Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm saru toroq li ħarġu b'kuntratt mill-gvern? Liema toroq kienu dawn? X'valur kienu l-kuntratti li ħarġu għal dawn it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għal mistoqsija parlamentari Nru. 20244.
Leg 9 PQ #20261 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Toroq — Luqa Road - Paola

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li saret biex jitwaħħlu pelican lights f'Luqa Road, Paola li kienet approvata mit-Traffic Control Board (Ref: ART & DIST RDS/59, LC45/3, LC62/3, Drawing RD26/00)? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsiru dawn il-pelican lights proposti għall-benefiċċju ta' l-abitanti u dawk li jkollhom jaqsmu din it-triq ferm traffikuża

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol meħtieġ hu mdaħħal f'kuntratt li ngħata mid-Dipartiment tat-Toroq għal biex isiru pelican lights f'diversi lokalitajiet, u x-xogħol f'Luqa Road hu maħsub li jibda xi tlett ġimgħat oħra.

Cruise Liner Passenger Terminal — Consortium

Question

B' referenza għal Cruise Liner Passenger Terminal jista' l-Ministru jgħid: (a) F'liema stadju waslu n-negozjati mal-Consortium magħżul għal dan il-proġett? (b) X'kienu t-talbiet ta' garanziji finanzjarji mitluba mill-Gvern u/jew mill-Awtorita' Marittima u jekk dawn ġewx onorati jew le? (ċ) Kien hemm xi bdil fis-set-up ta' l-investituri jew tal-partners barranin għall-proġett kif elenkati ma' l-offerta tal-Consortium magħżul, għal kif inhu kompost illum? (d) Illum, kemm hemm investiment barrani garantit ma' dan il-Consortium u x' dokumentazzjoni teżisti biex juri dan l-involviment? (e) Dan il-proġett arkitettoniku ta' dan il-Consortium jista' jsofri tibdiliet sostanzjali? F'każ ta' bidliet ta' din ix-xorta, x'jiġri? (f) X'inhuma t-time frames u d-dati preċiżi (i.e Critical Path Analysis) li fuqhom għandu jitlesta dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Toroq — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew awarded tenders għal xogħol ta' toroq matul is-sena 1999 u s-sena 2000 sa Ottubru? Kemm kien il-valur sena b'sena? Lil min ingħataw il-kuntratti? Kemm kien il-valur li ħa kull kuntrattur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-1999 ingħataw 69 il-kuntratt li jammontaw għal Lm4,309,291.76c, filwaqt li fl-2000 s'issa ingħataw 94 kuntratt li jammontaw għal Lm1,979,467.27c. Jien infurmat ukoll li fil-preżent hemm 14 il-tender li huma stmati li jiswew 7.9 miljun Lira Maltin li qegħdin fil-proċess ta' l-aġġudikazzjoni u 6 oħra li t-tendering period ser jagħlaq f'Ottubru u Novembru. Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm xogħlijiet fuq toroq li għaddej bħalissa? X'inhu l-programm tat-toroq ġodda u xogħol biex jiġu rranġati toroq prinċipali? Kemm qed jiswew u se jiswew dawn it-toroq? X'inhu l-programm ta' toroq ġodda u rranġar ta' toroq għas-sena li ġejja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-programm biex jiġu rranġati t-toroq prinċipali diġa ġie stabbilit skond il-Masterplan għat-toroq, li kopja tagħha kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Xogħol fuq toroq ġodda qed isir skond l-esiġenzi li għandu d-Dipartiment u bi ftehim mal-Kunsilli Lokali kkonċernati. Il-programm ta' toroq ġodda għas-sena d-dieħla għadu qed jinħadem. Bħalissa għaddej xogħol ta' toroq li komplessivament hu stmat li jiswa Lm4,870,512.56c li kopja tiegħu ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta — Ta' Mliet - Road Formation

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna min ħa l-kuntratt tar-road formation ta' Triq il-Waqqafa,. Ta' Mliet, Mosta fejn inbnew il-maisonettes tal-gvern u liema kundizzjonijiet kienu mposti fuqu sabiex it-triq tkun aċċessibbli aħjar milli hi llum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-Road Formation Works li saru riċentament fil-lokal għamluhom il-Kunsilli Lokali.

