Jista’ l-Ministru jgħid skont l-aħħar ċensiment kemm hemm djar li ma jirrisjedi ħadd fihom f’Għawdex u ċjoè li huma vojta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skond il-Census of Population and Housing 2011:Final Report, in-numru ta djar li ma jirrisjedi ħadd fihom f’Għawdex hu ta 5,996.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk uffiċjali pubbliċi jistgħux jipparteċipaw f’tenders pubbliċi? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan kienx dejjem il-każ jew jekk inbidlux xi regolamenti riċentement biex jippermettu dan?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda impediment fir-Regolamenti tal-2010 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li Uffiċjal Pubbliku ma jistgħax jipparteċipa f’tenders pubbliċi. Fil-fatt Uffiċjal Pubbliku jista’ jipparteċipa f’tenders pubbliċi, basta jiġu rrispettati il-prinċipji bażiċi ta’ non diskriminazzjoni, trattament ugwali u trasparenza, u basta ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess.
Min naħa l-oħra, uffiċjali pubbliċi għandhom obbligu li jirrispettaw il-kodiċi tal-etika speċjalment Artiklu 5 ta’ l-ewwel Skeda tal-Att tal-2009 dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, u l-provedimenti fuq xogħol privat u investimenti privati skond il-
Public Service Management Code
Kapitlu 7 partikolarment Artiklu 7.4. Dawn id-dokumenti fost affarijiet oħra jobbligaw Uffiċċjal Pubbliku li jikseb permess mingħand is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru kkonċernat jew taċ-
Chairman
/l-Uffiċċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-entità konċernata.
Fir-rigward tal-funzioni ta
Key Expert
, li qabel kienet speċifikament eskluża għall-Uffiċċjali Pubbliċi, issa ġiet mibdula permezz ta’
Policy Note
Numru 11 datata 13 ta’ Jannar 2015. Dan ġara wara numru ta’ sentenzi mogħtija mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi.
Jista’ l-Ministru jagħti t-total ta’ taxxa miġbura mit-Tax Compliance Unit għas-sena 2014 mhux biss f’terminu ta’ assessments imma wkoll it-total ta’ adjustments li saru minn taxpayers u allura d-dipartiment wasal biex ġabar dawk l-ammonti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-Tax Compliance Unit ma tiġborx taxxa, iżda hija nkarigata mili tagħmel investigazzjonijiet. Mill-investigazzjonijiet konkluzi matul is-sena 2014 jirriżulta li-l-istima ta' taxxi dovuti huma skont il-figuri indikati hawn taħt:
Assessments
€8,028,744
Adjustments €4,150,874
Taxxa addizzjonali fuq ommissjoni u nteressi €6,862,488 (dwar Taxxa fuq id-Dħul biss)
Informazzjoni ta’ kemm fil-fatt inġabret taxxa minn dawn il-każijiet ma tistax tingħata minħabba li:
· Numru kbir mill-
assessments
ikunu għadhom mhux finali u konklussivi peress li jkunu għadhom fi stadju ta’ oġġezzjoni;
· Numru ieħor ta’ każijiet ikunu ghadhom fil-proċess tat-Tribunal Amministrattiv;
· Oħrajn ikunu qed jinstemgħu fil-Qorti tal-Appell; u
· Numru ieħor ta’ każijiet fejn sar Aġġustament, wara li jkun intlaħaq ftehim, ikunu qed jistennew risposta wara li tkun saret talba biex ikun hemm riduzzjoni tat-taxxa addizzjonali u nteressi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu bħalissa fit-Tax Compliance Unit u x’inhu l-grad tagħhom? Kemm minnhom jagħmlu użu minn teleworking facilities / reduced hours? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ħaddiema li telqu f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba rigward nies li bħalissa qed jaħdmu mat-Tax Compliance Unit huma kif muri hawn taħt:
Grad
Numru ta' Persuni
Teleworking
Teleworking and Reduced Hours
Head Tax Compliance Unit
1
Senior Accountants
1
1
Accountants
14
7
1
Officer in Scale 11
1
Ħaddiema li telqu mit-Tax Compliance Unit matul dawn l-aħħar sentejn kienu tlieta, tnejn irrezenjaw u wieħed inħatar Direttur.
Dipartiment tat-Taxxi Interni – eżaminazzjoni tal-operat
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’kien l-eżitu tal-esperti li ġew mill-IMF sabiex jeżaminaw l-operat tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista’ jispjega x’wassal biex dawn l-esperti jiġu hawn u x’kienu d-defiċjenzi li rriżultaw?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt taħditiet li kellu l-Ministru għall-Finanzi ma' uffiċjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali ġiet diskussa l-possibilità li l-IMF jgħinu biex jiġi aċċelerat il-proċess ta l-integrazzjoni tad-dipartimenti tat-taxxa.
Wara ż-żjara tal-esperti mill-Fiscal Affairs Department tal-IMF qed titpoġġa għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-taxxa kull għajnuna speċifika f’dak li hu
project management
,
risk assessment
u
know-how
ieħor li d-dipartiment jista jirrikjedi.
