Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol ta' riċerka u żvilupp

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar żviluppi li saru tad-deċiżjoni tal-gvern imħabbra fil-budget dwar liema istituzzjoni se tieħu r-responsabbilta' ta' riċerka u żvilupp? F'liema stadju waslet din id-deċiżjoni u meta se tibda tiġi attivata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Billi s-suġġett jaqa’ taħt ir-responabbilità tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet lil dak il-Ministeru.

Research & Technological Development and Innovation

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif ġew minfuqa l-flus allokati għal RTDI (Research and Technological Development and Innovation) fl-2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Billi s-suġġett jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet lil dak il-Ministeru.

MFSA — Independent Insurance Co. Ltd.

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jitqassmu l-fondi min-naħa ta' l-MFSA lil dawk li għandhom jieħdu danni mingħand l-Independent Insurance Co. Ltd. li qiegħda in provisional liquidation?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12954.

Refund ta' taxxa

Question

Meta persuna jkollha tieħu xi ammonti mingħand il-gvern f'rifużjoni ta' taxxi u għandha tagħti ammont anqas bħala ħlas ta' VAT, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk tistax tiġi offset id-differenza flok li l-persuna trid toqgħod toħroġ il-kapital kollu tagħha biex imbagħad eventwalment tirċievi ammont akbar li jkun dovut lilha f'taxxa mingħand il-gvern? Ma jaħsibx li dan jista' ikun determinanti għal min qed imexxi business?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-arranġament li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma hux wieħed sostnut b’bażi legali. Tant hu hekk li, xi drabi, wieħed li għandu jieħu rifużjoni, jirċievi r-rifużjoni allavolja jista’ għandu jagħti lil xi dipartiment tal-Gvern ieħor. Aspett minnhom jirrigwardja rifużjoni taħt il-liġi tad-Dħul fuq l-Income, u l-ieħor hu ħlas ta’ taxxa taħt il-liġi tal-VAT. Mela, teknikament, apparti l-fatt li wieħed jista’ jkun infiq għal dipartiment tal-Gvern, u l-ieħor dħul għal dipartiment differenti, u t-tnejn iridu jiġu rreġistrati separatament fid-dipartiment rispettivi, ma jkunx possibbli l-offsetting minħabba li ż-żewġ liġijiet huma suġġetti għal provisions differenti. Madanakollu, b’arranġament amministrattiv u fuq suġġeriment jew bi ftehim ta’ l-individwu, jista’ jsir skambju ta’ ċekkijiet fejn, waqt li l-individwu jirċievi rifużjoni minn Dipartiment, fl-istess ħin, joħroġ ċekk lill-Dipartiment ieħor għat-taxxa li għandu jħallas.

Maltco lotteries — Unclaimed prizes

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13367, jista' il-Prim Ministru jgħid x'jiġri mill-unclaimed prizes minn mindu l-logħob għadda f'idejn Maltco Lotteries?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-detentur ta’ liċenzja għal Lotterja Nazzjonali preżentament Maltco Lotteries għandu jżomm riserva magħrufa bħala Unclaimed Prizes Reserve, li fih jiġi akkreditat u mħallas minn dak id-detentur ta’ liċenzja ammont li jkun il-valur li jibqa’ ma jiġix mitlub fi tmiem iż-żmien sa meta jkun jista’ jintalab dak il-premju kif stabbilit skond l-artiklu 59 ta’ l-Att dwar ‘Lotteriji u Logħob ieħor, 2001’. Dak il-ħlas fl-Unclaimed Prizes Reserve għandu jsir mid-detentur ta’ liċenzja għal Lotterija Nazzjonali fi żmien sebat ijiem minn tmiem iż-żmien biex issir it-talba għall-premju. Skond l-artiklu 59(2) ta’ l-Att imsemmi, kull flejjes li jkunu akkreditati fl-Unclaimed Prizes Reserve tad-detentur ta’ liċenzja għal Lotterija Nazzjonali għandhom ikunu akkreditati u jiġu mħallsa lill-Awtorità fil-Fond ta’ ‘Riserva ta’ l-Awtorità dwar il-Logħob għal-Lotterija Nazzjonali’ wara l-31 ta’ Mejju u t-30 ta’ Novembru ta’ kull sena finanzjarja. Il-Ministru fuq parir ta’ l-Awtorità jiddisponi mill-fond skond rikjesti magħmula mill-pubbliku meta jinstabu logħob rebbieħa iżda ma ssarfux għal xi raġuni valida. Il-bejgħ tal-fondi kollha li jkun hemm akkreditu tal-Fond ta’ Riserva ta’ l-Awtorità dwar il-Logħob għal-Lotterija Nazzjonali (Gaming Authority National Lottery Reserve Fund) jitħallsu mill-Awtorità lit-Teżor wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja. Il-bilanċ tal-kreditu tal-Gaming Authority National Lottery Reserve Fund jiġu trasferiti fil-Fond tal-Lotteriji Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti (National Lottery Good Causes Fund). Il-flejjes li jkunu akkreditati ta’ dan il-Fond għandhom jitħallsu mill-Ministru, lil dawk il-persuni, organizazzjonijiet, korpi jew entitajiet oħra li Lotteries and Gaming Authority jkollhom skopijiet ta’ xorta reliġjuża, filantropika, kulturali, sportivi, edukattiva, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawża oħra meritevoli. Dawn l-ammonti jiġu stabbiliti mill-Ministru minn żmien għal żmien wara konsultazzjoni ma’ Bord Konsultattiv maħtur minnu għal dan il-għan.