Maltapost — Pustiera

Question

Billi diversi persuni qagħdu għal eżami għal pustiera f'Diċembru 1999 u sa issa 60 biss ġew mgħotija post, jista' l-Ministru jgħid meta se jidħlu l-oħrajn u/jew xi pjani hemm għall-oħrajn? Kemm jibqa' validu r-riżultat ta' l-eżami?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PTA — Biljetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għaddew tlettax (13) xahar mindu għolew il-biljetti tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jgħid x'kien it-titjib li sar fl-operat tal-karozzi tal-linja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm bdil f'ċertu rotot u żidiet fil-frekwenza ta' vjaġġi. L-Assoċjazzjoni tas-Sidien qed timplimenta aktar dixxiplina. Saħansitra din waqqfet wieħed mill-membri tagħha milli jkompli jaħdem. Minn naħa ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku kienu irtirati t-Tags ta' żewġ xufiera. Proċess li nbeda xi żmien ilu jikkonsisti fi twaħħil ta' informazzjoni dwar ħinijiet u rotot fuq bus stops sabiex ikompli jgħin lil dawk kollha li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

Toroq — Assessment

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'sar u xi progress kien hemm fir-rigward ta' l-assessments tat-toroq li saru fl-area tad-Daqqa Santa Margerita, Tal-Wej u Ta' Xkora, fil-Mosta biex jiġu stabbiliti liema toroq iridu jiġu asfaltati skond il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 18167? Jista' jinformani meta dawn it-toroq tar-residenti Mostin se jiġu asfaltati u preferibbilment mogħtija t-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol ta' assessment għadu għaddej. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant tkun tista' tingħata meta l-lista ta' prijoritajiet li d-Dipartiment qed jipprepara flimkien mal-Kunsilli Lokali kollha tkun updated.

Ta' Xbiex — Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-bankina ġo triq bla isem u li qiegħda ġewwa l-housing estate ta' Ta' Xbiex ma' ġenb il-blokkijiet bl-ittra A?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bini ta' bankini jsir mill-Kunsill lokali.

San Pawl il-Baħar — Triq Ta' Zandu - Reserved Parking

Question

Peress li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ilha xhur tistenna li tinżeba r-reserved sign fi Triq Ta' Zandu, Qawra, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li jikkordina x-xogħol meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser nitlob lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Leg 9 PQ #20116 Sitting 397 2000-10-17 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Toroq — It-Telgħa ta' Alla u Ommu

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ingħatax it-tender għal-kisi bit-tarmac tat-triq magħrufa t-Telgħa ta' Alla u Ommu? Jista' jagħti ftit dettalji fejn din waslet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proċess ta' l-għażla wara s-sejħa għall-offerti li kienet saret mid-Dipartiment tal-Kuntratti u d-Dipartiment tat-Toroq għadu għaddej, u x'aktarx ma jdumx ma jiġi konkluż.

Toroq — Żabbar - Triq Papa Alessandro

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 209 (written answer - Seduta 363), jista' l-Ministru jara li jekk m'hemmx il-ħsieb li din it-triq issir fil-futur immedjat, possibli ta' l-anqas jintefa' ftit żrar u jiġi mgħoddi bir-romblu biex ta' l-anqas il-familji bi tfal żgħar ikunu jistgħu joħorġu bil-prams u l-pushchairs?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex wieħed jara x'jista' jsir.

