Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Photocopy machines
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-Ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Photocopy machines li għandhom id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd huma dawn:
Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Olivetti 1990 Lm926
Xerox 1993 Lm1400
Dipartiment ta' l-Agrikoltura:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Canon 1989 Lm950
Konica 1998 Lm450
Mita DC1655 1981 Lm800
Mita 1855 1994 Lm1500
Konica 1212 1996 Lm420
Olivetti 7147 1992 Lm1000
Canon 1990 Lm950
Konica 1212 1997 Lm450
Mita CC50 1995 Lm517
Olivetti 7147 1994 Lm520
Mita CC30 1997 Lm250
Mita CC30 1997 Lm250
Mita CC30 1997 Lm250
Mita CC50 1995 Lm517.50
Konica 1212 1997 Lm450
Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Cannon 1994 Lm150 (Din mhix taħdem)
Cannon 1997 Lm650
Sanjo 1997 Lm275
Mita DC1555 1996 Lm895
Dipartiment tas-Servizzi Veterinarju:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Mita 1995 Lm920
Konica 1997 Lm310
TA 2212 1991 Lm600
Segretarjat Permanenti:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Konica 115Z 1994 Lm885
Segretarjat:
Ditta Meta nxtraw Prezz
Mita DC2355 1996 Lm1495
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa t-tunnellaġġ tal-laħam tal-Beef Intervention Scheme li qed jinħażen fil-cold rooms tal-Biċċerija? X'kienu r-raġunijiet li qed jinħażen dan il-laħam u xi prezz kien qed iġib dan il-laħam taċ-ċanga qabel il-5 ta' Settembru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:
1. Il-piż tal-laħam tal-Beef Intervention Scheme maħżun fil-Cold Rooms tal-biċċerija huwa ta' 67,537kg li minnu 21,837 huwa mibjugħ. Filwaqt illi 45,700kg ma huwiex.
2. Ir-raġuni għaliex dan il-laħam ma mbieħx hija illi t-tender li ħarġet is-sena l-oħra għalqet u għal din is-sena għalkemm ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti, ma offra ħadd.
3. Il-prezz ta' l-offerta tas-sena l-oħra kien ta' 78c5 kull kilo.
Pero ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu mistħarġa ċertu possibilitajiet li permezz dan il-laħam jinbiegħ bi prezz raġjonevoli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pjanti arbuxelli, siġar, naħal, eċċ tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li nqerdu bil-maltemp matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Liema kienu dawk is-snin li ftit li xejn seta' jsir tħawwil ta' siġar minħabba l-maltemp matul il-perjodu hawn fuq imsemmi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-sena 1995 minħabba x-xita kontinwa ma ġew irraportati l-ebda problemi fit-tħawwil ta' pjanti, arbuxxelli u siġar, pero fil-mixtla ta' Wied Inċita kien hemm rapport li mietu 7 frieħ ta' naħal.
Matul is-sena 1996 ukoll ma kien hemm ebda rapport li nqerdu pjanti, arbuxxelli w siġar u l-anqas frieħ tan-naħal minħabba l-maltemp.
Matul is-sena 1997 ukoll ma kellna l-ebda rapporti ta' qerda ta' pjanti, arbuxxelli w siġar u l-anqas frieħ tan-naħal.
Matul is-sena 1998 kellna dawn ir-rapporti:
Fil-mixtla ta' Wied Inċita intilfu 72,186 ta' xitel li kienu 3,866 Argyanthemum, 3,741 Ariplex, 1,639 Geranium, 3,987 pjanti li jagħmlu l-fjuri, 187 Latania, 1,833 Ċupressus, 203 Olea, 2,365 Pinus, 467 Sapindus, u 3,898 Thuya u kif ukoll 50,000 xitel żgħar li tkaxxkru bil-maltemp. F'Wied Inċita wkoll fl-istess sena nqerdu ħames kaxxi tan-naħal. Barra min hekk, fl-istess sena wkoll il-kanal li minnu jgħaddi l-ilma tax-xita, tat-triq tar-Rabat instad u l-ilma beda dieħel għal ġo Wied Inċita Nursery, għadda min ġol mixbħa u baqqa sejjer għal ġol wied. Miegħu kaxkar kemm felaħ kaxxi kemm bin-naħal kif ukoll vojta. Frieħ tan-naħal mietu erbatax. Dawn ma kienus propjeta tal-Gvern biss iżda fosthom kien hemm ta' terzi persuni. Fl-istess sena wkoll saru xi ħsarat minima fil-mixbħa tar-Rabat u f'dik tal-Mellieħa.