Salarji ta' impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati, self-employed u oħrajn, li fl-2003 iddikjaraw salarju, paga jew qliegħ ta' anqas minn Lm4,301 u ta' bejn l-Lm4,301 u s-Lm6,840?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema li huma ntitolati għal karozza b'xufier

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-gradi taċ-ċivil li huma intitolati għal karozza bi driver - karozza tal-gvern u perks oħra? X'inhuma dawn il-perks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali ntitolati għal karozza bid-driver huma s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Segretarju tal-Kabinett, is-Segretarju Permanenti u wħud mill-Kapijiet tad-Dipartiment li jkunu ġabu approvazzjoni speċifika mill-Ministeru tal-Finanzi wara li jkunu taw ir-raġunijiet għalfejn għandhom ikollhom id-driver. L-uffiċjali ntitolati għall-użu ta’ karozza tal-Gvern u perks oħra huma:- (i) uffiċjali fuq performance agreement li jokkupaw kariga minn Direttur ’l fuq; dawn l-uffiċjali huma ntitolati għal fuel, expense allowance u l-ħlas ta’ l-ispejjeż tat-telephone tad-dar. Dawn il-perkaċċi huma approvati skond il-grad ta’ kull uffiċjal u fil-limiti stabbiliti. Uħud jista’ jkollhom ukoll ħlas tal-mobile phone b’approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat. (ii) uffiċjali fis-Segretarjati Privati fil-Ministeri, liema benefiċċji huma marbuta mal-pożizzjoni ta’ l-uffiċjal. Dawn il-benefiċċji huma bbażati skond il-guidelines ta’ l-ingaġġ ta’ uffiċjali fis-Segretarjati Privati fil-Ministeru u maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kabinett. (iii) uffiċjali f’xi gradi dipartimentali, li jistgħu jingħataw servizz tat-trasport jew xi perkaċċi oħra skond il-ħtieġa tax-xogħol u l-kundizzjonijiet marbuta mal-Ftehim Settorali bejn il-Gvern u l-Union.

Spiża fuq fuel għal użu ta' karozzi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern fuq fuel għall-karozzi u fuq kiri ta' karozzi u/jew vejikoli oħra matul l-2004 u fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern għandu Item ta’ nfiq apposta li tiġbor fiha l-attività tat-trasport fil-Ministeri u d-Dipartiment Governattivi kollha. Kif hemm f’paġna 3 ta’ l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2005, dan l-Item jinkludi l-fuel kollu, l-kiri tal-vetturi ntużati, tiswijiet lill-vetturi tal-Ministeri u d-Dipartimenti, u spejjeż oħra relatati mat-trasport. Għas-sena 2004, l-ispiża totali, inkluża 18% VAT kienet ta’ Lm4.3 miljuni. Fis-sena 2005, sa l-aħħar ta’ Mejju, ntefqu Lm1.9 miljuni għall-istess skopijiet.