Dipartiment tal-Wireless Telegraphy — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul il-perjodu 5 ta' Jannar, 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000 ħames impjegati ġew trasferiti mid-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili għal Dipartimenti oħra. Dawn kienu: Principal li ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Kultura b'effett mit-13 ta' Jannar 2000, Clerk li ġiet trasferita għad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi fl-istess Ministeru b'effett mill-1 ta' Frar 2000, Postal Auxiliary li ġie trasferit għas-Segretarjat tal-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi b'effett mit-3 ta' April 2000, General Hand li ġiet trasferita għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru b'effett mis-16 ta' Mejju 2000, Clerk li ġiet trasferita għad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni b'effett mit-12 ta' Lulju 2000. Dawn it-trasferimenti kollha saru fuq talba ta' l-istess individwi.

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku

Question

Peress li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta kellha ssir one way b'sistema apposta u skond mistoqsija parlamentari numru 17121 li jien għamilt fis-16 ta' Ġunju ta' din is-sena ġejt infurmat li ħarġu t-tenders sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi u bil-progress li sar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sistema opposta ta' one way fi Triq il-Kungress Ewkaristiku hija marbuta mal-proġett tan-North Ring Road li għalih saru sejħiet għal offerti.

Mosta — New Street in Constitution Street

Question

Peress li l-Ministru għall-mistoqsija tiegħi tas-27 ta' Ġunju ta' din is-sena kien infurmani li ta struzzjonijiet lid-dipartiment tat-toroq sabiex, flimkien mal-kunsill lokali tal-Mosta, jipproponu x'inhu l-aħjar li jsir sabiex tiġi rranġata New Street in Constitution Street, Mosta, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi li saru matul Lulju, Awissu u Settembru? Peress li r-residenti ilhom is-snin jistennew li xi ħadd jagħti kas din it-triq, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet jibdew bla aktar dewmien? Jista' jpoġġi l-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment għamel spezzjoni fil-lokalita' u l-akbar diffikulta hija li għalkemm tqegħdu l-mains tad-dranaġġ, dawn għadhom ma jistgħux jintużaw peress li għad trid tinbena l-pump room mid-Dipartiment tad-Dranaġġ. Sakemm dan ix-xogħol isir, id-djar u l-workshops fil-lokalita' ma jistgħux jitneħħewlhom il-fosos, u għalhekk dawn it-toroq ma jistgħux jiġu asfaltati għalissa.

MMA — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' Marittima? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000 ma ngħataw l-ebda trasferimenti lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' Marittima.

Mosta — North Ring Road - Tender

Question

Jista' l-Ministru jinformana x'ġara mit-tender biex tinbena l-Mosta North Ring Road li se tinkludi xogħol fi Vjal il-Qalbiena, Triq San Franġisku Pisani sa Triq il-Labour fil-Mosta, fejn it-Technopark, skond mistoqsija parlamentari numru 18167? Jista' jgħid meta ġie kkonsultat il-kunsill lokali u l-poplu tal-Mosta dwar dan il-pjan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol ta' evalwazzjoni ta' l-offerti li ntefgħu għal dan ix-xogħol għadu għaddej minħabba l-fatt li din hija tender ta' valur sostanzjali. Il- Kunsill ilu mas-sentejn jiġi kkonsultat minn żmien għal żmien dwar dan il-proġett.

Imtarfa — Bypass - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'ġara mill-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-kontinwazzjoni tax-xogħol tal-bypass ta' l-Imtarfa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha għaddejja bil-proċess tagħha biex tapprova dan il-proġett. Jidher li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed taħseb biex ikun hemm modifikazzjoni tal-proġett għal skopijiet ambjentali, iżda għad iridu jiġu mgħoddija lid-Dipartiment mill-Awtorita'.

Mellieħa — Triq Ninfa Calypso

Question

Peress li x-xogħlijiet bdew u waqfu kemm-il darba fi Triq Ninfa Calypso, Mellieħa, jista' l-Ministru jinformana bil-progress li sar mill-aħħar mistoqsija parlamentari numru 16699 li saret fil-5 ta' Ġunju ta' din is-sena? Jista' jara li jiġu ffinalizzati x-xogħlijiet immedjatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm xi dewmien biex jiġu riżolti diffikultajiet dwar it-tiġdid tal-mains ta' l-ilma, iżda dawn issa ġew riżolti.