Fl-1997 u fl-1998 il-maltemp fixkel il-programm ta' taħwil.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 3686, jinforma lill-Kamra b'kemm hemm ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tieni distrett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għandu tlettax il-ħaddiem jaħdmu full-time f'dan id-distrett. Hemm ukoll 'team' ta' wieħed u għoxrin ħaddiem li jagħmel parti mix-xogħol f'parti mit-tieni distrett. Min-naħa l-oħra x-xogħol ta' żabra jitwettaq minn parti ta' sezzjoni ta' għoxrin persuna li tieħu ħsieb Malta kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema jaħdmu fis-settur ta' l-agrikoltura fulltime u part-time?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fis-settur tal-Agrikoltura u Sajd f'Settembru 1998 kien hemm 2,582 ħaddiem full-time. Skond iċ-Ċensiment li sar f'Settembru 1991 fis-settur tal-Agrikoltura kien hemm 21,418 part-timers.
Ministeru tal-Biedja u Sajd — Linji diretti tat-telephones
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Linji tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta, fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd huma kif jidher hawn taħt:
Fid-dipartiment tas-Servizzi Korporattivi hemm tlieta, tnejn minnhom jintużaw bħala fax.
Fid-dipartiment ta' l-Agrikoltura hemm ħamsa, tnejn minnhom jintużaw bħala fax.
Fid-dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd hemm erba' linji, waħda minnhom tintuża bħala fax.
Fid-dipartiment tas-Servizzi Veterijarju hemm tnejn, waħda tintuża bħala fax u l-oħra bħala modem.
Is-Segretarjat Permanenti għandu tliet linji b'aċċess dirett għall-barra u waħda minnhom tintuża bħala fax.
Fis-Segretarjat hawn sitt linji diretti, tnejn minnhom jintuzaw bhala fax.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4517 dwar l-iżvilupp li sar fil-Food Romm fl-NAC?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ewwel live food room ġiet żviluppata fl-1992 bħala parti ntegrali mill-iżvilupp oriġinali tal-hatchery. Fl-1995 ġie deċiż li l-hatchery tiġi mkabbra biex jiġu mkabbra l-opportunitajiet għar-riċerka (per eżempju ma kien għad hemm vaski kbar biżżejed biex isiru esperimenti ta' tfaqqis ta' speċi ta' ħut kbir bħall-aċċjol) u wkoll biex tiżdied il-produzzjoni tal-frieħ tal-awrat. Bħala parti minn dan il-programm ta' espansjoni inbniet it-tieni broodstock room (kamra b'vaski għall-ħut ġenitur) u t-tieni live food room. Sa Gunju tal-1998 it-tieni broodstock room tlestiet u ġiet mgħammra bil-ġenituri tal-awrat u l-aċċjol. Sa l-aħħar tal-1996 it-tieni live food room kienet prattikament lesta ħlief għal xi xogħolijiet żgħar li kien jonqos fl-elettriku u l-cold room kien għad trid tiġi attrezzata bit-tagħmir meħtieġ li jżomm it-temperatura mixtieqa. Dawn ix-xogħolijiet ħadu sal-aħħar tal-1997 biex tlestew. Ix-xogħol li sar fuq l-elettriku fl-1997 kellu jiġi rivedut għax ma sarx kif kellu jsir.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Urban & Rural Landscaping
Question
Peress li matul l-amministrazzjoni preċedenti kien qed isir kordinament bejn diversi kunsilli lokali u l-Urban & Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u fost dawn kien hemm ukoll il-lokal tar-Rabat, jista' l-Ministru jikkonsidra li jkomplu x-xogħlijiet ta' landscaping fir-Rabat partikolarment fi Triq Santa Rita, Rabat, Howard Gardens u l-proġett ta' ġnien rikreattiv f'Għajn Qajjed Housing Estate?