Unclaimed prizes minn lotteriji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'isir minnhom il-flejjes ta' l-unclaimed prizes tal-lotto, super 5 u lotteriji oħra? Jista' jgħid kemm kien hemm unclaimed prizes fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 sa Mejju, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Unclaimed Prizes tal-Lottu, Super-Five, Presto Instant Lottery u Tiritombla kienu jiġu trasferiti direttament fil-Fond Konsolidat bħala parti mill-profit wara li mid-dħul kienu jitnaqqsu l-premjijiet mħallsa u l-ispejjeż amministrattivi. L-operazzjoni ta’ dawn il-logħbiet għaddiet f’idejn il-kumpanija privata Maltco Lotteries f’Lulju 2004. Statistika dwar dawn l-Unclaimed Prizes qatt ma nżammet mid-Dipartiment. Waqt li l-Unclaimed Prizes tal-Lotterija Nazzjonali kienu wkoll jiġu ttrasferiti direttament fil-fond Konsolidat bħala parti mill-Profitt, statistika ta’ dawn l-Unclaimed Prizes qegħda tingħata hawn taħt. L-aħħar Lotterija Nazzjonali li saret kienet dik ta’ Ġunju 2003. 2000 Lm 2001 Lm 2002 Lm 2003 Lm Frar 4400 1400 2500 1900 April 2800 800 1100 3200 Ġunju 2900 1200 1300 3400 Awissu 1200 2900 ---- ---- Ottubru 11400 100 3400 ---- Diċembru 5300 700 ---- ---- L-Unclaimed Prizes ta’ logħob ieħor, li jikkonsisti f’lotterijiet organizzati minn ditti kummerċjali u għaqdiet oħra, bil-permess tad-Dipartiment, jitpoġġew f’Fond msejjaħ “Donazzjonijiet għall-kawżi ġusti” u wara dawn jitqassmu lill-għaqdiet filantropiċi. L-ammonti li għaddew ta’ kull sena f’dan il-Fond qegħdin jidhru hawn taħt: Sena Ammont 2000 Lm3183 2001 Lm 82 2002 Lm 232 2003 Lm3553 2004 Lm6487 2005 Lm3065

Bank ċentrali — Xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlitx xi xogħol ta' konsulenza għall-bank ċentrali minn mindu irriżenjat mill-bank? Jekk iva, kemm tħallset sena b'sena u x'kien ikopri dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13450.

Teżor — Arretrati ta' pensjonant

Question

Jista' il-Prim Ministru jara jekk humiex se joħorġu xi arretrati ta' persuna - illum mejta - li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li l-mara tiegħu tixtieq tkun taf jekk hijiex intitolata għal xi arretrati f'ismu? Tista' l-armla ta' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13454.

Kumpanniji ta' l-assikurazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jindaga, jinvestiga u javanza rimedju għas-sitwazzjoni xejn feliċi li permezz tagħha d-ditti ta' l-assikurazzjoni, li għandhom rwol dominanti fuq l-assikurat tagħhom, qegħdin, u dan kif jirriżulta mill-kopja ta' żewġ dokumenti ta' żewġ persuni li qed jintbagħtu separatament, arbitrarjament jikkanċellaw il-poloz ta' assikurazzjoni b'mod li l-assikurat qiegħed jispiċċa mċaħħad minn polza fuq iil-vettura tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni mqajjma f’din il-mistoqsija parlamentari hija waħda ta’ natura privata bejn il-kumpanija ta’ l-assikurazzjoni u l-klijenti tagħha. Għaldaqstant il-każ kellu inizjalment jiġi ndirizzat lill-kumpaniji ta’ l-assikurazzjoni kkonċernati. Jekk il-persuni ndikati jħossu li l-kumpanija ta’ l-assikurazzjoni mhix qed tissodisfa n-neċessitajiet tagħhom, għandhom primarjament iqajjmu l-każ tal-kumpanija nnifisha. Jekk dan ma jkunx biżżejjed, il-klijenti jistgħu jiddeċiedu li jiktbu ittra lill-Consumer Complaints Manager biex jinfurmawh bis-sitwazzjoni tagħhom u sabiex dan ikun jista’ jgħin lil dawn il-klijenti u jeżamina l-każ fid-dettal.

Servizz Pubbliku — Performance bonus

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm membri tas-servizz ċivili ingħataw performance bonus is-sena l-oħra? Kemm kien jammonta globalment? Kemm ma ngħatawx dan? Min huma dawk intitolati għalih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat, li għas-sena 2004, tħallsu b’ammont totali ta’ Lm254,383 fost dawk l-impjegati tal-Gvern li huma ntitolati għall-Performance Bonus inklużi dawk fl-Armata. Dawn il-Performance Bonuses tħallsu fuq kriterji stabbiliti u a bażi ta’ riżultati miksuba skond kif provdut fil-kuntratt li għandhom fil-pożizzjoni jew fil-ftehim ta’ Klassifikazzjoni li jirregola l-grad tagħhom, kif applikabbli.

Freedom of information act

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi freedom of information act kif irrakkmandat mill-ombudsman?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li effettivament jiena kont diġa tajt struzzjonijiet lis-Segretarju Permanenti Ewlieni biex jinbeda l-proċess sabiex tiġi evalwata l-vijabilità li tiġi promulgata Freedom of Information Act u dan qabel ma’ l-Ombudsman għamel din ir-rakkomandazzjoni.

