Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol qiegħed jagħmel id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Kunvent ta' l-Ursolini fil-Belt? Kif ġie kkummissjonat dan ix-xogħol u x'inhu stmat li hu l-valur tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qiegħed jiġi ffinalizzat mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-kunvent ta' l-Ursolini fil-Belt huwa ta' manutenzjoni normali, inkluż dak ta' madum. Ix-xogħol ġie kkummissjonat mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni. Ix-xogħol huwa stmat li jiswa, mingħajr l-element tal-pagi, madwar LM385.00.
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma sar l-ebda kuntratt jew 'Direct Order' ta' ġarr ta' għamara fil-perjodu bejn l-10 ta' Settembru sal-31 ta' Ottubru 1998 fid-dekasteru li għalih responsabbli jiena.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħti t-tarmak jew concrete fejn hemm l-oqbra fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid peress li jiġi ffrekwentat minn ħafna anzjani?
Hemm il-ħsieb li jitwaħħlu aktar bankijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġetti ta' upgrading li nbdew din is-sena u ma tlestewx f'Buġibba phase II humiex se jitkomplew is-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda xogħol li kien inbeda f'Buġibba m'huwa se jitwaqqaf.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala Ministru għall-Ambjent mill-5 ta' Settembru 'l hawn kelli stedina mill-Ambaxxata ta' l-Istati Uniti fejn mort Sigonella u wara abbord il-USS Eisenhower u rritornajt lura Malta fl-istess jum. Jien kont akkumpanjat mis-Sur Robert Engerer. Ma kien hemm ebda spejjeż involuti f'din is-safra. Jien kont imdawwar mal-USS Eisenhower mill-Captain H.D. Starling II u mir-Rear Admiral Scott Fry.
Barra minnhekk, bejn is-6 u t-8 ta' Novembru 1998 mexxejt delegazzjoni f' Ruma u f'Bologna ghal taħdidiet rigward 'waste management', kif ukoll rigward proġett ta' konservazzjoni u riabilitazzjoni ta' diversi siti storiċi f'pajjiżna.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi lill-perit Vincent Cassar, Direttur Generali, Taqsima tax-Xogħlijiet, il-perit Kevin Gatt Assistent Personali u Charles Callus Communications Co-ordinating Officer fil-Ministeru. Ingħaqad ukoll mad-delegazzjoni Maltija il-Professur Alex Torpiano biex jirrappreżenta l-Universita' ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-Proġett tal-Kottonera? Meta hemm il-ħsieb li jiġu finalizzati d-diskussjoniiet mal-consortia?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-diskussjonijiet dwar il-proġett tal-Kottonera għadhom qegħdin isiru u kif dawn ikunu waslu fi stadju avvanzat il-Gvern ikun jista' jagħti l-informazzjoni kollha dwar l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' Manoel Island?
Meta se jiġu mitmuma d-diskussjonijiet mal-consortium MIDI?
Meta hu ppjanat li jinbeda l-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant jieħu pjaċir jinnota illi n-negozjati bejn il-Gvern u l-MIDI Consortium għaddejin fuq bażi regolari u sa issa sar progress sostanzjali. Madankollu għad hemm xi proċeduri li għad irid isir ftehim fuqhom fosthom il-każi tal-'vacant possesion'.
Madankollu l-Gvern għadu ottimist li n-negozjati jiġu konklużi sa tmiem din is-sena. Il-bidu tal-proġett huwa kkundizzjonat mill-approvazzjoni neċessarja ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar filwaqt li nawgura li nkunu nistgħu naraw il-bidu tal-proġett fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal?
Meta se jiġu mitmuma d-diskussjonijiet mal-consortia konċernati?
Meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat miċ-Chairman tal-Valletta Cruise Terminal Development Steering Committee, li l-Consortia li kienu ġew short-listed kellhom jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom sa' l-aħħar ta' Ottubru 1998, kif fil-fatt għamlu.
Issa l-kumitat se jibda l-proċess ta' evalutazzjoni biex ikun jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' l-Opera House? Jista' jgħid kif se jipproċedi l-gvern fuq dan il-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif diġa tħabbar, il-Gvern huwa mpenjat illi s-sit ta' l-Opera House jiġi żviluppat primarjament għall-użu ta' kultura u kif ukoll diġa' tħabbar l-ewwel li se jsir huwa li tiġi formulata l-masterplan ghal dik l-area tal-Belt kollha inkluż ukoll l-entratura prinċipali li jistħoqqilha li tieħu dehra u xejra oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi (fid-distrett ta' Ħaż-Żebbuġ) li ġew trasferiti bħala watchmen: 1) fiċ-ċimiterju ta' Sant'Andrija, Ħaż-Żebbuġ; 2) fil-ġnien indipendenza, f'Siġġiewi Road, Ħaż-Żebbuġ; fil-ġnien ta' l-infetti fi Triq Lorenzo Gafa', f'Ħaż-Żebbuġ?