Response (ZAMMIT, NINU)
Koordinament bejn diversi kunsilli lokali u d-Dipartiment tal-Agrikoltura jsir regolarment kemm dwar proġetti kif ukoll dwar manteniment ta' żoni partikolari. Ix-xogħolijiet isiru skond il-fondi u l-ħaddiema disponibbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4519?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-produzzjoni tal-ħut (fingerlings) fil-NAC qabel Ottubru ta' 1996 kienet kif ġej:
Sena Produzzjoni
1992 33,000
1993 251,000
1994 493,250
1995 1,263,814
1996 (qabel Ottubru) 709,687
Wara li l-Public Accounts Committee stħarreg il-każ sa fejn setgħa, dan l-istess kumitat irrifera l-materja kollha ta' ħlasijiet u nfiq minn dan iċ-ċentru lill-Awditur Generali li jirrapporta r-riżultat tal-istħarriġ tiegħu lill-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid kif proċedura li daħlet bi prova fi żmien Gvern Nazzjonalista, li tirrigwarda ħlasijiet tal-levy ta' 3mls fil-Lm1 u li taqa' taħt ix-xerrej, pitkal u bidwi, għada fis-seħħ sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din il-levy daħlet permezz tar-regolamenti tal-1989 dwar Drittijiet imħallsin f'Ċentri tal-Bejgħ ta' Prodotti tal-Biedja u kienet intenzjonata biex tiffinanzja skema ta' kaxxi ġodda u nodfa għal ġarr u bejgħ ta'ħaxxi.
Sal-ġimgħa l-oħra stess ġiet inawgurata uffiċjalment magna tal-ħasil tal-kaxxi ġdida fil-Pitkalija. Dawn il-flus jintuzaw ukoll għall-spejjeż tal-ħasil tal-kaxxi, u xiri ta' kaxxi ġodda skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinbena fabbrika ġdida tal-produzzjoni tal-ħalib? Fejn se tinbena? Kemm se tkun kbira? X'se tkun il-kapaċita' produttiva tagħha? Kemm se jiswa l-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġie ddentifikat sit ta' xi 3.7 ettaru biex tinbena l-fabbrika l-ġdida tal-ħalib. Hu ppjanat li l-fabbrika jkollha kapaċita' ta' iżjed minn 35,000 gallun ħalib kulljum. Dan il-proġett għandu jqum madwar Lm8 miljun. Dalwaqt jibdew il-konsultazzjonjiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar is-sit identifikat.
B'riferenza għall-makna ġdida tal-ħasil tal-kaxxi tal-bdiewa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ħarġet it-tender għal din il-makna, kemm-il darba ħarġet din il-makna u meta ġiet stallata din il-makna?
Kemm fil-fatt swiet din il-makna fi flus lill-kumpannija konċernata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 305 magħmula mill-istess Interpellant fuq l-istess suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwantitajiet u x'valur ta' ikel ta' ħut inxtara sena b'sena mill-1992 sa l-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut?
Kemm skond in-normi ta' dan l-ikel kellu jkun il-piż tal-ħut sena b'sena u kemm fil-fatt inbigħ f'piż sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Kwantitajiet u l-valur ta'ikel ta' ħut li ġie mixtri sena b'sena mill-1992 sal-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut qed jiġu mgħotija f'tabella 1.
