Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lands — proprjeta' privata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa possibbli għal xi ħadd li jkun jista' jsib min hu s-sid ta' proprjeta' privata li tagħha huwa jkollu biss l-indirizz eżatt permezz tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' fi ħdan it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern iżomm biss informazzjoni dwar proprjeta' tal-Gvern u dwar dik il-proprjeta' privata li tkun qed tiġi esproprjata għal skop pubbliku, iżda ma jżommx informazzjoni dwar min huma s-sidien tal-proprjetajiet privati f'Malta jew f'Għawdex. Għal din ir-raġuni s-servizz li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jistax jiġi offrut mid-Dipartiment. Informazzjoni dwar min huma s-sidien tal-proprjetajiet privati f'Malta u Għawdex, f'żoni fejn ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja, tinżamm fir-Reġistru ta' l-Artijiet.

IPSL — Trasferiment ta' ħaddiem

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet trasferita minn fuq il-post tax-xogħol tagħha minn Ħal Tarxien għal San Ġiljan bil-konsegwenza li żdiedulha l-ispejjeż għat-trasport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ċ-ċaqlieq tal-persuna indikata kien wieħed temporanju u għal żmien qasir ħafna u li sar minħabba xogħol urġenti li kien qed isir fil-lokalita' ta' San Ġiljan. Ta' min isemmi li San Ġiljan kien wieħed mill-Kunsilli Lokali li ma kellu l-ebda ħaddiema ta' l-IPSL assenjati miegħu. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-imsemmi ħaddiem eventwalment ġie assenjat mal-Kunsill Lokali Fgura fejn għadu sa llum, pero' f'kull każ il-ħaddiema kollha qegħdin jiġu assenjati skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet li jistabilixxi d-dipartiment minn żmien għal żmien.

Pulizija — Persuni li nqabdu jwettqu atti oxxeni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni allegatament jagħmlu atti oxxeni fil-pubbliku din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awissu ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija 21 każ ta' atti oxxeni jew indiċenti fil-pubbliku.

Pulizija — Rapporti ta' rapes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rapes u indecent assault din is-sena u fejn? Kemm kienu ta' sess femminil il-vittmi, minn liema pajjiż kienu u fejn sar l-allegat reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awissu ta' din is-sena, il-Pulizija kellha 4 rapporti ta' stupru. Kollha kienu fuq persuni tas-sess femminil, li tnejn huma Maltin, waħda Awstraljana u oħra Ġappuniża. Dawn ġew irrapurtati li seħħew ir-Rabat Għawdex, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira. Matul l-istess perijodu il-Pulizija kellha 26 rapport dwar każi ta' attakki sesswali li kienu jinvolvu 28 persuna. Minn dawn il-persuni, 25 kienu tas-sess femminil minn dawn il-pajjiżi - Malta (11), Awstralja (1), Ingilterra (3) Ċipru (1), Olanda (2), Fillandja (1), Franza (1), Ġermanja (2), Italja (1). Russja (1) u Jugoslavja (1). Dawn il-każi ġew irrapurtati li seħħew Wied il-Għajn, Naxxar, San Ġiljan, Sliema, Żabbar, Dingli, Gżira, Ħamrun, Żebbuġ (Għawdex), Ħamrun, Mosta, Birkirkara, Birżebbugia u San Pawl il-Baħar.

Għawdex — Immigranti illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ser jiġu trasferiti xi immigranti illegali lejn Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn ser jitpoġġew u x'arranġamenti saru jew se jsiru għas-sorveljanza ta' dawn il-premises?

Response (BORG, TONIO)

L-immigrazzjoni illegali hija problema nazzjonali li l-Gvern Malti huwa kommess li jindirizza bl-aktar mod effettiv u effikaċi possibli. Ovvjament l-ammont ta' postijiet ta' akkomodazzjoni neċessarji jiddependi minn numru ta' immigranti li jaslu f'Malta fix-xhur li ġejjin. Il-ħsieb hu li dawn jiġu akkomodati fil-kumpless ġdid li wasal biex jitlesta fil-barracks ta' Ħal Safi. Sa issa ma ġiex konsiderat post f'Għawdex u l-għajdut f'dar-rigward kienu kompletament infondati.

Pulizija — Każ dwar il-qtil ta' Lino Cauchi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13696, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-każ tal-qtil ta' Lino Cauchi fl-1982 wara li l-ogħla awtoritajiet tal-korp tal-pulizija ġew avviċinati b'informazzjoni minn saċerdot?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemm xejn x'jiżdied mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13696.

Xiri ta' art tal-knisja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni dwar il-pożizzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien xtara art minn dawk li kienu tal-Knisja u li mbagħad għaddew f'idejn il-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni hija proprjeta’ tal-gvern amministrata mill-Uffiċċju Konġunt. Il-persuna li tagħha ingħataw id-dettalji qiegħed jallega li l-art hija tiegħu. Minn riċerki li għamel id-Dipartiment ma jirriżultax li dan huwa minnu.

Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu klandestini din is-sena? Kemm hawn miżmuma llum u kemm hawn f'open centres u kemm nefqet il-pulizija fuq il-klandestini kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena waslu Malta 1,569 immigrant illegali, filwaqt li fiċ-ċentri ta' detenzjoni hemm miżmuma 1,617. Dwar l-open centres, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556.

Qrati — Tipjip kontra l-liġi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' persuni li tressqu l-Qorti talli nqabdu jpejpu kontra l-liġi minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi f'Ottubru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku, sa l-aħħar ta' Awissu ta' din is-sena, il-Pulizija sabet 176 persuna bi ksur ta' dawn l-istess Regolamenti.

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' droga li nqabdet mill-Pulizija din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena huwa kif muri hawn taħt: TipAmmont Cocaine6kg 301g Heroin15kg 457.2g Cannabis grass1kg 870.6g Cannabis resin5kg 179.91g Cannabis plants3 plants Ecstacy14,655 tablets LSD3 micro-dot Methadone250ml DHC26 tablets Valium2 tablets Halcion4 tablets

Uffiċċju Konġunt — Applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm daħlu applikazzjonijiet, sena b'sena, għal fidi ta' ċens taħt l-iskema mnedija fl-2002?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ applikazzjonijiet li daħlu fl-Uffiċċju Konġunt għal fidi ta’ ċens jew xiri ta’ proprjeta’ taħt l-iskema mħabbra fid-diskors tal-Budget f’Novembru 2001, huwa kif qed jingħad hawn taħt:- Perijodu Numru ta’ applikazzjonijiet Minn Novembru 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002 - 2,100 Mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003 - 670 Mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2004 - 732 Mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 t’Awissu 2005 - 530 _________ TOTAL 4,032_________

Pulizija — Logħba bejn Malta u l-Kroazja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ħassitx il-ħtieġa li tagħmel investigazzjoni interna dwar id-deployment tal-pulizija fil-logħba football bejn Malta u l-Kroazja, fejn inqalgħu inċidenti deplorevoli aktar u aktar fid-dawl tat-track record ħażin li għandhom is-supporters Kroati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-deployment tal-pulizija għall-logħba football bejn Malta u l-Kroazja li ntlagħbet nhar is-7 ta' Settembru 2005, kien dak kif maħsub li kellu jkun għal dik il-partita. Għaldaqstant ma hemmx il-ħtieġa li ssir xi inkjesta ad hoc. Infurmat ukoll illi bl-inċidenti li seħħew fi tmien din il-logħba, kien ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa. Dawn l-inċidenti nqalgħu meta ħadd ma basar, u kienu dovuti esklussivament għal aġir irresponsabbli ta' xi wħud mill-partitarji Kroati. Il-Pulizija ħadu ħsieb il-partitarji l-oħra Kroati li ma kenux involuti fil-ġlied, u ħadu ħsiebhom sa l-Ajruport. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Pulizija għax-xogħol siewi li wettqu dakinhar.

Vakanzi fil-korp tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi bħalissa f'kull rank fil-korp tal-pulizija? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dawn jimtlew biex il-korp ikun jista' jaħdem b'mod aktar effiċjenti? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm membri tal-korp li matul din is-sena talbu u ngħataw estensjoni ta' sena għas-servizz wara li jkunu għalqu s-60 sena? Jista' jgħid jekk kienx hemm każi fejn din it-talba ġiet rifjutata? F'kull każ, x'kien ir-rank ta' pulizija li applikaw għall-estensjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta' 6 Supretendenti, 6 Spetturi u 104 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi nhar il-Ġimgħa 23 ta' Settembru, temmew il-kors ta' taħriġ u ngħataw il-ġurament 100 kuntistabbli filwaqt li 33 kuntistabbli li kienu għaddew mill-aħħar proċess li kien sar għall-promozzjoni għall-surġenti, ngħataw il-ħatra ta' surġenti. Inbeda wkoll il-proċess sabiex il-vakanzi ta' Supretendenti jkunu mimlija. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm żewġ Supretendenti u żewġ Kuntistabbli li talbu sabiex jibqgħu iservu fil-Korp wara li għalqu s-sittin sena. It-talba ta' dawn kollha ġiet milqugħa.

CCF — Xogħol għall-inmates

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għax-xogħol għall-inmates tal-pupi tal-playmobile fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin inħarġitx tender jew sejħa għall-offerta jew jekk saritx b'direct order? Jekk saret b'tender jew sejħa għall-offerti, min kien responsabbli mill-għażla? Lil min ġiet aġġudikata u meta? Min huwa l-uffiċjal inkarigat mill-amministrazzjoni ta' dan ix-xogħol? Kemm tiswa din it-tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol tal-pupi tal-Playmobile li jagħmlu l-priġunieri ma nkisibx permezz ta' xi tender jew direct order, u ma kienx hemm ebda obbligu f'dan is-sens; peress li hawn l-awtorita' tal-ħabs qed tagħti servizz/xogħol mhux tirċevih! Il-kumpanija Playmobile offriet l-istess kundizzjonijiet u prezzijiet li tħallas lill-homeworkers tagħha lill-priġunieri. Dan ix-xogħol inkiseb wara kuntatti bejn l-awtoritajiet tal-ħabs u direttriċi mill-kumpanija msemmija. L-uffiċjal inkarigat mill-amministrazzjoni ta' dan ix-xogħol huwa s-surġent ta' l-uffiċċju tad-Direttur.

