Kunsill Lokali tax-Xagħra – xogħlijiet fi Triq Marsalforn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet li qed jagħmel il-Kunsill Lokali tax-Xagħra fi Triq Marsalforn ġewwa x-Xagħra stess? Kemm se jiswew ix-xogħlijiet fuq l-imsemmija triq u meta hu maħsub li jitlestew?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-ewwel parti ta’ Triq Marsalforn fix-Xagħra jinsabu fi stadju avvanzat. Huwa stmat li x-xogħol ta’ resurfacing ta’ din it-triq ser jiswa €207,818.58c u ser ikun iffinanzjat mill-iskema tal-Public Private Partnership. Ix-xogħol mistenni li jkun konkluż sat-30 ta’ Ġunju 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kull Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex għandu ħaddiema tal-IPSL assenjati miegħu u x’inhu x-xogħol li qed jagħmel kull ħaddiem ma’ kull Kunsill Lokali?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-għadd ta’ ħaddiema tal-IPSL assenjati mal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex.
Intant jien infurmat li bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar ix-xogħol li qed jagħmel kull ħaddiem minn dawn. Din l-informazzjoni qed tiġi mgħoddija lill-IPSL u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jitlob din l-informazzjoni lill-Ministru konċernat.
Kunsilli Lokali – persuni li jagħmlu xogħol ta’ avukat
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6868, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll jaġġorna l-informazzjoni sa Marzu 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6868, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra aġġornament tal-informazzjoni mitluba sa Marzu 2014.
Kunsill Lokali tal-Ħamrun – Laqgħat – live streaming
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4907 u 5883, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun applikax biex ikun jista’ jibda l-live streaming tal-laqgħat tal-Kunsill? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jopera dan il-live streaming? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ħareġ sejħa għall-offerti dwar dan liema sejħa kienet aġġudikata lil Correct Termination Ltd. Jonqos biss l-installazzjoni ta’ servizz ta’ internet bi speed adegwat li jkun jista’ jitrasmetti x-xandiriet. Infurmat li għandha toħroġ sejħa għal dan is-servizz.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8511, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Ġaladarba hemm xi studju mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq is-suq incoming mill-Istati Uniti, jista’ jgħid kemm mistennija jiġu turisti minn dan is-suq fl-2014 u fil-ħames snin li ġejjin?
Response (VELLA, KARMENU)
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kontinwament issegwi xejriet internazzjonali fil-qasam tal-izvilupp ta’ swieq long haul. F’dawn l-aħħar snin is-suq turistiku Amerikan għall-Ewropa reġa ħa spinta u fil-fatt in-numru ta’ turisti Amerikani li ¿aru l-Ewropa is-sena li għaddiet laħaq iċ-ċifra ta’ 11.4 miljun turist. L-Ewropa fil-fatt hija l-aktar kontinent popolari mal-Amerikani b’sehem ta’ 18.5% tat-turi¿mu Amerikan.
Minħabba li huwa mistenni li dan is-suq ikompli jikber fid-daqs u l-importanza u anke minħabba l-fatt li huwa kompost minn vjaġġaturi li l-profil tagħhom jaqbel ħafna mal-offerta turistika tagħna, inħass il-bżonn li nerġgħu nagħmlu sforz sabiex nattiraw sehem akbar minn dan is-suq.
Il-ħidma ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija bażata fuq l-għan ewlieni li nkabbru l-volumi turistiċi mill-Amerika fis-snin li ġejjin.
F’dan l-istadju ma nħossx li l-kuntratt għandu jkun ippubblikat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li talbu li jbiddlu l-uffiċċju tal-kunsill lokali tagħhom matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kunsilli lokali oħra għandhom it-talba tagħhom li ilha pendenti għall-bdil tal-uffiċċju tal-istess kunsill ? F’liema każijiet ikun hemm l-approvazzjoni tad-dipartiment biex din il-bidla sseħħ, u f’kull każ, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk it-talbiet humiex għal xiri jew kiri ta’ post ġdid?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kull meta Kunsill Lokali jbiddel l-uffiċini amministrattivi tiegħu dan irid iġib l-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali skont l-Artiklu 48(1) tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363).
