B’referenza għall-aħbar fuq TVM li xxandret nhar id-19 ta’ Ottubru 2014 rigward 60 triq rurali li se jsiru permezz ta’ Fondi Ewropej, jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-ismijiet tat-toroq u l-lokalitajiet fejn jinsabu, kif ukoll f’liema stadju waslu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’addendum tal-agreement li jkopri dan il-fond li sar f’Marzu tal-2015, it-toroq li ser jibbenefikaw huma 72. Din il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq li qed tintuża’ bħala devjazzjoni bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se tiġi rranġata, dan minħabba l-ammont ta’ ħofor li hemm fiha u issa ser tibda tintuża kuljum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għaddejjin mhumiex ta’ Transport Malta. It-triq li qiegħda tintuża bħala rotta ta’ devjazzjoni waqt dawn ix-xogħlijiet ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-devjazzjoni li qed tintuża bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se titnaddaf u jinqata’ l-ħaxix tat-triq kollha minħabba li huwa ta’ periklu kbir u jista’ jsir inċident?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati Malta? Ta' liema ċilindrata? Kemm minn kull ċilindrata? Kemm hawn hybrids? Kemm hawn tal-elettriku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Mejju 2015, f’Malta kien hawn 338,947 vetturi liċenzjati, hekk kif ġej:
Vetturi liċenzjati sal-31 ta’ Mejju 2015
Qawwa tal-magna
Ammont ta’ Vetturi
sa u nklużi 1300cc
140,901
aktar minn 1300cc sa u nklużi 1449cc
39,218
aktar minn 1449cc sa u nklużi 1500cc
24,672
aktar minn 1500cc sa u nklużi 1800cc
40,656
aktar minn 1800cc sa u nklużi 2000cc
41,120
aktar minn 2000cc
52,380
Ninsab infurmat ukoll li sa l-aħħar ta’ Mejju 2015 kien hawn 374 vettura liċenzjati bħala hybrids u 213-il vettura tal-elettriku.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — persuni impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika jekk hux qed jirreferi ukoll għall-dawk l-impjegati li għadhom taħt probation.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tindif tal-Belt Valletta? Kemm jiswa fis-sena dan is-servizz? Hemm xi ħsieb li jiżdiedu s-servizzi ta’ konvenjenza pubblika fil-Belt? Jista’ jgħid fejn u jagħti timeframe? Hemm xi ħsieb li jiżdied is-servizz ta’ indafa bi preparazzjoni għall-Valletta 18?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif tal-Belt Valletta huwa fir-responsabilità tal-Kunsill Lokali Valletta, b’eċċezzjoni taċ-Ċentru kummerċjali u Pjazza Kastilja li jitnaddaf mid-Direttorat għat-Tindif (dejjem rigward knis u ħasil ta’ toroq).
Rigward skart li jinġabar minn wara r-residenzi kif ukoll skart tal-ħwienet sal-lum huwa fir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Stabbilimenti kummerċjali bħal ristoranti u bars, għandhom il-kuntratturi privati tagħhom sabiex jinġabar l-iskart li jiġġeneraw.
Minn naħa tad-Direttorat għat-Tindif, is-servizz jiġi jiswa € 170,000 f’pagi, allowances u materjal li hemm bżonn għat-tindif. Rigward l-ispiża mill-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Hemm diversi inizjattivi ġodda li diġà bdew u ser ikomplu jittieħdu in konnessjoni mal-Valletta 2018.
Ġie introdott shift ġdid matul il-lejl, fejn qed isir xogħol ta’ knis u tbattil ta’ kontenituri tal-iskart. B’hekk solvejna l-problema ta’ influss ta’ skart fuq il-pavimentar taċ-ċentru kummerċjali, partikolarment minn stabbilimenti tal-ikel. Qed isir ukoll xogħol ta’ tindif u ħasil fiċ-ċentru kummerċjali nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa matul il-lejl.
Inizjattiva oħra ġdida, hija ħasla b’kimika apposta fil-pjazza tal-parlament il-ġdid u l-pavimentar tal-madwar, sabiex jitneħħa l-ħmieġ li jkun trabba bil-moviment tan-nies.
