Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant, bejn l-2004 u Marzu 2013, ingħatat ix-xogħol kif jidher fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:- Tabella 'A' - MEDE (Ministeru, Segretarjat Parlamentari u Direttorati) Tabella 'B' - Universita' ta' Malta

Dipartiment tal-Edukazzjoni — studentio tal-iskola Primarja ta' Għajnsielem

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux il-ħsieb li l-istudenti tal-iskola Primarja Anton Cassar f'Għajnsielem jiġu trasferiti għal skejjel oħra f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li l-istudenti tal-iskola Primarja Anton Cassar f’Għajnsielem jiġu trasferiti għal skejjel oħra f’Għawdex.

Child Care Centre – standards ta’ operazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ inhuma l-istandards mitluba biex xi ħadd ikun jista’ jopera Child Care Centre? Jista’ jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lid-dipartiment regolatur fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tfal ma ntbagħtux skola – persuni akkużati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li ġew akkużati talli ma bagħtux it-tfal l-iskola bejn is-snin 2008 - 2013 u mil-liema lokalità ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li l-informazzjoni għas-sena skolastika 2008-2009 ma tistax tingħata minħabba li l-informazzjoni li ntalbet bdiet tinġabar mid-Dipartiment Servizzi għall-Istudent mis-sena skolastika 2009-2010.

Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Question

Filwaqt li fil-prinċipju jista’ jkun hemm qbil dwar l-awtonomija, l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu kif indikati fl-Avviż Legali reċenti 192 tal-2014, Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497) Ordni tal-2014, jista’ l-Ministru juri kif din l-Aġenzija awtonoma se tikkollabora mill-qrib u b’mod regolari mad-Direttorat Ġenerali għall-Kwalità u Standards tal-Edukazzjoni, b’mod partikulari mad-Dipartimenti/Taqsimiet tad-Direttorat Ġenerali li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Litteriżmu fil-kuntest ġenerali u fl-aspetti differenti tal-Kurrikulu Nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Huwa maħsub li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tkun qed tixpruna u timbotta t-twettiq tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu. L-Istrateġija hija msejsa fuq il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-Aġenzija se tkun qed taħdem f’kollaborazzjoni sħiħa mad-Direttorat u mad-Dipartimenti relattivi. Dan diġa` qiegħed isir permezz ta’ laqgħat regolari li bdew bejn l-Aġenzija u d-Direttur Ġenerali tad-DQSE u d-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Il-ħidma favur il-Litteriżmu se ssir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Uffiċjali Edukattivi responsabbli għal-litteriżmu fi ħdan id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. M’hemm l-ebda ħsieb li tiġi dduplikata l-ħidma. L-Aġenzija se tfittex ukoll li tasal f’dawk l-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza tad-Direttorat bħal programmi għall-ewwel snin ta’ qabel il-kindergarten, dawk mal-familji u programmi ta’ wara l-ħin. Se tfittex li jkun hemm rabta sħiħa u kontinwita’ bejn il-programmi fl-iskejjel u dawk ta’ wara ħin l-iskola.

Avviż Legali 194 tal-2014 – Sector Skills Unit

Question

Rigward l-Avviż Legali 194 tal-2014, Att tal-Edukazzjoni (Kap.327), jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn is-Sectors Skills Unit mhux se jibqgħu jagħtu kwalifika sa livell 4?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Avviż Legali 194/2014 jgħolli l-livell minimu li jista’ jingħata mill-Livell 4 għall-Livell 5 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki, u għalhekk jinkludi l-possibilta` li t-Taqsimiet ta’ Ħiliet Settorali jagħtu rikonoxximent lil persuni fil-livelli kollha taħt il-Livell 5, inkluż il-Livell 4.

Pixxina Nazzjonali – kwalità tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm bdil fit-tip tal-kwalità tal-ilma li jintuża fil-Pixxina Nazzjonali ( fiż-żewġ vaski ) bejn April 2013 u Mejju 2014? Jista’ jikkonferma jekk tul l-istess perjodu inbiddlitx xi prassi ta' kif jiġi miżjud l-ilma fil-Pixxina Nazzjonali ( fiż-żewġ vaski )?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, fil-perjodu msemmi, ma jirriżultax li nbidel it-tip tal-kwalita` tal-ilma li jintuża fil-Pixxina Nazzjonali u lanqas jirriżulta li nbidlet il-prassi ta' kif jiġi miżjud l-ilma taż-żewġ vaski tal-istess pixxina.