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar il-Kunsilli Lokali illi kellhom konnessjoni ma’ ċaqlieq fl-uffiċini amministrattivi tagħhom dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm lukandi li applikaw mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex ikunu jistgħu jgħollu n-numru ta’ sulari fuq il-bini li preżentement jifforma lukandi/ complexes li jikkwalifikaw għal din il-bidla? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-postijiet li għalihom qed issir it-talba? Kemm u fejn jinsabu l-postijiet li ġew approvati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? X'se tkun tfisser f'termini ta' żieda ta' kmamar/sodod, jekk kemm-il darba l-istess applikazzjonijiet jiġu approvati?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huma tnejn (2) il-lukandi li applikaw mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex ikunu jistgħu jgħollu n-numru ta’ sulari fuq il-bini li preżentement jifforma lukandi/complexes li jikkwalifikaw għal din il-bidla. Dawn iż-żewġ lukandi jinsabu waħda f’San Ġiljan u oħra f’San Pawl il- Baħar.
Kemm-il darba dawn l-applikazzjonijiet jiġu approvati, ser ikunu jfissru żieda ta' mija, sitta u tletin (136) kamra jew mitejn u erbgħa u sebgħin (274) sodda.
Kunsilli lokali – promozzjoni tal-agrikoltura u ortikultura
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ttieħdu mill-Kunsilli Lokali ta' Ħad-Dingli, l-Imġarr, il-Mellieħa, ir-Rabat u San Pawl il-Baħar biex jippromwovu l-agrikoltura u l-ortikultura? Min ibbenefika minn dawn l-iskemi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bdiewa li għalkemm talbu biex jieħdu sehem f'xi inizjattiva partikulari fil-fatt ma ngħatawx għajnuna?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema fondi ġodda hu mistenni li jingħataw matul din is-sena għall-proġetti lokali partikulari? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar liema proġetti se jidħol għalihom il-Gvern u meta proprjament suppost isiru mill-kunsilli lokali? Sa issa liema proġetti, u f'liema lokalitajiet diġà ġie deċiż li jsir minn fondi differenti mill-fondi diġà allokati lill-kunsilli lokali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali m’għandux fondi tat-tip li qed jirreferi għalihom. Għaldaqstant nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista’ jiġġustifika li l-biljetti għax-show Ġensna, li qed tittella’ bħala avveniment nazzjonali, qed jinbiegħu mill-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk humiex qed jitħallsu xi commissions fuq dan il-bejgħ?
Response (VELLA, KARMENU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt l-iskema tal-Community Work Scheme assenjati mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq? Jista’ jgħid x’qed jagħmel kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u kemm ilu assenjat kull ħaddiem ma’ dan il-kunsill?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li hemm ħames (5) ħaddiema taħt l-iskema tal-Community Work Scheme assenjati mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq. Tlieta (3) minnhom jagħmlu xogħol relatat ma’ manutenzjonijiet tat-toroq, qtugħ ta’ ħaxix u tindif madwar il-lokal. It-tnejn (2) l-oħra jagħmlu xogħol ta’ tindif tal-uffiċini u qadi ieħor relatat mal-istess uffiċini tal-kunsill.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li ma ngħata l-ebda kuntratt lill-kumpanija msemmija.
Peress li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biddlet deċiżjoni tagħha stess meta donnu reġgħet fetħet uffiċċju ta’ rappreżentanza fl-Istati Uniti, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għal dan it-tibdil ta’ deċiżjoni? X’sens kummerċjali turistiku tagħmel?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istrateġija tal-Gvern hija li apparti li jkompli jiffoka fuq is-swieq prinċipali, jinfetħu swieq ġodda fosthom l-Istati Uniti. Huwa f’dan il-kuntest illi ittieħdet id-deċiżjoni li jinħatar rapreżentant ġewwa l-Istati Uniti.
