-21 ta' April 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sakemm ma jkunx hemm awtoriżżazzjoni ta’ l-avukat li kiteb f’ isem il-ġirien u li lilhu ntbagħtet ir-risposta mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), ma jidhirlix li għandi npoġġi kopja ta’ din l-ittra fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda ma' korporazzjonijiet, aġenziji u kumpaniji pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu Jannar / April 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u I-Ippjanar (MEPA) impjegat sitt (6) 'secretarial assistants' u wieħed (1) 'conservation architect' fil-perjodu ta` bejn Jannar u April tal-2003. Minn-naħa l-oħra l-WasteServ Malta Ltd ma ngaġġat l-ebda mpjegati ġodda matul l-istess perjodu.

Triq Dobbie — Residential Area - Local plan

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kif triq Dobbie qegħda bħala residential area fil-local plan, u l-MEPA qiegħda tilqa applikazjonijiet għal bars u ristoranti? Jista' il-Ministru jara li Triq Dobbie tkun verament għar residenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li għalkemm il-Pjan Lokali għadu ma ġiex approvat, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) xorta qed tipprova tipproteġi l-karattru residenzjali ta Triq Dobbie, f’ Paceville. Il- permessi li nħarġu għall-bdil ta' użu huma f' każi fejn oriġinarjament l-użu kien diġa kummerċjali. Lista ta' applikazzjonijiet għall-iżvilupp (fejn kien hemm bdil ta' użu) ipproċessati mill-MEPA fi Triq Dobbie huma dawn: Site at No. 2 Joe PA1560/01 Full development application for the change of use of ground floor supermarket and flats (at first, second and third floor levels) in existing four storey block into language school. The proposed development includes extension at roof level. GRANTED 3/12/01 Valentina Hotel PA4235/02 Full development permission for the demolition and re-erection of hotel, change of flats into rooms, additional floor and basement floor into garages GRANTED 10/11/03 Site at (no number quoted) PA960/99 Full development application for the demolition of a restaurant and 4 flats and the construction of a 6 storey building consisting of ground floor restaurant, 19 flats on 5 floors and 2 penthouses with 3 underlying basement floors PENDING APPEALS BOARD DECISION PA808/02 Full development application to change the use from shop to restaurant.PENDING APPEALS BOARD DECISION Il-Villagg Restaurant PA1320/97 Full development application to carry out alterations to existing restaurant. GRANTED 30/01/98.

MEPA — Applikazzjonijiet

Question

Jistgħu jsiru xi forma ta' emendi ma' l-awtorita' ta' l-ippjanar, fejn applikazzjoni li ġiet rifjutata kemm-il darba, l-applikant ma jkunx jista' jerġa' japplika fuq l-istess fond, speċjalment fuq l-istess ġeneru ta' negozju, qabel numru ta' snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Att għall-Ippjanar ta' l-Iżvilupp ma jaħsibx għal proċedura kif issuġġerita mill-Onor. Interpellant. Is-suġġeriment se jiġi meqjus, għalkemm diffiċli wieħed jara kif tista’ tiġi mplementata.

Marsa — Inċineratur tal-biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jitħaddem l-inċineratur tal-biċċerija fil-Marsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-inċineratur tal biċċerija qiegħed jaħdem temporanjament biex jieħu il-Category 1 animal waste, jiġifieri dawk l-annimali li jmutu fuq ir-razzett. Fi ftit tal-ġimgħat oħra se jiġi nstallat inċineratur modern li qed jiġi ffinanzjat mill-Protokol Finanzjarju Taljan.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' office equipments

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għall-kiri ta' photocopiers u other office equipmentsmatul l-ewwel erbgħa xhur tas-sena? Kemm kienet iċ-ċifra in kwestjoni għall-perjodu tas-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-nefqa għall-kiri ta' photocopiers u other office equipment matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienet ta’ Lm 3,977.21, u għall-istess perijodu tas-sena 2003 kienet ta’ Lm 3,468.97.

Permess ta' disco — San Pawl il-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sit magħruf bħala Palazzo Pescatore/Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar għandux il-permessi meħtieġa biex jopera bħala disco?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ma ħarġet permessi biex il-Palazzo Pescatore jopera bħala disco.

Palazzo Pescatore / Ex Puschka — Enforcement Notice 297/04

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq l-Enforcement Notice 297/04 wara spezzjoni f'sit magħruf bħala Palazzo Pescatore / Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar u nstabulu twieqi magħluqa biċ-ċnagen tal-franka u bricks bla permess? Jekk għadhom ma ttieħdux il-passi meħtieġa, meta se jittieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-5 ta' April 2004, nħareġ Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq b' referenza ECF 297/04, mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), talli ġew magħluqa twieqi bil-ġebel u bricks, kif ukoll minħabba t-twaħħil ta' airconditioning unit mingħajr permess. Fil-21 ta' April il-MEPA kienet infurmata li dan l-Avviż ma ġiex "claimed" bil-posta u għaldaqshekk l-Avviż se jiġi mgħoddi lis-sid personalment, u fin-nuqqas, jitwaħħal mal-faċċata tal-post skond il-liġi.

Prodotti ta' l-ikel

Question

Jista' il-Minsitru jagħti breakdown tal-prodotti ta' l-ikel li huma kontrollati bil-529 kondizzjoni ta' salvagwardja li l-Unjoni Ewropea għandha reġistrati mad-WTO, issa li pajjiżna sar membru fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li tali informazzjoni hija pubblika. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant hu ġentilment mitlub li jirreferi għall-website relattiv li fih ikun jista’ jsib l-informazzjoni kollha li tinteressah.

Prodotti ta' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-prodotti ta' l-ikel li huma kontrollati bil-85 kondizzjoni ta' kwoti li l-Unjoni Ewropea għandha reġistrati mad-WTO, issa li pajjiżna sar membru fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 5484