Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi fost il-bdiewa Maltin u Għawdxin? Kemm hemm il-ħsieb li jitwaqqfu minn dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk inġabux xi Taljani biex jgħinu fit-twaqqif ta' dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk il-korsijiet u t-taħriġ li għamlu kienx bit-Taljan u jekk min attenda għalihom kienux kollha jafu bit-Taljan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Ġunju 2002 ġie ppubblikat l-Att Nru. IX ta' 2002 li jirregola it-twaqqif ta' l-għaqdiet tal-produtturi. Sussegwentament inħarġet legal notice (LN 62/2004) li tagħti aktar dawl fuq l-istess Att. M' hemm l-ebda limitu ta' kemm jistgħu jitwaqqfu għaqdiet tal-produtturi dment li jirrispettaw l-istess Att, pero' fil-kuntest lokali in-numru ta' l-għaqdiet tal-produtturi li jistgħu jitwaqqfu jista' ma jkunx kbir ħafna. Interess fost il-bdiewa hawn, tant hu hekk li taħt il-pre-accession aid biex jitwaqqfu għaqdiet ta’ produtturi applikaw erbgħa u l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi pproċessata. L-applikazzjonijiet għal skemi simili post-accession dalwaqt jinfetħu.
Permezz tal-V Protokol Taljan, l-Istituto Agronomico Mediterraneo (IAM) ta' Bari qiegħed jorganizza programm ta' informazzjoni u taħriġ, li jkopri ix-xhur ta' Ġunju u Lulju dwar it-twaqqif u l-immaniġġjar ta' għaqdiet tal-produtturi fil-kuntest tal-biedja. Is-suġġetti li qed ikunu ttrattati jieħdu in konsiderazzjoni kull aspett tal-liġi lokali, kif ukoll dik ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-korsijiet ta' taħriġ tista' tintuża sew il-lingwa Taljana kif ukoll Ingliża. F' każijiet fejn xi ħadd ma jifhimx bit-Taljan (f' dan il-każ kienet persuna waħda), jien infurmat li ssir traduzzjoni għal Malti mill-uffiċċjali tal-Ministeru.
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' sussidji se jingħataw il-bdiewa lokali? Fuq liema prodotti? Kemm se jkun dan is-sussidju? Kif se jinħadem il-livell tas-sussidju lil kull bidwi? Meta hu maħsub li jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija nru. 3157, fejn jista’ jsib it-tagħrif mitlub dwar it-tip u l-ammont ta’ sussidji li se jingħataw lill-bdiewa lokali matul din is-sena. Il-metodu kif jinħadem il-livell ta’ dawn is-sussidji lil kull bidwi jvarja minn settur għal ieħor, iżda, f’ kull każ huwa marbut mal-livell ta’ produzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li applikat għal xogħol - file no: PA 6986/99 - inħarġilhiex refusal għat-talba tagħha? Meta wasal għand din il-persuna dan ir-refusal? X'passi se tieħu l-MEPA biex tinforza d-deċiżjoni tagħha dwar ix-xogħol illegali li sar f'dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikant irċieva r-Refusal Notice mingħand l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-27 ta' Mejju 2004, wara diversi attentati. L-applikant għandu tletin (30) ġurnata mid-data tas-27 ta' Mejju 2004 sabiex jissottometti Appell quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar. Fl-assenza ta' dan, il-MEPA taddotta l-proċeduri normali kif stipulat mill-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tipproċessa l-appell PA 0726/01 għax id-dewmien li jsir ix-xogħol meħtieġ qed iwassal għal tbatija kbira għall-persuna anzjana li ma tistax titla' taraġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li rigward l-appell PA 0726/01
· l-appell ġie deċiż fis-16 ta' April 2004.
· Fl-10 ta' Mejju 2004, intbagħtet ittra lill-Perit ta’ l-applikant sabiex jissottometti żewġ pjanti.