San Pawl il-Baħar — Tourist Zone Management Committee
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min jifforma parti mit-Tourist Zone Management Committee għaż-żona ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jpoġġi kopja tar-rapport li dan il-kumitat suppost għadda lill-Ministeru, għal dak li jikkonċerna l-inħawi li fihom qed jopera? Meta twaqqaf il-kumitat, u meta għadda r-rapport tiegħu lill-Ministeru? X'passi ttieħdu s’issa biex dak rakkomandat jiġi mplimentat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat għaż-Żona Turistika tat-Tramuntana hu ffurmat minn numru ta’ stakeholders ewlenin li jinkludu l-Kunsilli Lokali, residenti, il-komunita’ kummerċjali u rappreżentanza minn lukandiera u sidien tar-ristoranti.
Il-Kumitat Nazzjonali dwar żoni Turistiċi ġie kostitwit fi Frar 2014 u s’issa dan il-kumitat individwalizza prijoritajiet u x-xogħol dwarhom diġa’ beda.
Kopja tar-rapport imsemmi qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6650, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma li ħa l-kap eżekuttiv ta' Transport Malta meta rriżenja minn mal-Airmalta fil-15 ta’ Jannar 2009 b'rabta mal-iskema ta' Voluntary Redundancy Scheme? X'kundizzjonijiet kien hemm marbuta ma’ din l-iskema? Tista’ persuna li gawdiet minn Voluntary Redundancy Scheme terġa’ tiġi impjegata ma' awtorità tal-Gvern?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-somma li ngħatat lill-persuna in kwistjoni fis-16 ta’ Jannar 2009, kienet dik dovuta lilu ibbażata fuq in-numru ta’ snin li kien ilu jaħdem mal-kumpanija skont it-termini tal-iskema “Voluntary Redundancy Scheme. Ma kienx hemm kundizzjonijiet marbuta ma’ din l-iskema.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għall-immodernizzar tal-gabbani fl-Għadira sabiex ikunu jirrispettaw iktar dan il-post turistiku? Jikkonferma li l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu ssottomettiet l-applikazzjonijiet għall-permessi neċessarji lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' immodernizzar tal-gabbani ġewwa l-Għadira għadu għaddej u nikkonferma li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ssottomettiet applikazzjonijiet għall-permessi lill-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat ukoll li l-proċess jinsab fi stadju avvanzat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'suppost hi l-funzjoni marbuta mal-laqgħat annwali tal-lokalitajiet (għal dawk li huma l-kunsilli lokali)? Meta hu mistenni li jsiru dawn il-laqgħat f'kull waħda mil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Liema lokalitajiet għadhom ma żammewx il-laqgħa tagħhom għal din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 70 tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) dwar il-laqgħat annwali tal-lokalità.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru titjiriet mill-Air Malta fl-aħħar elezzjoni ġenerali bi prezz issussidjat sabiex ikunu jistgħu jinġiebu votanti minn barra minn Malta biex jivvotaw? Jista’ jgħid minn liema pajjiżi saru dawn it-titjiriet? Jista’ jgħid kemm ġew votanti minn kull destinazzjoni li minnhom saru t-titjiriet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-kumpanija Air Malta li l-ammont ta’ passiġġieri li ġew lejn Malta u rritornaw, biex jivvutaw fl-Elezzjoni tad-9 ta’ Marzu 2013 kien ta’ 4,891.
Fit-tabella t’hawn taħt huma elenkati l-pajjiżi li minnhom saru t-titjiriet u kemm ġew passiġġieri minn kull destinazzjoni.
ROUTE
Passengers (Return Trip)
LON
BRU
MAN
FCO
TIP
LUX
CTA
MUC
LIN
VIE
PAR
AMS
ZRH
DUB
FRA
GLA
DUS
IST
TXL
ATH
HAM
SOF
DME
BEN
MRS
2126
441
405
307
184
174
151
137
130
107
100
97
97
87
79
78
55
34
33
21
18
15
11
3
1
TOTALS
4891
Ix-Xagħra (Għawdex) – kunsilli lokali – xiri ta’ concrete
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Kunsill Lokali tax-Xagħra f'Għawdex nefaq flus kull sena fuq xiri ta' concrete fis-snin 2011, 2012 u 2013? Mingħand liema kuntrattur inxtara l-concrete u dan ix-xogħol sar wara ħruġ ta’ tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.