Merger tad-dipartimenti tal-Inland Revenue Department, Vat u Tax Compliance
Question
Jista’ l-Ministru jispjega fiex wasal il-proċess tal-merger tad-dipartimenti tal-Inland Revenue Department, Vat u Tax Compliance? Meta huwa maħsub li dan il-merger jiġi fis-seħħ? Huwa ppjanat li jiżdied xi spazju sabiex id-dipartimenti jkunu lokalizzati kollha fejn xulxin? Huwa maħsub li l-istaff jiżdied?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’PQ 16620 u nikkonferma li d-Dipartiment tat-Taxxa ser ikompli bil-proċess bil-ħsieb li l-intergrazzjoni titwettaq fl-aħjar interess ta servizz effiċjenti u effikaċi.
Prolemi ta loġistika se jiġu ttrattati separatament.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-akkwist tal-ewwel kwart indiviż tal-proprjetà li saret referenza għaliha fil-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal The Sunday Times tal-Ħadd, 31 ta’ Mejju 2015 kienx suġġett għal spezzjoni mill-perit tal-Gvern? Jekk iva, jista’ jgħid x’valutazzjoni ta l-perit tal-proprjetà bil-prezz tas-suq skont il-liġi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15505, jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-għadd ta’ persuni li għandhom jirċievu dawn l-ammonti lura? Jista’ jgħid kemm huma minn Malta u kemm minn Għawdex?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li ħafna mir-rifużjonijiet imsemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15505, laħqu tħallsu lil persuni kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15506, jista’ l-Ministru jindika kemm huma l-għadd ta’ persuni li għandhom jirċievu lura dawn l-ammonti? Jista’ jgħid kemm huma minn Malta u kemm minn Għawdex?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Manutenzjoni tat-toroq permezz ta’ public/private partnership
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi mhu se jidħol ebda ħlas jew forma ta’ taxxa, kemm diretta u indiretta, jekk il-Gvern jagħżel li l-maintenance and upkeep tat-toroq isir permezz ta’ public private partnership?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15941, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ċekk ta' kumpens?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol imwettaq s’issa mill-Gvern dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna fl-użu tal-fondi taħt il-European Fund for Strategic Investments?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi MALTA ħadet sehem attiv fil-Project Team li sar fl-aħħar kwart tas-sena ’l oħra qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li verament hemm bzonn tal-EFSI. Il-proposti li ressqet MALTA qegħdin inklużi fir-rapporti finali li ħarġu l-EIB u li ntbagħtu lill-Kummissjoni.
Bħalissa għaddej xogħol biex l-EFSI titwaqqaf u tibda topera sal-aħħar tas-sena flimkien ma’ Advisory Hub u European Project Directory. Għalhekk s’issa m’hemmx każ ta’ użu ta’ fondi ta’ l-EFSI u anke meta jkun jaħdem dan il-mekkaniżmu mhux ser jagħti fondi forma ta’ grants iżda finanzjament ta’ natura risk bearing biex jimla vojt fis-swieq finanzjarji, iżda dawn ikunu fuq bażi kummerċjali.
Malta wkoll ħadet sehem attiv fl-ad hoc Working Party fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ddiskuta l-proposta leġislattiva tal-Kummisjoni biex jitwaqqaf dan il-European Fund for Strategic Investments, l-Advisory Hub, u l-European Project Directory.
Waqt it-taħdidiet li saru fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ġew identifikati l-aħjar modi kif għandu jkun hemm ko-operazzjoni bejn l-EFSI, l-EIB u l-banek nazzjonali tal-iżvilupp tal-pajjiżi membri.
F’dan is-sens Malta wkoll qed taħdem biex jitwaqqaf Bank Nazzjonali għall-Iżvilupp u proposti għal dan jitressqu fil-parlament dalwaqt.
Ix-xogħol fil-Kunsill tal-Unjoni issa ġie konkluż iżda l-abbozz għadu jrid jiġi eżaminat mill-Parlament Ewropew. Wara dan, jibdew in-negozjati trilaterali bejn il-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat dwar kif il-Gvern indirizza l-aħħar sett ta’ Country Specific Recommendations li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar pajjiżna?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Finanzi — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ġew ingaġġati ebda ħaddiema mill-Air Malta fil-perjodu stipulat fil-mistoqsija.
Ministeru għall-Finanzi – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Finanzi u d-dekasteru tiegħu ma għamlux użu ta interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ fil-perjodu kkonċernat.
It-tali servizzi jingħataw meta jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li għandha kundanna ta' ħtija mill-Qrati Kriminali fuq ħlas ta' VAT tistax jew setgħetx tibbenefika mill-emendi tal-Att tal-VAT li ġew fis-seħħ fil-5 ta' Novembru 2013?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li kellha kundanna ta’ ħtija mill-Qrati Kriminali fuq ħlas ta’ VAT setgħat tibbenefika mill-Att XIV tal-2013:
1. jekk dik il-persuna issottomettiet id-denunzja/denunzji (saħansitra anke mingħajr ħlas) qabel beda jiddekorri l-perjodu applikabbli li fuqu ġiet applikata multa
per diem
billi il-multa ġiet imħassra; u
2. fejn dik il-persuna baqgħet inadempjenti, il-multa ġiet ridotta minn €15 għal €5 kuljum.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.