Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żmien li fih l-awtoritajiet Amerikani offrew għajnuna għat-tisħiħ tas-sigurta' tal-freeport li ġiet rifjutata? Jekk iva, meta u għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn informazzjoni li għandi ma jirriżultax li l-Freeport qatt ġie offrut xi għajnuna għat-tisħiħ tas-sigurta mill-awtoritajiet Amerikani u li ġiet rifjutata.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-kontijiet tad-dawl li jġibu l-ammonti rispettivi ta' Lm119.52, Lm106.66 u Lm233.13 li jkopri l-perijodu tal-31 ta' Diċembru 2004, 22 ta' Frar 2005, 31 ta' Awissu 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004 u t-3 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Awissu 2004, meta s-soltu l-kont tagħhom b'mod regolari ma kienx jaqbeż il-Lm100 u dan għal perijodu ta' erbgħa xhur u mhux xahrejn?
Jista' jara li dawn il-kontijiet jiġu nvestigati u l-familja tħallas dak li verament għandha tħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' il-Ministru jinfurmani x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta kemm-il darba tagħmel użu mill-protocol għax-xiri ta' żejt bi prezz kompetittiv bejn Malta u l-Libja?
Hemm il-ħsieb li dan il-protocol jiġi ratifikat fid-dawl ta' dak li stqarr il-Ministru Austin Gatt fil-Parlament cioe' li xiri taż-żejt mil-Libja abbażi tal-Protocol m'għadux aktar viabbli għaliex jiġi ogħla?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba r-raġunijiet mogħtija fir-risposti li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numru 8350, 8471 u 9350, jien nfurmat illi m'hemmx diskussjonijiet fuq xi protokoll ġdid dwar xiri ta' żejt bejn Malta u l-Libja.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11076 u jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża?
Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11678 u jgħid minn fejn kien inxtara l-apparat (turbini, generators, boilers, eċċ.) għal power station ta' Delimara?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-komponenti prinċipali tal-impjanti tal-ġenerazzjoni f'Delimara nxtraw kif ser jiġi ndikat:
L-ewwel fażi
Turbini ta' l-steam: BHEL ta' l-India
Generation: BHEL ta' l-India
Il-boilers: Wagner Biro ta' l-Austria
Fażi IIA
Il-kuntrattur prinċipali kien John Brown Engineering ta' l-Ingilterra u l-apparat jikkonsisti minn:
Turbini tal-gas tal-GE u manifatturati minn EGT ta' Franza.
Generaturi: Brush ta' l-Ingilterra.
Fażi IIB
Il-kuntrattur prinċipali kien Nuovo Pignone ta' l-Italja u l-apparat jikkonsisti minn:
Turbini tal-gas u turbina ta' l-steam minn GE ta' l-Amerika.
Generaturi: Brush ta' l-Ingilterra.
Heat recovery steam boilers minn Stork Ketels tal-Olanda.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l -Informazzjoni — Ħaddiema ġodda
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fid-dipartimenti, aġenziji u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu tul is-sena 2004 sal-lum? Minn fejn ġew impjegati, x'kien il-grad u kif saret is-sejħa għall-impjieg?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9921 u cioe' jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fis-silos ta' Kordin Grain Terminal? Minn min qed isir? X'inhi l-istima tax-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol li qed isir mill-K.G.T. Ltd hu tiswija fis-silos operati mill-Kumpanija u li hu stmati li jiswew LM47,000 kull bin. Ix-xogħol qed isir minn Polidano Bros. Ltd.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm barranin preżentament jaħdmu fit-tarzna? Jista' jagħti dettalji opportuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħalissa fit-tarzna hemm tliet barranin fi gradi maniġerjali b'kuntratt definit. Hemm ukoll, 28 Pollakk fi gradi industrijali fuq bażi temporanja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gozo channel għandhiex arretrati fil-ħlas tal-kontribuzzjoni ta' l-NI tal-ħaddiema u l-ġbir ta' l-FSS? Kemm tħallas is-sena li għaddiet mill-Gozo channel kontribuzzjonijiet ta' l-NI tal-ħaddiema u fi ġbir ta' l-FSS?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li iva, l-Gozo Channel għandha arretrati. Infurmat ukoll li s-sena li għaddiet il-Gozo Channel ħallset LM169,740 FSS u LM165,051.93 N.I.
Jista' il-Ministru jara li arblu tad-dawl li jinsab 'il barra fit-Triq tal-Barrani, limiti taż-Żejtun, wara li saru xogħlijiet marbuta mat-traffic lights ġodda, jitneħħa għaliex huwa ta' periklu u anke għaliex diġa' twaħħal arblu ieħor li jinsab aktar 'il ġewwa kif suppost?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-arblu tad-dawl li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, tneħħa.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Konsulenti
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ilma tad-drenaġġ ilu jiskula minn diversi bokok ġewwa Valley Road, Birkirkara ħdejn il-bini li kien jokkupa l-istabbiliment tal-Price Club u ħdejn l-istabbiliment tad-Domestica għal diversi snin? Jista' jara li dan l-inkonvenjent, li huwa ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem, jitneħħa darba għal dejjem għaliex wara ftit żmien li jsiru t-tiswijiet meħtieġa l-problema dejjem terġa' titfaċċa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hija konxja mill-problemi ta' drenaġġ ġewwa Valley Road, B'Kara/Msida. Is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi imsemmija qed tiġi studjata ħalli jsiru t-tibdiliet meħtieġa fuq s-sistema ta' mains ta' drenaġġ biex jiġu evitati dawn il-problemi.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta tinvestiga għaliex waqt li jkunu qed jinbidlu x-shifts tal-ground crew, ajruplani jitħallew bil-makni mqabbda jistennew biex ikun hemm xi ħadd jiddiriġihom biex jitilqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li n-nies li jgaħmlu l-"marshalling" ta' l-ajruplani huma responsabbli biżżejjed biex iwettqu xogħolhom bl-aktar serjeta' u responsabbilta'. Irrid inżid ukoll li hemm struzzjonijiet bil-miktub f'dan ir-rigward, fis-sens illi bdil ta' ħaddiema fuq shift differenti f'din is-sezzjoni għandu jsir ħdejn l-ajruplan stess.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta biex tindaga x'isir mill-flight stores wara li ajruplan jirritorna minn vjaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli membru li l-affarijiet ta' "drystores" li rrefera għalihom f'din il-mistoqsija jiġu ritornati lejn il-Corinthia Caterers jew l-Air Supplies skond l-oġġetti li jkunu.