CCF — Tuck shop

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa l-uffiċjal responsabbli mix-xiri ta' prodotti għat-tuck shop ta' l-inmates fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Min huma l-uffiċjali firmatarji ta' cheques biex jitħallas ix-xiri ta' prodotti għat-tuck shop? Huwa minnu li hemm aktar minn wieħed jew waħda? Min huma l-persuni jew id-ditta li tagħmel l-awditjar tax-xogħol tat-tuck shop u f'każ li hija ditta min huma l-persuni li jmexxu d-ditta u li jagħmlu l-awditjar?

Response (BORG, TONIO)

Fir-rigward tat-tmexxija u xiri ta' oġġetti għat-tuckshop tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8105 f'Seduta Nru. 174. Fir-rigward ta' l-uffiċjali firmatarji għaċ-ċekkijiet tat-tuckshop ninsab infurmat li kull ċekk irid jiġi iffirmat minn Uffiċjal Korrettiv u s-Surġent ta' l-uffiċċju. Il-kotba tat-tuckshop kienu jiġu amministrati minn accountant li spiċċat minn din il-kariga minħabba raġunijiet personali f'Ġunju 2005. Minn dakinhar għadu ma ġie appuntat ħadd. Billi f'Settembru kellu jsir il-ħlas u mili ta' formoli tal-V.A.T. ġie inkarigat accountant ieħor biex jieħu ħsieb dan ix-xogħol partikolari. Ma nħossx illi l-ismijiet ta' l-uffiċjali tal-Ħabs u ta' l-accountants għandhom jiġu ippublikati.

Pulizija — Tlajjar ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu jitlajjaw prostituti mill-area ta' Ta' Xbiex, Gżira u Msida din is-sena, ġimgħa b'ġimgħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Awissu ta' din is-sena hemm 41 persuna li bejnithom tressqu quddiem il-Qorti 136 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira, ta' Xbiex u l-Imsida. Infurmat ukoll illi dan it-tagħrif ma jinżammx b'ġimgħa, ġimgħa għal fini ta' statistika.

Joint office — Fond fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu l-joint office dwar fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jinsab fi stat perikoluż? Hemm ħsieb li jinbidel is-saqaf?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, skond ftehim iffirmat bejn il-kerrej u l-lokatur, kull tiswijiet li jeħtieġ il-fond imsemmi, li huwa amministrat mill-Uffiċċju Konġunt, iridu jsiru mill-kerrej a spejjeż tiegħu.

Speed cameras — Kontravenzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu kontravenzjonijiet bl-ispeed cameras s'issa skond il-lokalitajiet rispettivi? Kemm minn dawn kienu kkontestati u kemm minnhom kienu mirbuħa?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja kontravenzjonijiet maħruġa mill-Pulizija permezz ta’ speed cameras li m’humiex statiċi, ninsab infurmat illi bejn il-11 ta’ Mejju 2002 u l-31 ta’ Awissu 2005 inħarġu ċitazzjonijiet kif ġej:- Mrieħel By-Pass1,037 Tal-Barrani Road, Żejtun92 St. Paul’s Bay By-Pass10 B’Kara By-Pass48 Triq L. Wettinger, Mellieħa1 Vjal-Avjazzjoni, Gudja47 Triq Ħal Far l/o Gudja19 Triq M A Vassalli, St. Julians329 Naxxar3 Il-ħlas għal dawn il-kontravenzjonijiet isir fil-kunsilli lokali. Għal dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba f’din il-Mistoqsija u f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 14003 dwar kontravvenzjonijiet bl-ispeed cameras tinsab fiż-żewġ tabelli t`hawn taħt. Din l-informazzjoni hija eżatta sad-19 ta` Settembru 2005. Dwar pagamenti taċ-ċitazzjonijiet li għad iridu jitħallsu, jista jkun hemm minnhom li jiġu kkontestati fit-Tribunal u mirbuħa. F`dan il-każ il-pagament dovut jitħassar. Lokalita’ Numru ta’ ċitazzjonijiet maħruġa Numru ta’ ċitazzjonijiet mħallsa Ammont imħallas Lm Qormi 575 168 5,040 San Ġiljan 13,559 9,825 296,325 San Pawl il-Baħar 3,214 2,490 74,955 Total 17,348 12,483 376,320 Tribunal Results Guilty No Show Guilty Admits Guilty Not Guilty Qormi 0 0 0 0 San Ġiljan 1,978 7 178 330 San Pawl il-Baħar 95 0 419 129 Total 2,073 7 597 459