Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar 15-il ġurnata kemm kien hemm tfal rikoverati f'Disneyland? Kemm hemm konsultenti, nurses (SRNs u SENs) paramediċi u cleaners jaħdmu f'din is-sala? Dawn it-tfal minn liema mard kienu qed isofru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għada qed tinġabar, risposta tingħata f`seduta oħra.
Matul l-1999, fl-iSptar San Luqa: (a) kemm attendew: (i) pazjenti fid-Dipartment ta' l-Emerġenza; u (ii) fl-out-patients bħala new cases u bħala follow-up? (b) Kemm ġew admitted pazjenti fil-wards u kemm kien l-average length of stay?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul l-1999 fl-Isptar San Luqa:-
attendew fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza - 106,670
attendew bħala new cases fl-Out Patients - 71,140
attendew bħala follow-ups fl-Out Patients - 233,692
Dwar l-In-Patients, mill-1 ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Settembru 1999, iddaħħlu fis-swali ta' l-Isptar San Luqa 33,651 persuna. L-average length of stay kienet ta' 4.3 ġranet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13302, jista' l-Ministru jagħtini informazzjoni dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn nurses barranin li qegħdin jistennew ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom minn Nurses & Midwifery Board?
Mil-liema nazzjon huma ġejjin?
Meta hemm il-ħsieb li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qeda tinġabar u tingħata risposta f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet fl-isptarijiet San Luqa u Karen Grech, fl-operating theatres rispettivi tagħhom, sena b'sena, matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-informazzjoni fuq is-Saħħa għandu statistika dwar l-operazzjonijiet li saru mill-1995 sal-lum. It-tagħrif li fuqu nħadmet l-istatistika ingħata lid-Dipartiment tal-Medical Records mill-istaff tat-theatres ta` l-Isptar San Luqa (SLH) u l-Isptar Karin Grech (KGH). L-operazzjonijiet skond kull theatre kienu mqassma kif jidher
fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti jaħdmu mad-dipartiment tas-saħħa? Kemm ilhom jaħdmu mal-gvern? Kemm minnhom ġew ingaġġati matul dawn l-aħħar sentejn? X'tip ta' kuntratti għandhom u x'salary scales għandhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta` konsulenti li jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa huwa 93. L-informazzjoni mitluba dwarhom hija kif ġej:
87 għandhom ħatra permanenti u ilhom jaħdmu mal-Gvern kif jidher hawn taħt.
1 anqas minn sena
2 tlett snin
1 erba` snin
1 ħames snin
2 sitt snin
1 seba` snin
2 tmien snin
3 disa` snin
3 għaxar snin
6 ħdax il-sena
4 tnax il-sena
6 tlettax il-sena
10 erbatax il-sena
14 ħmistax il-sena
5 sittax il-sena
3 sbatax il-sena
6 tmintax il-sena
2 għoxrin sena
3 tnejn u għoxrin sena
2 erbgħa u għoxrin sena
4 sitta u għoxrin sena
1 tmienja u għoxrin sena
1 disa` u għoxrin sena
1 tletin sena
3 tnejn u tletin sena
---
87
---
1 qed jaħdem fuq bażi każwali u ilu jaħdem mal-Gvern sena u għaxar xhur.
1 beda jaħdem seba` xhur ilu fuq bażi ta` kuntratt ta` sena, li jista` jiġġedded.
2 barranin li jaħdmu fuq bażi ta` kuntratt ta` sena, li jista` jiġġedded. 1 ilu jaħdem mal-Gvern ħmistax il-sena u l-ieħor tmien snin.
L-iskala tas-salarju tal-konsulenti kollha ndikati hawn fuq hija Nru. 4.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nurses jaħdmu mad-dipartiment tas-saħħa? Ta' liema kategorija huma? F'liema sptarijiet qed jaħdmu? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi matul is-sena 1999 miċ-ċentri tas-saħħa? Kemm tqassmu lejliet il-Milied u jum il-Milied, l-aħħar jum tas-sena u l-ewwel jum ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' siringi li tqassmu miċ-Ċentri tas-Saħħa matul l-1999 kien ta' 341,739.
