Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu mgħoddija l-fondi mill-privatizzazjoni tal-Maltacom lill-IPSE għar-ristrutturar ta' l-Industrija Maltija?
Response (DALLI, JOHN)
Hu mistenni li l-20% mid-dħul nett mill-bejgħ ta` 40% tal-ishma fil-Maltacom plc jiġu debitati lill-Fond Konsolidat qabel l-aħħar ta` din is-Sena Finanzjarja biex ikunu jistgħu jgħaddu lill-IPSE Ltd. għall-istrutturar ta` l-industrija.
Mill-elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi laqgħa tal-kumitat dwar id-dejn pubbliku?
Response (DALLI, JOHN)
Ma saritx laqgħa oħra tal-Public Debt Management Committee minn wara 1-5 ta` Settembru 1998. Kif jaf l-Onor Interpellant meta f`Lulju li għadda saret sejħa għal Lm30 miljun self, fil-fatt ġie meħud Lm125.90 miljun mingħajr ebda raġuni u pjan. Dan involva l-Gvern fi spiża akbar ta` eluf ta` liri.
Mill-elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pożizzjonijiet għoljin tal-Ministeru tal-Finanzi? Saru xi tibdiliet fil-Budget Office?
Response (DALLI, JOHN)
Ma kien hemm ebda tibdil fil-pożizzjonijiet għoljin tal-Ministeru tal-Finanzi u lanqas fil-Budget Office.
Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjoni ngħatat lir-rapport ta' l-actuaries Ingliżi Wyatt dwar il-pensjonijiet privati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-Watson Wyatt Survey of State Pension schemes li ġie ppublikat xahrejn ilu jagħti biss analiżi ta` skemi ta` Penzjonijiet f`diversi pajjiżi jistax jikkonferma li qed jirreferi proprju għal dan is-Survey, li inċidentalment għadu kif wasal f`idejn il-Ministeru f`dawn l-aħħar ġranet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mid-dħul mill-VAT, matul l-1995 u l-1996 kien ried jiġi rrifondut lura bħal refunds?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ammonti ta` rifużjonijiet li tħallsu lura mid-dħul tal-VAT matul il-1995 u l-1996 kienu kif ġej:
1995: Lm14,880,284
1996: Lm31,623,909
Dawn ir-rifużjonijiet kienu jinkludu ammonti ta` rifużjonijiet ta` dazju fuq ħażniet u taħt l-Iskema ta` Ħlas ta` Taxxa Lura fuq Bini ta` l-Ewwel Dar kif ġej:
Dazju fuq Ħażniet Ħlas Lura ta` Taxxa fuq Bini
ta` l-Ewwel Dar
1995 Lm 5,340,975 NIL
1996 Lm10,094,690 Lm323,843
Total Lm15,435,665 Lm323,843
Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tad-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa tal-Ministri tal-Commonwealth li għadha kif saret fil-Kanada kif ukoll fil-laqgħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali li saret f'Washington? Jista' jagħti dettalji dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Maltija kif ukoll dwar it-taħdidiet bilaterali li saru? X'kienet ir-raġuni li d-DOI ma ta ebda tagħrif dwar sehem Malta f'dawn il-laqgħat importanti?
Response (DALLI, JOHN)
Barra mill-attendenza għall-laqgħat ġenerali tal-Fond Monetarju\Bank Dinji d-delegazzjoni ħadet sehem fil-laqgħa tal-Interim Committee tal-Fond Monetarju Internazzjonali u numru ta` seminars u konferenzi oħra organizzati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u anki minn Banek u kumpaniji. Bħas-soltu pprezentajt diskors addattat għal-dawn il-laqgħat. Saru numru ta` laqgħat bilaterali ma` Banek, Security Printers u aġenziji internazzjonali ta` `Credit Rating`.
Saru wkoll numru ta` laqgħat ma` uffiċċjali għolja fosthom mal-Executive Directors kemm tal-Fond Monetarju Internazzjonali kif ukoll tal-Bank Dinji. Is-suġġetti li ġew diskussi kienu varji u jinkludu assistenza teknika, u titjib fir-relazzjonijiet bejn Malta u dawn l-istituzzjonijiet. Laqgħat oħra ta` natura teknika ħafna bħal titjib ta` rappurtaġġ statistiku, titjib fis-swieq tal-flus u kapital f`Malta u suġġetti oħra kienu miżmuma ma` diversi dipartimenti tal-Fond Monetarju u l-Bank Dinji.
Id-delegazzjonijiet li attendew il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting u tal-Fond Monetarju Internazzjonali kienu ffurmati hekk:
Il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting -
Is-Sur J Portelli,
Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi
Il-Fond Monetarju Internazzjonali -
Il-Ministru John Dalli
Is-Sur Emmanuel Ellul, Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali
Is-Sur Peter Baldacchino, Direttur tal-Bank Ċentrali
Profs. Edward Scicluna, Direttur tal-Bank Ċentrali u
Is-Sur Alfred Demarco, Deputy General Manager tal-Bank Ċentrali.
Id-delegazzjonijiet wettqu x-xogħol kollu li soltu jagħmlu delegazzjonijiet f`okkażjonijiet simili filwaqt li komplew isaħħu l-kuntatti li għandu l-Gvern ma` pajjiżi oħra u istituzzjonijiet bankarji.
Ir-raguni li d-DOI ma ta` ebda tagħrif dwar dawn il-laqgħat hi li ħassejt li dawn kienu laqgħat ta` rutina.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tibbenefika mill-miżura dwar il-pensjonijiet tas-Servizzi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' revenue u expenditure (kurrent u kapitali) matul l-1997 - 1998, xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-figuri dettaljati kif qed jiġu mitluba huma regolarment ippubblikati mit-Teżor fil-Gazzetta tal-Gvern bħala `Returns` Komparattivi ta` Dħul u Nfiq.
Fil-fatt, l-aħħar figuri dettaljati ppubblikati huma dawk għax-xahar ta` Settembru 1998 li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 ta` Ottubru 1998.
Jista' l-Ministru jagħti lista' ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Mill-5 ta` Settembru 1998, żewġ impjegati fil-grad ta` Senior Principal bdew jirċievu allowance - wieħed għax-xogħol li jagħmel bħala I.T. Co-ordinator li huwa xogħol barrani ghal dak tal-grad proprju tiegħu u ta` l-ieħor bħala qualification allowance għax għandu Diploma in Public Administration. L-ewwel impjegat qiegħed fil-Ministeru tal-Finanzi u l-ieħor fid-Dipartiment tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa.
Fl-ewwel każ, l-allowance ġiet restawrata lill-impjegat wara li għamel perjodu ta` disa` xhur jagħmel xogħol ieħor barra `l Ministeru.