Tabella 1
Kwantitajiet u valur ta' ikel ta' ħut li nxtara mill-NAC għat-tkabbir tal-ħut:
Sena Kwantita' Valur
(Kg) (Lm)
1992 35,000 14,365
1993 15,500 6,296
1994 19,500 7,951
1995 - -
1996 - -
1997 - -
TOTAL 70,000 Lm28,612
Skond l-ammont ta' ikel li nxtara mis-sena 1992 sal-1994, il-produzzjoni ta' ħut mistennija kella tkun madwar 28,000 kgs. Dan l-estimi huwa bbażat fuq informazzjoni xjentifika. It-tip ta' ikel li nxtara, jidher illi l-ħut mkabbar f'dan il-perjodu kienu Tilapia, Spnott, Awrat u Sallur. Ma nistgħux ngħatu l-produzzjoni tal-ħut sena b'sena għax il-ħut idum aktar min sena biex jitkabbar (market size) u m'għandniex records ta' kemm ġie użat ikel sena b'sena.
Kemm fil-fatt mbiegħ piż sena b'sena qed tingħata f'tabella 2.
Tabella 2
Records ta' bejgħ ta' ħut:
Sena Piż (kg)
1992 2,288.90
1993 949.50
1994 477.60
1995 34.50
1996 -
1997 -
TOTAL 3,750.50
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4518 dwar is-sistema tal-grading tal-fingerlings li jinħarġu mill-NAC?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-grading tal-ħut hija proċedura li hija rrakomandata li ssir tul il-ħajja tal-ħut imrobbi fil-fish farms. Kif u meta dan isir jiddependi skond iċ-ċirkostanzi attwali ta' kull farm. Dan il-grading jew għażla jsir biex ħut ta daqs uniformi dejjem jiġi mrobbi flimkien biex b'hekk jiġi evitat il-kannibaliżmu (cioe' il ħut kbir jiekol ħut żgħir) u biex il-ħut jikber aktar uniformi. Fil-grading jiġi wkoll magħżul ħut li jkollu xi forma ta' difett.
Fiċ-Centru Nazzjonali tal-Akwakultura l-prattika tal-grading ġiet imdaħħla sa mill-bidu anke fl-ewwel snin meta kienet titrabba t-Tilapia; difatti sa llum wieħed jista jsib tilari tal-injam li kienu ġew maħduma apposta biex tiġi graded it-Tilapia.
Meta beda jitfaqqas l-awrat (1992) kienu ġew impurtati graders apposta li jintużaw barra minn Malta (huma speċi ta' tilari apposta ta' daqsijiet differenti skond l-eta' tal-ħut) u dawn għadhom jintużaw sa llum. Il-grading huwa proċess li suppost għandu jibqa jsir anke wara li l-ħut jiġi trasferit fil-gaġġeġ dejjem skond iċ-ċirkostanzi ta kull farm.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4516 dwar sistema tad-dawl perikoluża fl-NAC?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf iżjed minn kullħadd li minkejja li fi żmienu nxtraw 'chillers' u minkejja l-fatt li kient saret ħafna propaganda dwar l-istess 'chillers' l-amministrazzjoni preċedenti l'anqas biss ħadet il-passi neċessarji biex dan l-apparat ikollu 'supply' ta' ellettriku adekwata.
Barra minn hekk, minkejja l-ħafna stqarrijiet fl-ajru, dan iċ-'chiller' għadu ma jistgħax jintuża peress li fis-sentejn li għaddew ma ġewx installati 'switchboards', 'transformers' etc. apparat bażiku u neċessarju għat-tħaddim taċ-'chillers'.
Niffeferi wkoll għar-risposta li diġa tajtu għad-domanda 2794.
Jista' l-Ministru jara li l-ġnien Pawlu Boffa, f'Raħal Ġdid jitnaddaf, titneħħa l-kitba minn fuq il-ħitan u tingħata dehra aktar attraenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ġnien Pawlu Boffa, f' Raħal Ġdid mhux inkluż fil-kuntratt li l-Kunsill ta' Paola għandu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u għalhekk jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali.
Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Infiq ta' flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4683.
Sakemm ma ninagħtax raġuni valida 'l-għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jinagħta r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.