Pixxina Nazzjonali – volum tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni / dettalji dwar il-volum ta' ilma li ntuża fil-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxina Nazzjonali – spiża tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-ilma għall-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski ) bejn April 2013 u Mejju 2014 ( xahar b'xahar ) u fl-istess waqt jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża tal-chlorine li ntuża fl-istess perjodu ( xahar b'xahar ) fiż-żewġ vaski?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxina Nazzjonali – riżultati tat-testijiet tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet tal-ilma li saru fil-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski) bejn April 2013 u Mejju 2014 mill-awtoritajiet konċernati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST – Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9755 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li ż-żewġ ċentri tal-MCAST li kien hemm f’Għawdex għal dawn l-aħħar snin, u li kienu nfetħu mill-Gvern preċedenti, ma jieħdux post iċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, li hemm ġewwa Għajnsielem? Jaf il-Ministru li dan iċ-Ċentru kien ra tkabbir sostanzjali, tiġdid u immodernizzar kemm fil-bini tal-post kif ukoll f’xiri ta’ makkinarju u apparat addattat għaċ-Ċentru b’finanzjament qawwi mill-Unjoni Ewropea u b’riżultat ta’ dan kollu mijiet ta’ studenti Għawdxin kienu segwew korsijiet varji li dan iċ-Ċentru offra minn sena għal sena? Filwaqt li naqbel li wieħed jikkonsidra t-tkabbir tal-MCAST ġewwa Għawdex, però jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pass għandux isir a skapitu ta’ proġett ieħor edukattiv li rnexxa kif jista’ jikkonferma kull minn żar dan il-post jew kull min kien student f’dan iċ-Ċentru, għaliex ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat se jdgħajjef u mhux isaħħaħ dan iċ-Ċentru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kampus il-ġdid tal-MCAST f’Għajnsielem għandu jikkonsolida l-progress li sar fit-tagħlim vokazzjonali. Huwa ppjanat li t-taħriġ fis-snajja` u t-tagħlim vokazzjonali jiġi ffukkat f’dan il-Kampus biex isir Ċentru Vokazzjonali għal Għawdex. It-tagħlim li kien isir f’Għajnsielem ser jiġi ri-organizzat ġewwa x-Xewkija biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-Arti u ta’ ħiliet oħra mingħajr ma jiġu ddupplikati l-korsijiet fiż-żewġ entitajiet.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet tal-għażla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kienu ċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X' rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li ġew assenjati lilhom il-pożizzjonijiet vakanti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9545.

Skola tal-Arti f Għawdex — konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ikkonsultax mal-Kap tal-iskola tal-Arti f' Għawdex u l-għalliema qabel iddeċieda li jmexxi din l-iskola minn Għajnsielem għax-Xewkija? Jekk iva kif saret din il-konsultazzjoni u meta? Saret konsultazzjoni mal-Union tal-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru kkonsulta mad-Direttorati u mat-tmexxija tal-MCAST dwar il-pjanijiet għal kampus ġdid tal-MCAST f’Għajnsielem. Peress illi l-kundizzjonijiet tal-għalliema f’din l-iskola ma nbidlux, ma nħassx li kien hemm il-ħtieġa li ssir konsultazzjoni mal-Union tal-għalliema f’dan l-istadju tal-proċess.

Skola tal-Gżira – Childcare Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex iċ-Childcare Centre fl-Iskola tal-Gżira li kien qiegħed isir xogħol fuqu mill-Gvern Nazzjonalista u li kien ippjanat li jinfetaħ fl-2013 għadu mhux qiegħed jilqa' tfal fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Childcare Centre fl-iskola primarja tal-Gżira beda jilqa’ t-tfal mill-14 ta’ April 2014.

Bini ta’ skejjel ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se jibni l-iskejjel ġodda li kien wiegħed fil-bidu ta' din il-leġislatura? Jista' jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq l-ewwel skola ġdida u meta din mistennija li tibda tilqa' l-istudenti fiha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Dwar fejn se jinbnew skejjel ġodda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 3145 u 3158. Madankollu, qegħdin nibnu wkoll l-Iskola Nazzjonali tal-Isport ġewwa Pembroke. Din id-deċiżjoni ttieħdet fuq bażi ta' neċessitajiet u prijoritajiet. Fil-fatt diġà ġie ppublikat it-tender tal-kostruzzjoni ta' din l-iskola u huwa mistenni li din se tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2015/2016.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant, bejn l-2004 u Marzu 2013, ingħatat ix-xogħol u nxtara materjal mingħandha kif jidher fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella 'A' - Ministeru, Segretarjat Parlamentari u Direttorati Tabella 'B' - Kulleġġi - Direttorat għal Servizzi Edukattivi Tabella 'C' - MCAST Tabella 'D' - Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada Tabella 'E' - Kunsill Malti għall-iSport

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-isem tad-ditta tal-persuna li qed jirreferi għaliha.

Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sports — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-isem tad-ditta tal-persuna li qed jirreferi għaliha.

ETC – Person in Disadvantaged Situation

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8544 mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, jista’ l-Ministu jispjega x’inhuma l-kriterji applikati mill-ETC sabiex persuna tkun ikklassifikata bħala Person in Disadvantaged Situation? Jista’ jgħid tintalabx fedina penali mill-persuni li jirreġistraw mal-ETC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li persuna tkun ikklassifikata bħala Person in Disadvantaged Situation għax hi tiddikjara li jew: · Għandha Diżabilità · Kienet tagħmel użu ta’ sustanza/sustanzi illegali · Kienet skontat sentenza ta’ Ħabs · Tkun qed tingħata l-għajnuna ta’ Social Worker Persuni jigu kklassifikati b’dan il-mod skont il-volontà tagħhom. Fedina penali u kondotta ma jintalbux minħabba li l-Att tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni ma tippermettix dan.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant ma ngħatat ebda xogħlijiet bejn l-2004 u Marzu 2013.