Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20044 Sitting 394 2000-10-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Zabbar — Triq Baħrija - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Baħrija, Zabbar, triq ġdida li llum hija kollha mibnija, hijiex se titkompla bit-tarmac? Jista' jgħid jekk din hiex se ssir fiż-żmien li ġej? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li ssir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex din it-triq tkun tista' tingħata t-tarmak kollha, hemm għalqa privata u din trid tiġi żviluppata. Għalhekk ix-xogħol f'din it-triq ikun jista' jsir meta l-iżvilupp ikun tlesta.

Djar — Sqaq ir-Rumi - Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex jiġi rranġat Sqaq ir-Rumi, Wied il-Għajn li minkejja li hemm familji joqgħodu fih jinsab fi stat ħażin ħafna? F'każ li l-Ministru jwieġeb li r-responsabbilta' ta' Sqaq ir-Rumi hu tal-kunsill lokali, x'jistgħu jagħmlu dawn il-familji la darba dan l-isqaq ilu fi stat ħażin għal snin twal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal mistoqsija parlamentari Nru. 19907, ninfurmah ukoll li ser nitlob lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mal-Kunsill Lokali, li tiegħu hija r-responsabbilita' li jiġi rranġat is-sqaq imsemmi, jaraw ukoll x'passi jistgħu jittieħdu.

Madliena — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru Triq il-Veduta u l-parti ta' fuq ta' Triq il-Markiż J Scicluna, Madliena peress li dawn jinstabu fi stat tant ħażin li bil-kemm huma aċċessibbli għar-residenti li jgħixu fihom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Bormla — Zebra Crossing

Question

Jista l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li ssir zebra crossing minn mal-blokk tad-djar tal-gvern ta' Polverista Street, Bormla għal mas-swar fejn hemm il-bus stop?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Toroq — Santa Venera - B'Kara

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Triq Salvu Psaila, Santa Venera/B'Kara? X'inhu propost li jsir ħalli l-ilma tax-xita jitneħħa minn din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fi Triq Salvu Psaila hu maqsum fit-tmien fażijiet illi b'kollox ser jieħdu erbatax-il xahar u nofs biex jitwettqu. Ser jinbnew storm water culverts mat-triq biex jiġbru l-ilma tax-xita, fil-waqt li d-Dipartiment qed jipprepara pjan biex jinbnew retention basins fl-inħawi ħalli l-qawwa ta' l-ilma f'dawn il-culverts tkun tista' tiġi kkontrollata.

Ħal-Far — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Triq Ħal Far, liema xogħol jidher li għal xi raġuni bħalissa jinstab wieqaf?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol għadu għaddej u qed jitwaħħlu crash barriers u jingħalqu sew il-kurduni qabel jingħata t-tarmak tal-wiċċ fuq il-partijiet tat-triq fejn il-base course ġie aċċettat mid-Dipartiment. Qed isir liaison bejn il-kuntratturi u d-Dipartiment biex ix-xogħol fuq it-tieni fażi tat-triq jibda malli x-xogħol imsemmi aktar qabel ikun lest.

Qormi — Imdina Road - Xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta ix-xogħol f'Imdina Road, Ħal-Qormi peress li ilu għaddej għal ħafna xhur b'inkonvenjent kbir għar-residenti u għal dawk kollha li jużaw din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kumitat tal-Kuntratti qed ikollhom diskussjonijiet mal-kuntrattur dwar dan ix-xogħol imsemmi.

Attard — Triq Tumas Chetcuti - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Traffic Control Board tax xi permess sabiex Triq Tumas Chetcuti, H'Attard tingħalaq għat-traffiku tqil meta l-ħsieb wara din it-triq kien propju biex vetturi kbar jgħaddu minn din it-triq fil-periferija u mhux min nofs ir-raħal

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qatt ma ta u m'għandu ebda ħsieb li jagħti xi permess sabiex Triq Tumas Chetcuti tingħalaq għat-traffiku tqil.

Attard — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fl-inħawi ta l-isptar Mount Carmel / Triq il-Ħafar / Triq Tumas Chetcuti f' Ħ'Attard

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qed isir f'Ħ'Attard ikollu bżonn l-approvazzjoni ta' diversi entitajiet u mhux possibbli tingħata data speċifika ta' meta dan ser jitlesta. Dan għaliex qed jirriżulta minn żmien għal żmien li x-xogħol li jkun qed isir ma jkunx ta' kwalita' aċċettabbli skond l-ispecifications, u għalhekk qed ikollu jerġa jsir.

B'Kara — Triq Dun Filuppu Borg

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Dun Filuppu Borg Street, (naħa ta' fuq) f'B'Kara hijiex se tinqala' bħala parti mill-proġett ta' Psaila Street?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din it-triq li tibda minn Psaila Street sa Triq Mannarinu hija parti mill-proġett ta' Psaila Street, u għalhekk ser tinqala' u jgħaddu servizzi ġodda.
Leg 9 PQ #20036 Sitting 393 2000-10-13 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Toroq — Triq Dome - Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Dome, Fgura hijiex se tkun waħda min dawk it-toroq li se tingħata t-tarmak sa l-aħħar ta' din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla peress li r-residenti ilhom ħafna jbatu minn inkonvenjent ta' tajn fix-xitwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq ħareġ Letter of Acceptance lill-kuntrattur biex Dome Street tinkesa bl-asfalt. Ix-xogħol ma setax jinbeda għaliex il-kuntrattur oġġezzjona għal xi rati fil-Letter of Acceptance, u l-każ ġie riferut lill-Kumitat tal-Kuntratti. Wieħed jispera li din id-diffikulta tiġi riżolta u x-xoghol jitwettaq qabel l-aħħar tas-sena.
Leg 9 PQ #20037 Sitting 393 2000-10-13 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Toroq — Triq San Leonard Xgħajra Żabbar

Question

Jista' l-Ministru jilqa' t-talba tar-residenti li joqogħdu fi Triq San Leonard, Xgħajra, Żabbar biex isir sleeping policeman jew tinstab soluzzjoni oħra, peress li ħdejn il-pitch tal-boċċi din it-triq għandha kurva kontra li għal min inkun qed isuq jew se jaqsam tiġi blind corner?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u l-Kunsill Lokali jaraw x'jista' jsir.