· Dawn waslu fl-uffiċċju tal-Bord ta' l-Appell nhar il-Gimgħa 11 ta' Ġunju 2004 u ġew iffirmati miċ-Chairman tal-Bord dak inhar stess.
· Fis-16 ta' Ġunju, is-Sanitary Engineering Officer bagħat il-file lura lill-Bord ta' l-Appell li għadda l-file lis-Segretarju tad-Development Control Commission (DCC) sabiex toħroġ il-permess.
Jista' il-Ministru jgħid liema inħawi f'Malta u Għawdex hemm il-ħsieb li jiġu kklassifikati bħala special area of conservation u liema bħala special area of protection skond direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet għal skrutinju pubbliku numru ta’ siti. Preżentament il-Gvern qed jevalwa s-siti proposti u fi żmien qasir ikun hemm deċiżjoni.
Peress li kostitwenti li jixtiequ jixtru proprjeta' fi Triq Salvu Buhagiar, Wied il-Għajn għandhom bżonn ċertifikat mill-MEPA biex jottjenu self għal dak l-iskop u peress li l-proprjeta' taħbat fit-tielet sular u d-DCC riċentement ċaħħdet applikazzjonijiet għat-tielet sular f'dik it-triq, jista' il-Ministru jinvestiga għaliex meta hemm proprjetajiet bi tlieta u anke erba' sulari f'dik it-triq u dawn għandhom is-servizzi ta' l-ilma u tad-dawl, il-MEPA qed titlob lill-istess kostitwenti biex imorru fl-uffiċċju tagħhom biex jingħataw ċertifikat tat-twettiq għall-iskop imsemmi? Għaliex talbiet ta' din ix-xorta ma jistgħux jinqdew anke bis-servizz tal-mezzi elettroniċi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li servizz ta' dawl u ilma huwa pprovdut wara li l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) taċċetta id-dikjarazzjoni tal-perit li l-iżvilupp sar skond il-permessi relevanti.
Dawn id-dikjarazzjonijiet jirrikjedu s-sottomissjoni ta' dokumenti awtentiċi minn perit, liema dokumenti, wara verifikazzjoni mill-Awtorita', huma meħtieġa sabiex wieħed japplika għal servizz ta' dawl u ilma. Sistema elettronika li tista’ tiffaċilita dan hija ppjanata li sseħħ bħala parti mill-programm ta' eGovernment.
Jista’ il-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li wara li erba’ veterinarji mill-Ġermanja offrew is-servizzi tagħhom bla ħlas lin-National Cats Society, il-veterinarji tal-Gvern f’Malta qed jheddu li jieħdu passi kontra tagħhom? F’każ li jirriżulta li dawn ir-rapporti huma minnhom, għandhom dritt il-veterinarji Maltin jieħdu passi kontra l-veterinarji barranin li ġejjin minn pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea u li offrew is-servizzi tagħhom bla ħlas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħal professjonijiet oħra, l-ebda veterinarju barrani, inklużi dawk Ewropej ma jistgħu jaħdmu f' Malta mingħajr ma jkollhom Warrant biex jaħdmu f' Malta. Il-Liġi għar-rigward attivita’ veterinarja taqgħa taħt id-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja, u għaldaqstant huwa dover ta’ din id-Diviżjoni li tara li ma jsirux irregolaritajiet.
Sadattant, mhux eskluż li nippruvaw insibu l-mod kif, fil-parametri tal-liġi, għaqdiet bħan-National Cats Society, jistgħu ikunu megħjuna fil-funzjonijiet tagħhom favor il-ħarsien ta’ l-annimali.