Qed tingħata attenzjoni ikbar ukoll liż-żona tal-Bus Terminus. Matul ix-xhur tas-sajf, iż-żona kollha tal-Bus Terminus ser tkun qed tinħasel matul il-lejl kull nhar ta’ Tlieta, Ħamis u Ħadd.
Inizjattiva oħra hija tat-tneħħija ta’ chewingum minn fuq il-pavimentar fiż-żona ċentrali tal-Belt Valletta permezz ta’ apparat apposta.
Hemm il-ħsieb ukoll li jinbidlu l-kontenituri kollha tal-iskart fiċ-ċentru tal-Belt Valletta u żoni oħra prominenti. Proprju bħalissa, qed issir koordinazzjoni sħiħa bejn l-entitajiet kollha konċernati sabiex jiġi identifikat l-aħjar kontenitur għal belt kapitali. Għall-ewwel darba ser ikun hemm tip ta’ kontenitur wieħed għall-belt kapitali.
Sar investiment fuq pedestrian sweeper li ser tkun it-tieni waħda li qed taħdem fiċ-ċentru kummerċjali tal-Belt.
Żdiedu wkoll il-frekwenzi ta’ tindif fi Triq l-Assedju l-Kbir, jew inkella magħrufa aħjar bħala r-ring road tal-Belt. Dan sabiex insaħħu iktar l-indafa fiż-żoni tal-Mużew tal-Gwerra, St.Elmo u MCC liema rotta tibqa sejra sal-Valletta Waterfront, fejn hemmhekk ukoll għandna persuna li tiknes ir-rotta sal-Marsa.
Rigward servizzi ta’ konvenjenza pubblika, id-Direttorat għat-Tindif kif ukoll il-Kunsill Lokali Valletta huma fir-responsabbilta’ ta’ strutturi eżistenti. Rigward inizjattivi ġodda f’dan is-settur, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li t-traffiku li jkun ħiereġ minn Triq Ġużeppi Portelli f'Ħal Lija fi Triq San Anton f'Ħ'Attard ma jiġix permess jipproċedi lejn Ħ'Attard iżda biss lejn Ħal Balzan għar-raġuni li Triq San Anton hija dejqa wisq għat-traffiku f'żewġ direzzjonijiet apparti li dan it-traffiku joħloq periklu kbir għall-persuni li jkunu deħlin jew ħerġin mill-Kitchen Garden tal-President?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li r-residenti taż-żona ta’ Triq Ġużeppi Portelli jistgħu joħorġu biss minn Triq San Anton jew minn Triq Annibale Preca, liema toroq it-tnejn huma dojoq. Infurmat ukoll li Triq San Anton hija l-uniku aċċess għal dawn ir-residenti sabiex imorru lejn it-tramuntana ta’ Malta. Għaldaqstant, minħabba raġunijiet ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku, tali talba ma tistax tiġi kkunsidrata f’dan il-mument.
Il-Belt Valletta — Triq San Mark u Triq iż-Żekka - tabelli u marki tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġu ffriskati t-tabelli u l-marki tat-traffiku fil-junctions mat-Triq ta' Marsamxett li tilwi għal Triq San Mark u bejn Triq San Mark u Triq iż-Żekka fil-Belt Valletta peress li dawn jintużaw ħafna bħala l-unika dħul għaċ-ċentru tal-Belt u peress li sikwiet ikun hemm inċidenti f'dawn il-junctionsu kultant sfortunatament anke fatali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li dan huwa xogħol ta’ manutenzjoni ta’ toroq tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant tali xogħol huwa taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ li għandha dwar it-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċċjal minn Transport Malta tkellem mal-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament rigward każ li jikkonċerna it-trasport pubbliku.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16912, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba, u dan speċifikament b’referenza għal dik il-parti tat-triq li tinsab eżatt wara t-traffic lights u salib it-toroq ma’ Triq Dawret in-Nawfraġju?