Dawn l-oġġetti li huma juices, ilma, cafe, cream sachets, zokkor u te jintużaw fuq flights oħra jekk ikunu f'kundizzjoni tajba u siġillati.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta tinvestiga l-ammont kbir ta' pilfering fil-bagalji li qed jiġi rrappurtat minn nies li jużaw l-Air Malta u ajruplani oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li kull meta l-Air Malta jkollha rapporti ta' serq mill-bagalji, dan dejjem jiġi nvestigat. Irrid ngħid ukoll li l-Air Malta qiegħda tħallas ammont sostanzjali ta' flus lill-Korp tal-Pulizija biex dawn jagħmlu għassa u skorta mal-bagalji.
Hemm ukoll numru ta' impjegati li huma sospiżi mix-xogħol minħabba allegazzjonijiet ta' serq mill-bagalji. Il-każ tagħhom huwa pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 11031 u 11306 u cioe' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra studji li kkummissjonat l-Enemalta dwar management restructuring f'dawn l-aħħar xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma jidhirlix li studju bħal dan għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra billi għandu sensittivita' kummerċjali.
Malta Enterprise — Chief officer corporate services
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11059 u cioe' jgħid meta saret is-sejħa għall-impjieg ta' chief officer corporate services mal-Malta Enterprise? Kemm applikaw? Xi kwalifiki u esperjenzi kellu kull applikant? Min ġie magħżul? X'inhu s-salarju u l-pakkett ta' benefiċċji li jġorr miegħu dan l-impjieg?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'Ottubru ta' l-2004 l-Head Project Evaluation tal-Malta Enterprise u c-Chief Officer Corporate Services tellqu mill-Korporazzjoni. Dawn iż-żewġ karigi għoljien jaqgħu fil-Corporate Services Division. Il-Management u l-Bord tad-Diretturi kellhom jassiguraw illi x-xogħol kollu li kien beda matul is-sena u "deadlines" li jaqgħu fil-kompetenza tal-Corporate Services ikomplu għaddejjin bl-istess ritmu u effiċjenza tal-passat.
Għalhekk, f'Ottubru l-Bord tad-Diretturi staqsew lis-Sur David Galea Souchet, Chartered Certified Accountant, li kien jokkupa dak iż-żmien il-kariga ta' Head Finance, biex jieħu r-responsabilita kollha tal-Head Project Evaluation u li jkun Acting Chief Officer - Corporate Services fl-istess ħin.
Fuq il-bażi tal-kompetenza li wera, il-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu u x-xogħol li kien wettaq kemm bħala Head Finance kif ukoll bħala Head Project Evaluation u Acting Chief Officer wara li ha dawn ir-rwoli kif ingħad hawn fuq, il-Bord tad-Diretturi appunta lis-Sur Galea Souchet bħala Chief Officer Corporate Services. Din il-kariga tirrikjedi persuna li hi kwalifikata bħala accountant u b'mhux anqas minn ħames snin ta' esperjenza f'livelli maneġerjali ma' kumpaniji privati preferibbilment ta' accountants u awdituri.
F'dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba li dal-post imtela' internament, ma nħassitx il-ħtieġa li l-proċess isir permezz ta' l-ETC.
Is-Salarju u l-pakkett ta' benefiċċju li jġorr miegħu dan l-impieg huwa konformi mal-bands applikabbli għall impjegati oħra ta' dawk il-livell u cioe', salarju ta' LM14,000 fis-sena, allowance għall-karozza ta' LM1,200, performance bonus sa massimu ta' 10%, ADSL connection, Health Insurance u mobile phone.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il meter tad-dawl u l-ilma kellhom is-servizz maqtugħ mill-Enemalta u mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma minħabba li ma tħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004? Jista' jgħid xahar b'xahar kemm kienu din is-sena u f'liema lokalitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 8628, jista' il-Ministru jgħid għaliex aħna ma nistgħux nagħtu din l-informazzjoni meta pajjiżi oħra ħafna akbar minna għandhom din l-informazzjoni aċċessibbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-konsum ta' l-elettriku huwa suġġett għal numru konsiderevoli ta' fatturi bħat-temperatura, umdita', u/jew attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-pajjiż. Fl-isfond tal-mistoqsija inkwistjoni tenut kont tad-daqs tal-pajjiż tagħna u tal-fatt li fatturi elenkati aktar 'l fuq ivarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra, wieħed ma jistax jikkonkludi bi preciżjoni xjentifika u aċċettabli, l-impatt ta' fattur wieħed billi l-fatturi varjabbli ma jippermettux studju akkurat.
Ta' min jgħid ukoll li l-Korporazzjoni għamlet tentattivi bażati fuq figuri għad-domanda fil-ġranet viċin il-bidliet fil-ħin , biex isir dan il-kalkolu u r-riżultati kienu għal kollox inkonklussivi billi ma' setax jiġi aċċertat li l-varjanza fil-konsum kienet attribwibbli interament jew almenu prinċipalment għall-fattur wieħed.