MEPA — Ħaddiema sospiżi fuq każi ta' investigazzjoni kriminali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif jitħallsu dawk l-impjegati tal-MEPA li jkunu sospiżi fuq każi ta' investigazzjoni kriminali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond il-provvedimenti tal-ftehim kollettiv ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), meta mpjegat jiġi sospiż waqt li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali fil-Qorti ma jittieħdu l-ebda passi dixxiplinari sakemm jiġu mitmuma il-proċeduri fil-Qorti, u għalhekk l-impjegat ikompli jgawdi mill-paga normali. Jien infurmat li din il-klawsola ilha hekk sa mill-ewwel ftehim kollettiv.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadu ma ġiex iffirmat il-kuntratt bejn il-Private Public Partnership għar-rigward tal-Landscaping? X'qed jikkawża dan id-dewmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħal Luqa — Sezzjoni tal-Kwarantina - qattus maħrub
Question
B'referenza għall-każ imressaq quddiem l-ombudsman minn mara barranija li ġiet informata li l-qattus tagħha tat-tip European persian breed u li ġabitu minn barra kien ħarab minn fejn kien qed jinżamm fis-sezzjoni tal-Kwarantina f'Ħal Luqa, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-diviżjoni konċernata wara li l-ombudsman ikkonkluda ''that the disappearance of the cat was attributed to failure by the food and veterinary regulation division to ensure that while the pet was held in quarantine under its responsibility, it was kept in a properly maintained place'' (ombudsman case notes, April 2004, number 17, case no: D 259)?
Jista' jgħid x'xogħlijiet saru jew qed isiru mid-dipartiment konċernat biex il-post ikun iktar sigur u biex jiġi assigurat li inċidenti oħra bħal dawn ma jiġrux fil-futur?
X'kumpens ta d-dipartiment konċernat lil sid dan il-pet?
Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqisjiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-kwarantina qed isir xogħol estensiv biex inċidenti bħal dak imsemmi ma jerġgħux iseħħu. Fost dawn insibu li twaħħal wire netting ġdid, bieb ta' l-aluminium biex ikun hemm double doors li jagħmel inċidenti bħal dawn diffiċli biex jerġgħu jitwettqu.
Sa issa għadu ma ingħata l-ebda kumpens.
MEPA — Applikazzjoni dwar lukanda f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MEPA milli ġġib għall-aġenda ir-reconsideration ta' l-applikazzjoni dwar lukanda f'San Pawl il-Baħar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta din kienet diġa' bil-permessi meħtieġa mill-1994 u meta ħdejha eżatt lukanda li isimha wkoll qed jintbagħat separatament, qegħda topera u oħrajn fl-area li m'għandhomx permess qegħdin jitħallew joperaw u ma għalqulhom l-ebda sulari bħalma ġara fil-każ tal-lukanda l-oħra? Jista' il-Ministru jara li f'dan il-każ qed titwettaq inġustizzja kbira?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din il-lukanda kienet suġġetta għal 'direct action' mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) billi ġew issiġillati l-aħħar żewġ sulari billi kienu nbew mingħajr permess. Din l-applikazzjoni PA 6046/02 hija ntiża biex tissana dan l-iżvilupp illegali, u ġa ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp li rrifjutat din l-applikazzjoni. It-talba ta' rikonsiderazzjoni ser tinħadem u tintbgħat għall-aġenda fl-iqsar żmien possibli biex ikun hemm eżitu finali minn-naħa tal-Awtorita' u jittieħdu l-passi neċessarji dwar il-bini illegali jekk ikun il-każ. Rigward it-tieni lukanda, tlabt lill-Audit Officer tal-MEPA biex jinvestiga l-każ
Dipartiment ta' l-ambjent — Għasafar li jisfaw feruti
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għasafar feruti li waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent din is-sena? X'tip kienu? Kemm mietu waqt iż-żamma u kemm tfejqu u ntelqu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Membru mitlub, qabel xejn, jaġġorna ruħu. F’ Marzu 2002 id-Dipartiment sar Direttorat fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sadanittant, ninsab infurmat li sa mill-1997, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent mhu qed iżomm l-ebda għasfur ferut.