Response (MIZZI, JOE)
Nerga nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettallji dwar il-periklu previst fl-imsemmija triq.
San Pawl il-Baħar — Triq ix-Xagħra tal-Bandieri - xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16981, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-diffikultajiet legali li kien hemm mas-sidien tal-art fejn se tgħaddi t-triq ġewx megħluba u jekk iva, kif?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq xogħlijiet ta’ asflatar għall-ewwel darba wara li triq tkun iffurmata mis-sidien jew żvilluppaturi. Fir-rigward ta’ Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, abbażi tal-Artikolu Erbatax (14) tal-Avviż Legali numru 39 tal-2010, is-sidien kienu mfakkrin dwar l-obligu tagħhom li jifformaw it-triq, inkluż l-akkwist ta’ art neċessarja għall-istess formazzjoni, permezz ta’ avviż li ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-12 ta’ Diċembru, 2014.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16816, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’tender jew jekk ingħatax b’direct order? Jista’ jgħid min kien/u l-kuntrattur/i li ħadmu dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’referenza għall-Mistoqsija Parlamemntari 16816, Transport Malta timxi mar-regolamenti u proċeduri li jikkonċernaw nfiq pubbliku (public procurement). Fil-każ ta’ direct orders, ikun hemm raġuni speċifika għall-għoti tagħhom u dawn dejjem jiġu approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16815, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ir-railings u crash barriers ingħatawx b’direct order jew inħarġitx tender? Jekk inħareġ tender, jista’ jagħti r-referenza tat-tender li nħareġ? Jekk ingħata b’direct order, jista’ jgħid liema kumpanija kienet inkarigata biex tagħmel dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwantitajiet ikkwotati fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 16815 ġew allokatti permezz ta’ dawn it-tenders segwenti:
·TM 084/2012
·TM 085/2012
·TM 087/2012
·TM 270/2012
·TM 279/2012
·TM 100/2015
·CT 3077/2013 & CT 3078/2012 (Triq il-Kosta)
·CT3170/2013 (MODUS)
Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar – karozza tal-linja ċirkolari
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-servizz ta’ karozza tal-linja ċirkolari li twassal nies madwar il-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar, għadux jiġi pprovdut? Jekk iva, minn min u b’liema frekwenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk qiegħed jirreferi għar-rotta ċirkolari illi kienet ġiet introdotta mar-riforma tat-trasport pubbliku fis-sena 2011, li kellha in-numru 129 u li kienet tgħaqqad il-lokalitajiet ta’ Burmarrad, Wardija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba, ninsab infurmat illli din ir-rotta kienet twaqqfet fl-istess sena.
Il-Magħtab — Triq il-Kappella ta’ Santa Marija – speed cameras u sleeping policemen
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li Triq il-Kappella ta’ Santa Marija, il-Magħtab, qed tintuża bħala triq alternattiva sakemm titlesta triq il-Kosta, hemm xi ħsieb li fi Triq il-Kappella ta’ Santa Marija jitpoġġew sleeping policemen jew speed cameras biex jikkontrollaw l-veloċità eċċessiva li biha qed isuqu l-karozzi minn din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li iktar kmieni din is-sena f'din it-triq ġew implimentati speed limit signs u roundels ta' 30km/h flimkien ma’ SLOW markings. Infurmat ukoll illi fil-parti kantuniera ma’ Triq Arznu, ġiet implimentata island bil-hatching u bil-cats eyes. Minħabba li din it-triq hija diversion route ta' triq arterjali mhux rakkommandat li jsiru road humps.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta’ Triq iż-Żejtun, Ħal Tarxien, hijiex responsabilità tal-Kunsill Lokali Tarxien jew ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta’ Triq Santa Marija, Ħal Tarxien, hijiex responsabilità tal-Kunsill Lokali Tarxien jew ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta’ Triq Annetto Caruana, Ħal Tarxien, hijiex responsabilità tal-Kunsill Lokali Tarxien jew ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta’ Triq is-Sorijiet, Ħal Tarxien, hijiex responsabilità tal-Kunsill Lokali Tarxien jew ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.