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy rigward ingaġġ ta' nies fuq dgħajjes, tug-boats, vapuri - speċifikament jekk il-ħaddiem irid ikun jaf jgħum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ingaġġ ta' baħħara fuq bastimenti li jintużaw għal skop kummerċjali fl-ibħra terrritorjali u fil-portijiet huma regolati mill-Mechanically Driven Boats (Passenger and Cargo), 1955. Baħħara jistgħu jintalbu jkollhom ċertifikati ta' kompetenza maħruġa skond l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta' l-1973. Ir-regolamenti ma jirrikjedux li baħħar jinħtieġ ikun jaf jgħum.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Sajjied

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma sarux sinjali fi triq fejn jipparkjaw il-karozzi, bħalma saru f'toroq oħra viċin, fi Triq is-Sajjied, San Pawl il-Baħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Air Malta — Ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha ajruplani l-Air Malta? X'tipi huma? Meta nxtara kull wieħed? Kemm swew? Kemm kellu flying time kull wieħed meta nxtara u kemm għandu issa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Toroq — Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema kuntrattur qiegħed isir ix-xogħol fi Triq San Pubbliju f'Burmarrad? Din it-triq qiegħda tinbena fuq il-linja uffiċjali? X'sejjer isir fit-tarf ta' din it-triq kantuniera ma' Triq San Pawl Milqi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent beda xogħol ta' bini ta' ħitan li qed isir mid-Ditta B. Grima. Id-Dipartiment qed jikkonsidra offerti oħra li rċieva għax-xogħol ta' l-asfalt li hemm bżonn isir meta il-kuntratt l-ieħor jitlesta. Il-linja tat-triq ġiet stabbilita' mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara xi problema teżisti f'tarf din it-triq.

Bejjiegħa tal-laħam

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19816 possibbli l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jara li bejjiegħ tal-laħam li investa fi truck freezer biex iżomm il-prodotti tiegħu friski kemm jista' jkun u li jqassam dawn il-prodotti fil-ħwienet, jista' jingħata parkeġġ riservat quddiem il-ħanut tiegħu (working days u working hours only) biex ikun jista' jikkonettja t-truck freezer tiegħu mad-dawl elettriku tal-ħanut?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Trasport — Żidiet fit-tariffi

Question

B'riferenza l-mistoqsija parlamentari numru 19749, qed nirriferi għal xi tariffi li seta' stabbilixxa jew żied il-ministeru u/jew xi korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-Regolamenti tal-Wireless Telegraphy (Certificates of Operations) 1999, (Wireless Telegraphy Ordinance), il-Malta Maritime Authority introduċiet dawn id-drittijiet li jitħallsu lir-Reġistratur Ġenerali tal-Vapuri: 1. ħruġ ta' ċertifikat GMDSS jew ta' ċertifikat ta' endorsement b'għarfien ta' ċertifikat ta' GMDSS barrani - Lm50 2. ħruġ mill-ġdid jew validament mill-ġdid ta' ċertifikat GMDSS jew ċertifikat ta' endorsement - Lm25 3. eżami għall-ħruġ, ħruġ mill-ġdid, jew validament mill-ġdid ta' ċertifikat ta' GMDSS - Lm50 Barra minn hekk id-dritt għal eżami u ħruġ jew ħruġ mill-ġdid ta' ċertifikat RT (VHF biss) jew ċertifikat ta' endorsement b'għarfien ta' ċertifikat RT (VHF biss) barrani nbidel minn Lm10 għal Lm25.

Awtorita' Marittima — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' Marittima mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000 ġew impjegati dawn il-ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' Marittima: Draughtsman/Site Supervisor - deher l-avviż fil-gazzetti lokali nhar l-4 ta' Settembru 1999 wara li saret talba lill-Employment & Training Corporation u ma nstab ħadd addattat għall-post; Information Systems Support Executive - deher l-avviż fil-gazzetti lokali nhar id-9 ta' Frar 2000 wara li saret talba lill-Employment & Training Corporation u ma nstab ħadd addattat għall-post; Cleaner - fit-23 ta' Mejju 2000 wara talba lill-Employment & Training Corporation; Merchant Shipping Executive - 'Detailed' mis-Servizz Pubbliku skond il-provedimenti tal-Malta Maritime Authority Act.

San Pawl il-Baħar — Triq Desguenez

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana bil-progress ta' mistoqsija parlamentari numru 18923 dwar Triq Desguenez, San Pawl il-Baħar? X'sar mid-dipartiment tas-sanita' u x'inhija l-pożizzjoni tar-residenti llum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtoritajiet tas-Sanita stabbilixxew li parti mill-ilma li qed jikkaġuna l-ħsara ġej minn connection ta' Blokka Flats fil-viċinanza, u s-sid ta' din il-Blokka diġa ġie nfurmat biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Ġie stabbilit ukoll li hemm xi leakage ta' l-ilma u l-Korporazzjoni ta' l-Ilma qed tieħu passi biex din il-ħsara tissewwa wkoll.