B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11184, jirriżultalu l-Ministru li x-xogħlijiet imsemmija saru qabel ma jien għamilt il-mistoqsija parlamentari u cioe' it-28 ta' Frar 2005?
Jekk fl-affermattiv, jista' jinvestiga għaliex l-irwejjaħ u l-fawran għadhom jirriżultaw sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni ma jirriżultalha l-ebda fawran fl-Għadira wara li saru x-xogħlijiet msemmija liema xogħlijiet saru wara li saret il-mistoqsija parlamentari.
Inkwantu ta' l-irwejjah jidher li dawn huma riżultat ta' intervent ta' terzi persuni li l-operat tagħhom qed jiġi nvestigat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10782, jista' il-Ministru jinformana jekk huwiex il-każ li ma jintużax għall-ħażna l-ilma ta' l-isprings minħabba kontaminazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kwalita' ta' l-ilma li joħroġ minn nixxiegħat (springs) mhux konformi mal-livell aċċettabli għax-xorb minħabba ammont eċċesiv ta' nitrati; turbidita' (speċjalment fil-ġranet tax-xita); u kontaminazzjoni batterjoloġika.
Inżid ngħid li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bi ħsiebħa tagħmel studju sabiex tara ssibx metodi ta' trattament li jkunu ekonomikament vjabbli (cost effective) u b'hekk dan is-sors ta' ilma jkun utilizzat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11869 u jgħid kemm huwa l-prezz taż-żejt li huwa jixtri, xi kwalita' u xi kwantita' jixtri u minn liema pajjiż? Jista' jgħid jekk iż-żejt li jixtri jixtrihx huwa dirett? Jista' jgħid jekk hemmx xi ftehim ma' xi gvern barrani biex jixtri żejt bi prezz issussidjat? Jekk iva, ma' liema gvern issir id-deal? Hemm ħsieb li l-gvern jibda joħroġ b'tender ix-xiri taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Nassigura lill-Onor. Interpellant illi jien ma nixtrix iż-żejt, l-anqas għall-karozza tiegħi aħseb u ara għall-Enemalta!
L-Enemalta tixtri ż-żejt wara sejħa nternazzjonali u tagħżlu skond kwalita', prezz u kundizzjonijiet oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li taħdem mal-Malta international airport ilha bis-sick leave għaxar xhur u sal-lum għadha m'għaddietx bord mediku, filwaqt li ħaddieħor ilu biss ġimgħa bis-sick leave u diġa' se jgħaddi bord mediku? Jista' il-Ministru jara x'inhu jiġri fil-każ tal-persuna indikata separatament li ilha ħames xhur mingħajr paga?
Peress li ftit taż-żmien ilu l-management ta' l-Enemalta ddeċieda li jagħti appointment għal tmien senior operators (Turbine), jista' il-Ministru jgħid għaliex issa ttieħdet id-deċiżjoni li flok tmienja jsiru 17?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li d-deċiżjoni li jsiru 17-il senior operator ittieħdet biex tiġi msaħħa l-kontinwita' fit-tħaddim taż-żewġ power stations.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li waqfu t-titjiriet tal-Libyan Arab Airlines lejn Malta? Jekk iva, għaliex? Il-Gvern Malti kellu x'jaqsam ma' din id-deċiżjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi ndirizzata l-problema tas-sistiema tad-drenaġġ fuq il-vapur Ta' Pinu li qed tikkawża rwejjaħ jintnu a detriment tal-passiġġieri?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li m'hemm l-ebda problema fis-sistema tad-drenaġġ tal-vapur MV Ta' Pinu.
Minħabba li f'mistoqsija parlamentari 12236 kien hemm l-indirizz żbaljat, jista' il-Ministru ġentilment jgħid għaliex fil-housing estate f'Ta' Farsina, partikolarment fl-indirizz li qed jintbagħat separatament, ir-residenti qegħdin ibatu minn pressa baxxa ta' l-ilma, minkejja li biddlu l-kanen kollha ta' l-appartamenti minn fuq s'isfel, saħansitra ta' quddiem il-bieb?
Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-problema bdiet isseħħ f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-WSC?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Minħabba l-avvanzi kbar ta' Iżrael fil-qasam ta' l-informatika, jista' il-gvern jikkunsidra li jikkollabora aktar mill-viċin ma' dan il-pajjiż f'dan il-qasam?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jippjana li jiftaħ diskussjonijiet bil-għan li jiġi mfassal pjan ta' kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni. Fil-fatt f'April kelli l-opportunita' li niltaqa' mal-Ministru responsabbli minn dan il-qasam u ntlaħaq qbil li jibdew diskussjonijiet lejn l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11378 u cioe' jista' jgħid jekk itteħdux passi ulterjuri dwar il-każ taċ-ċilindri tal-gass li kienu ġew ordnati u nstabu li kienu difettużi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Avvukati ta' l-Enemalta se jippreżentaw il-Każ fil-Qorti tat-Turkija fil-ġimgħat li ġejjin. Dwar il-każ tad-dixxiplina iċ-Chairman tal-Bord informa lill-Korporazzjoni li minħabba impenji oħra hu ma jistax jibqa fuq dan il-Bord tad-dixxiplina, għalhekk il-Korporazzjoni se taħtar persuna oħra biex jitmexxew il-każijiet pendenti.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Medserv f'Manoel Island u li kienu mislufa mal-pollution unit - id-dettalji ta' wieħed minnhom qed jintbagħtu separatament - ilhom bla xogħol għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Medserv hi kumpanija privata waqt li l-Pollution Unit ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħi.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fil-housing estate f'Ta' Farsina, partikolarment fi blokk X3 fi Triq id-Deheb Fin, Qormi r-residenti qegħdin ibatu minn pressa baxxa ta' l-ilma, minkejja li biddlu l-kanen kollha ta' l-appartamenti minn fuq s'isfel saħansitra ta' quddiem il-bieb? Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-problema bdiet isseħħ f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-WSC?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizi ta' l-Ilma jirriżulta li fil-Binja X3 fi Triq id-Deheb Fin, Farzina, m'hemmx problema ta' pressa baxxa. F'dawn l-aħħar xhur, il-Korporazzjoni ma rċevietx ilmenti mir-residenti dwar nuqqas ta' pressa. Jirriżulta wkoll li xi wħud mill-kanen ta' ġox-shaft jiġifieri fis-sistema tal-plumbing interna tal-konsumaturi huma tal-ħadid galvaniżżat u ma jidhrux li huma ġodda.
Tajjeb li jingħad li dawn l-aħħar xhur kien hemm xi drabi li l-ilma ġo ta' Farżina ġie sospiż għal xi sigħat minħabba x-xogħolijiet tat-toroq il-ġodda li qed isiru ġo Mdina Road u anke Ħaż-Żebbuġ. Pero f'dawn il-każijiet ma ġietx affettwata Binja X3 biss imma ż-żona kollha.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-għeluq ta' l-uffiċċju tal-Malta Enterprise f'Washington DC? Il-Malta Enterprise qiegħda tikkonsidra li minflok tiftaħ uffiċini f'xi county jew counties Amerikani, bħal Maryland, fejn il-ħidma tagħha tista' tkun aktar iffokata?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħala parti mill-istrateġija li l-Malta Enterprise qegħdha taddotta rigward kummerċ barrani, iddeċidiet li tagħlaq l-uffiċċju tagħha li kellha f'Washington. Ir-raġunijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni huma dawn:
1. Sfortunatament ir-riżultati miksuba minn dan l-uffiċċju f'dawn l-aħħar snin ma kienux pożittivi
2. Washington mhix qegħdha daqshekk fil-qalba minn fejn wieħed jista' jiġbed investiment barrani kif ukoll biex tippromwovi kummerċ għal Malta
3. Il-Malta Enterprise qed tagħmel ħilitha biex tikkonċentra fuq setturi u swieq partikolari. Minn Jannar 2005 il-Malta Enterprise bdiet tikkonċentra fuq missjonijiet marbuta ma' seturi magħżula.
Il-Malta Enterprise qegħdha tqabbad "multipliers" lokali. Dawn il-"multipliers jitħallsu b'senserija fuq investiment li jirnexxilhom jiġbdu lejn Malta.
Fl-aħħar tas-sena 2005 il-Malta Enterprise terġa' tara xi frott ħalliet din it-tattika u tiddeċiedi jekk għandux jinfetaħ uffiċċju f'xi stat ieħor li jkabbar possibilita' li jiġi attirat investiment fis-setturi magħżula mill-Malta Enterprise.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' bdil ta' servizzi ta' l-ilma fi Triq P.P. Caruana, Bormla u dan sabiex imbagħad tkun tista' issir it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kuntrattur li ngħata x-xogħol fit-triq imsemmija mistenni jibdih malli jispiċċa xogħol simili li preżentament qed jagħmel f'Birżebbuġa, liema xogħol qed jieħu ftit aktar żmien milli previst.
B’riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1159 u 11454 jista’ il-Ministru jgħid jekk il-propost feeder ġdid għall-provvista ta’ l-elettriku fi Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi bdietx issir mill-Enemalta? Meta se titlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11266 u cioe' jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi - korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom - u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq li hu wkoll responsabbli għall-Awtorita' dwar it-Toroq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu jew id-dipartimenti fi ħdanu kellhomx diskussjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-European spatial development perspective? Jista' jgħid jekk ġewx sottomessi xi proposti jew proġetti marbuta ma' dan il-pjan? Jekk iva, x'kienu jinkludu?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12159 u cioe':B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 12008, jirrispondi b'riferenza għall-impjegati li qegħdin b'kuntratt kif ukoll għall-impjegati li huma tal-kuntrattur, kemm jekk dawn huma Maltin kif ukoll jekk huma barranin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li bħalissa fit-Tarzna hemm jaħdmu tlieta w sittin impjegat tal-Kunstrattur li tmienja w għoxrin minnhom huma barranin.
Rigward impjegati tat-Tarzna li qegħdin fuq kuntratt definittiv, jien infurmat li bħalissa hemm tlieta u tmenin. Minn dawn wieħed u sebgħin huma apprendisti Maltin, disgħa Maltin u tlieta barranin.