Peress li iżjed minn xahar ilu ġie rappurtat li l-MEPA stqarret li se tieħu azzjoni diretta fi żmien imminenti biex tirrestawra biċċa art f'Wied Garnaw, limiti tal-Gudja, li ġiet żviluppata llegalment bħala maħżen ta' l-iskips (enforcement notice no. 1362/00) peress li l-MEPA għadha ma ħaditx din l-azzjoni mwegħda minnha, jista' il-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-iżvilupp illegali u jekk u meta l-art se terġa' tinġieb fl-istat naturali tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mill-ewwel ħadet il-passi neċessarji u b’ koperazzjoni mas-sid, l-art in kwistjoni ma baqgħetx tintuża bħala maħżen għall-iskips. Bħalissa il-proċess qiegħed fl-istadju li terġa’ tinġieb il-ħamrija fuq il-post u jitneħħa l-wire li hemm fuq il-ħajt tas-sejjiegħ. L-Awtorita’ tat terminu ta’ żmin lis-sid li diga’ kkopera ma’ l-Awtorita’ sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5859, jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-somma ta' Lm450,000 u jgħid f'liema xogħol intnefqu dawn il-flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-somma ta’ madwar Lm450,000 intnefqu kif spjegat hawn taħt:
1. Xogħlijiet prinċipali ta’ żvilupp tas-sit u inġinerija Lm379,576
2. Servizz ta’ Surveying Lm 1,277
3. Servizz ta’ Laboratorju Akkreditat (stmat) Lm 8,500
4. Xogħlijiet addizzjonali (e.g. trinek, arbli tad-dawl) Lm 25,846
5. Xogħol ieħor ippjanat li jinkludi sistema ta’ CCTV
u sistema tal-ġbir tal-leachate. (stmat) Lm 28,000
__________
Total Lm443,199
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-prodotti mpurtati humiex jiġu kkontrollati għal dik li hija kwalita' biex nassiguraw li prodotti mpurtati ma jkunux ''iddampjati'' f'pajjiżna? Jekk dan il-kontroll qed isir, jista' jgħid x'tip ta' kontrolli jsiru?
Jista' jgħid jekk riċentement ġiex impurtat tadam tal-bott li minħabba l-kwalita' tiegħu mhux suppost li kellu jitħalla jidħol f'Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qed isiru kontrolli fuq prodotti ta' l-ikel li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea (3rd Countries) permezz tar-Residue Monitoring Control Programme.
Rigward l-Intra Community Trade, jiġifieri prodotti li jiġu mill-Unjoni Ewropea, niddependu mill-kontrolli li jsiru mill-member state minn fejn ikunu ġejjin l-prodotti. Biss, fejn ikun hemm xi dubbji dwar il-kwalita' tal-prodott, isiru l-ispezzjonijiet. S' issa, sakemm l-Unjoni Ewropea tibda tħaddem direttament id-database trace li jinkorpora fih il-Veterinary Health Certificate, is-Servizz Veterinarju qed jitlob dan iċ-ċertifkat jew dokument kummerċjali/uffiċjali bit-timbru ta' l-Awtorita' kompetenti. .
Jien infurmat ukoll li kontrolli fuq prodotti tal-ikel impurtati, kif ukoll fuq it-tadam tal-bott, isiru wkoll mid-Dipartiment tas-Sanita’. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jgħamel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u jekk għandu xi informazzjoni partikolari jgħaddihom lil dan id-Dipartiment mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jsiru fis-sena li qegħdin fiha fil-lokalitajiet tat-Tieni Distrett mill-konsorzju responsabbli mit-tisbiħ?
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5520, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv hux responsabbli għall-ġbir ta' arretrati dovuti għar-radam fil-miżbla tal-Qortin? Jekk fl-affermattiv, x'qed isir sabiex dawn il-flus jinġabru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija WasteServ Malta Ltd m' hijiex responsabbli għall-ġbir ta' arretrati dovuti għar-radam fil-miżbla tal-Qortin. Din ir-responsabbilta’, fil-fatt, taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li n-nefqa fuq kiri ta' karozzi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kif ukoll id-Diviżjonijiet u Dipartimenti, u mill-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu kienet ta' :
Sena Ammont
2002 Lm 111,834
2003 Lm 151,640
2004 Lm 87,509