Bank Ċentrali — Xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13376 u jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlitx xi xogħol ta' konsulenza għall-bank ċentrali minn mindu irriżenjat mill-bank? Jekk iva, kemm tħallset sena b'sena u x'kien ikopri dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol ta’ konsulent huwa relatat mar-responsabbilitajiet tal-Bank fil-qasam tar-riċerka ekonomika u huwa ntiż biex jassisti u jagħti pariri lill-Gvernaturi, lill-Monetary Policy Adivsory Council u lill-Bank. B’mod speċifiku l-konsulent qed jassisti u jagħti pariri f’dawn l-oqsma: · L-iżvilupp tal-mudell ekonometriku; · Tbassir ta’ l-ekonomija u projections għall-Monetary Policy Advisory Council; · Updating fuq l-ekonomija lokali u globali; · Riċerka fuq suġġetti relatati mal-politika monetarja; · Diskorsi tal-Gvernatur fuq aspetti finanzjarji u ekonomiċi; · Xogħol ieħor relatat li jista’ jiġi mitlub li jagħmel, fosthom żvilupp tar-rikors uman fid-dipartiment ta’ l-Ekonomija tal-Bank. Il-konsulenza mal-Bank Ċentrali ta’ Malta bdiet b’effett mill-15 ta’ Ottubru 2001 u l-ftehim tal-ħlas tal-konsulenza huwa dak kif spjegat hawn taħt: · 15 Ottubru 2001 sa 14 ta’ Ottubru 2002 Lm4000 (eskluż VAT) · 15 Ottubru 2002 sa 14 ta’ Ottubru 2003 Lm4126 (eskluż VAT) · 15 Ottubru 2003 sa 31 ta’ Ottubru 2004 Lm5000 (eskluż VAT) · 01 Novembru 2004 sa’ 31 ta’ Ottubru 2005 Lm5125 (eskluż VAT) Fl-2003 il-konsulent tħallas ukoll is-somma ta’ Lm1700 (eskluż VAT) għal xogħol fuq l-iżvilupp tal-mudell ekonometriku u preparazzjoni ta’ riċerka fuq l-istrateġija ta’ l-euro. Dan involva 3 xhur xogħol full-time.

Teżor — Arretrati ta' pensjonant

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13387 u jara jekk humiex se joħorġu xi arretrati ta' persuna - illum mejta - li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li l-mara tiegħu tixtieq tkun taf jekk hijiex intitolata għal xi arretrati f'ismu? Tista' l-armla ta' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-individwu indikat qatt ma kien pensjonant tat-Teżor u għaldaqstant m’hemm l-ebda arretrati li jridu jinħarġu fir-rigward ta’ dan l-individwu minn dan id-dipartiment.

Pensjoni taż-żmien

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li t-talba ta' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qiegħda titlob tiex tieħu l-pensjoni taż-żmien li ħadmet, tiġi milqugħa? Tista' din l-anzjana tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Diretturi/assistenti diretturi — Kuntratti

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji, bl-ismijiet inklużi, ta' min kienu dawk id-diretturi u assistenti diretturi li kellhom il-kuntratt tagħhom imġedded wara li skada? Jista' jagħti wkoll dettalji, bl-ismijiet kompriżi, ta' dawk li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded wara l-iskadenza ta' l-istess kuntratt u dan matul is-sena 2004 u l-2005 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ Diretturi li kellhom il-kuntratt tagħhom imġedded fl-2004 u fl-2005 kien ta’ tlieta u għoxrin (23) u ta’ erbgħa (4) rispettivament. Kien hemm tlett (3) kuntratti li ma ġewx imġedda fl-2004 u tnejn (2) fl-2005. Ma kienx hemm kuntratti ta’ Assistenti Diretturi li ġew mġedda jew li skadew matul l-2004. Mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-lum skadew disgħa u tletin (39) kuntratt ta’ Uffiċjali fil-pożizzjoni ta’ Assistant Direttur. Bħalissa għaddej il-proċess mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex il-kuntratti ta’ dawn id-disgħa u tletin (39) Assistent Direttur li skadew fis-16 ta’ Jannar 2005 jiġu mġedda għal perijodu ta’ ħames snin, jew terminati, skond ir-riżultati tal-proċessi ta’ għażla li saru minn bordijiet maħtura apposta fil-Ministeri kkonċernati wara sejħa għall-applikazzjonijiet. Ma nħossx li hija etika li nagħti ismijiet ta’ dawk li kellhom il-kuntratt tagħhom imġedded jew imwaqqaf.

Ħlas ta' premiums għal assikurazzjoni medika

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hu l-ammont ta' premiums li ħallas il-poplu Malti u Għawdxi għal assikurazzjoni medika privata bejn l-1998 u l-2003? Barra minn hekk, kemm f'dawk il-ftit imħallsa kien hemm persuni assikurati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru huwa biss f’pożizzjoni li jagħti tagħrif fuq l-ammont fi flus ta’ premiums li tħallsu. Dawn huma spjegati fit-tabella hawn taħt: Sena Premiums li tħallsu Lm 1998 3,801,507 1999 3,968,079 2000 4,688,092 2001 5,392,598 2002 5,870,504 2003 6,266,425