Is-siringi li tqassmu miċ-Ċentri tas-Saħħa fil-ġranet imsemmija huma dawn:
Lejliet il-Milied tqassmu - 566 siringa
Fil-Milied tqassmu - 397 siringa
Fl-aħħar tas-sena - 580 siringa
Fl-ewwel jum tas-sena 2000 - 447 siringa
F'dawn it-totali ma jidhirx in-numru ta' siringi li tqassmu miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira għaliex hemmhekk ma jinżammux statistiċi jum b'jum imma bix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tad-dipartiment tas-saħħa biex jagħti kuntratt lil xi kumpannija biex tmexxi l-catering fl-isptarijiet? Liema huma dawk l-isptarijiet li hu maħsub li se jidħlu f'din l-iskema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċess issa qiegħed fl-istadju ta' l-evalwazzjoni mill-Bord. Dan il-kuntratt se jkun ikopri l-isptarijiet pubbliċi u d-djar ta' l-anzjani f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ċ-ċentru tad-Detox jitneħħa minn fejn hu u jinfetaħ f'post fejn ikun anqas possibbli li traffikanti tad-droga jħufu fl-inħawi? Saru xi proposti minn għaqdiet/individwi dwar dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' l-Ministru jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista'jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gveru qabel l-elezzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'riferenza għall-mistoqsija Parlamentari Nru 12979, mill-Onorevoli Interpellant, għandi ngħid li n-numru totali ta` karozzi Impressed fil-Ministeru huwa 21. Minn dawn wieħed qiegħed jagħmel xogħol mal-Ministeru.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tas-saħħa fi skejjel matul din is-sena skolastika biex jiġi nvestigat x'ikel u xorb qed jinbiegħ lill-istudenti? F'liema skejjel saru? L-iskejjel privati u dawk tal-Knisja huma eżenti minn dawn iż-żjajjar? Matul dawn l-investigazzjonijiet kien hemm xi każi fejn instab li kien hemm xi ikel/xorb li ma kienx adattat għat-tfal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-kwalita` u t-tip ta` ikel li jinbiegħ ġewwa l-iskejjel jaqa` taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru ta` l-Edukazzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellantjagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew biex jixtru qabar għall-familja mingħand il-gvern? Meta hemm il-ħsieb li jibdew jintlaqgħu l-ewwel applikazzjonijiet? X'qed jagħmel il-gvern biex isolvi l-problema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum hemm 2923 persuna li għamlet talba biex tixtri qabar mingħand il-Gvern.
Applikazzjonijiet jintlaqgħu kontinwament matul is-sena u jinġabru f' `Waiting List' skond iċ-ċimiterju li jiġi rikjest.
Biex il-gvern ilaħħaq ma' din id-domanda ta' oqbra, qiegħed jaħdem fuq diversi estenzjonijiet ta' ċimiterji ġa eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inkritx jew ġietx leased karozza minflok il-karozza uffiċjali tiegħu? Mingħand min ġiet mikrija jew leased? Jista' jgħid jekk fil-fatt il-karozza hijiex mikrija jew leased? Kemm hu l-ħlas kuljum, jekk inhi mikrija jew leased? F'każ ta'leasing jew kiri, jista' l-Ministru jgħid għal kemm tul ta' żmien sar il-ftehim?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minflok il-karozza uffiċċjali tal-Ministru inkriet karozza mingħand I.M.L. Ltd bir-rata ta' Lm16 kuljum li għad irid jiġi deċiż flimkien ma' l-Insurances minn min se jitħallsu.
Jista' l-Ministru jgħid mingħand min hija mikrija l-karozza Ford Mondeo li qed tintuża minn persuna fis-segretarjat? Kemm hi l-kirja kuljum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-karozza msemmija inkriet mingħand Peppin Garage ta' Ħal-Għaxaq bir-rata ta' Lm6.70 kuljum.
Din qed tintuża minn membru tas-Segretarjat skond kif stipulat fir-regolamenti stabbiliti permezz taċ-ċirkulari MPO 52/72 ta' 28 ta' Ottubru 1998 u li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħsara fiha u kemm hi l-istima tal-ħsara li għandha l-Alfa Romeo 155, numru JAB342? Fejn qed tissewwa? Inkriet karozza mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-ministeru għall-perijodu ta' żmien li din il-karozza tkun qed tissewwa? Jekk fl-affermattiv, minn fejn inkriet? Kemm hi l-kirja ta' kuljum ta' din il-karozza mikrija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-ħsara fl-Alfa Romeo 155, numru JAB 432 żviluppat meta inqatgħet it-timing belt fit-Timing Mechanism u hi stmata mal-Lm1200.
Il-karozza qed tissewwa għand UCIM Ltd. Sakemm tissewwa inkriet karozza mingħand Vince Garage ta' l-Imsida bir-rata ta' Lm5.00 kuljum.
Jaf il-Ministru li l-appuntamenti mit-taqsima tad-dentistrija fl-iSptar Ġenerali ta' Għawdex qed jingħataw għal 15-il ġurnata wara, minkejja li l-pazjent ikun muġugħ? Jista'l-Ministru jieħu passi biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għal darba oħra nerġa' nitlob biex domandi li għandhom x'jaqsmu m'Għawdex isiru lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikollha tistenna dan iż-żmien kollu l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex tiġi operata fl-għaksa tagħha u biex issirilha ż-żarbuna meħtieġa biex timxi aħjar milli qiegħda timxi?
Meta se tiġi operata din il-persuna minħabba li l-kondizzjoni li tinsab fiha qed toħolqilha ħafna uġiegħ u problemi differenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Riċentement inġibditli l-attenzjoni mill-Legal Advisor tad-Diviżjoni li informazzjoni tingħata biss jekk il-persuna li dwarha qed issir id-domanda parlamentari tagħti l-kunsens espress tagħha bil-miktub. Il-kunsens irid jispeċifika liema informazzjoni għandha tingħata. Tali kunsens għandu jiġi mgħoddi lid-Diviżjoni tas-Saħħa mad-domanda.