Jista' l-Ministru jgħid meta dawn il-persuni ħadu l-appointment ta' watchman? Minn liema data? X'inhuma l-ħinijiet li jaħdmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li madwar sena ilu, id-distrett ta' Ħaż-Żebbuġ irċieva ordni mill-Ministeru biex ħaddiem partikolari jiġi trasferit bħala watchman fiċ-Ċimiterju ta' Sant' Andrija, Ħaż-Żebbuġ.
Dan għadu jattendi f'dan iċ-Ċimiterju għax-xogħol.
Il-ħinijiet li jaħdem huma dawk normali bħall-impjegati l-ohra, jiġifieri, bejn is-7.00 ta' filgħodu u l-4.45 ta' filgħaxija kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
L-ebda appointment ta' watchman ma ġie mogħti lil dan l-individwu għaliex għandu grad ogħla minn watchman.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xogħol neċessarju biex jilqa' kontra ilmijiet u l-bini ta' culvert fi Triq il-Karmnu, Alley 4, f'Ħal-Luqa, huwiex se jsir immedjatament qabel ma jidħol l-istaġun tax-xita bil-qawwi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li xi ftit ġimgħat qabel Settembru 1998 kien sar ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa li kellu jibni sistema ta' l-ilma tax-xita bejn l-isqaq imsemmi u l-ġibjun li jeżisti fi Triq Tal-Karmnu.
Il-ftehim kien jinkludi li filwaqt li l-Kunsill jagħmel ix-xogħol, id-Dipartiment kellu jipprovdi l-katusi u l-concrete ghal dan ix-xogħol.
Sal-lum id-Dipartiment ghadu ma ġiex avviċinat mill-Kunsill Lokali sabiex jingħata bidu għax-xogħol.
Peress li fi Triq Santa Tereża kantuniera ma' Triq Matty Grima, f'Bormla hemm problema ta' ilma ħiereġ minn taħt l-art u kemm-il darba saru tentattivi sabiex dan ix-xogħol jissewwa, jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol isir u fl-istess ħin tissewwa l-istess bankina li ilha maqlugħa għal ħafna żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu direttament lill Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li l-Ministeru tiegħu jkompli jħaddem is-sistema tal-composting Eco Pod li bdiet titħaddem fl-Impjant ta' Sant'Antnin mill-gvern preċedenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru qiegħed fl-istadju li janalizza sistema tal-'composting Eco-pod' u sistemi oħrajn li qiegħdin jiġu offruti qabel jiddeċiedi liema sistema titħaddem fl-Impjant ta' Sant' Antnin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi ħsieb li l-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' l-Iskart solidu ta' Sant'Antnin jerġa' jiġi mogħti lill-privat biex iħaddmu taħt kuntratt mill-Gvern?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru f'dan l-istadju m'għandux il-ħsieb li l-Impjant ta' Sant'Antnin ikun mogħti lill-privat biex jitħaddem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tunnellati ta' skart domestiku ġew composted fl-Impjant ta' Sant'Antnin f'dawn l-aħħar xahrejn u jgħid jekk kienx hemm jew għadx hemm complaints mir-residenti ta' l-irħula qrib dwar intejjen jew irwejjaħ ħerġin mill-impjant?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' skart domestiku li ġie proċessat fl-Impjant ta' Sant' Antnin matul dawn l-aħħar xahrejn kien ta' 2,315 tunnellata.
Mir-records tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jiriżulta li l-persentaġġ tal-ħin li nxtammet riħa tinten mill-viċinanza ta' l-Impjant tal-Kompostaġġ ta' Sant' Antnin f'dawn l-ahhar xhur kien hekk:
Ġunju 1998 - 8.75%
Lulju 1998 - 8.33%
Awissu 1998 - 29.03%
Settembru 1998 - 5.55%
Ottubru 1998 - 0.4% (riżultat parzjali)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tas-Sur Schiavone li ġie trasferit mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għal mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wara l-elezzjoni li għaddiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-rwol ta' Hermann Schiavone, wara li dan ġie ttrasferit mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għal mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, huwa ta' Works Manager fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma kien hemm l-ebda ħatra ta' Direttur fid-dekasteru tiegħi mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-istaff tas-segretarjat privat tiegħu?
X'inhu r-rwol ta' kull impjegat?
Liema huma l-persuni ngaġġati b'kuntratt?
X'inhuma l-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluż paga, allowances u benefiċċji oħra ta' kull impjegat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward tas-Segretarjat Privat ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu ġie ffirmat ma' l-individwi konċernati u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 81.
Fid-dawl tas-sejba tas-siringi fiċ-Ċentru ta' Ta' Qali, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minnhom biex jassigura li l-post ikun nadif u safe għat-tfal li jiffrekwentawh?
Peress li l-post huwa dejjem mgħasses, il-Ministru għamel xi investigazzjoni biex jara kif abbuż mid-droga jidher li qed isir f'post magħluq u sorveljat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.