Jista' il-Ministru ġentilment jaġġornana fiex waslet it-tender biex isir ix-xogħol fi Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa, Żabbar? Meta, bejn wieħed u ieħor, hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsa infurmat li dawn ix-xogħlijiet kienu se jsiru b’arranġamenti bejn l-MCAST, l-FOI , l-ADT u l-kuntratturi tat-toroq biex ikun hemm taħriġ għal ħaddiema f’dan is-settur.
Madankollu minħabba xi problemi li nqalgħu dawn ix-xogħlijiet se jsiru b’arranġament bejn l-ADT, l-FOI, il-kuntratturi tat-toroq u kumpanija barranija li ser tipprovdi t-taħriġ meħtieġ. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru ġentilment jaġġornana fiex waslet it-tender biex jiġi rranġat il-boundary wall f'Garden Road, Żabbar u meta se tiġi rranġata l-istess triq li ilha ħafna fi stat diżastruż u li tista' tiffranka ħafna traffiku mid-daħla u miċ-ċentru ta' Ħaż-Żabbar ladarba tkun irranġata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn ix-xogħlijiet kienu se jsiru b'arranġamenti bejn l-MCAST, l-FOI , l-ADT u l-kuntratturi tat-toroq biex ikun hemm taħriġ għal ħaddiema f'dan is-settur.
Madankollu minħabba xi problemi li nqalgħu dawn ix-xogħlijiet se jsiru b'arranġamenti bejn l-ADT, l-FOI, il-kuntratturi u kumpanija barranija li ser tipprovdi t-taħriġ. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 13038 u 13241 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - il-parti bejn ir-roundabout ta' Cortis u t-triq tas-Siġġiewi - u juri fejn se jsiru l-pedestrian crossings? X'tip ta' crossing hu propost li jsir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-pjanijiet oriġinali tal-parti tat-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant, kienet ser tiġi implimentata pedestrian crossing waħda u cioe' bejn De Rohan Gate u r-Roundabout tas-Siġġiewi, kif jidher fil-pjanta li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.. Dan il-crossing ser ikun regolat permezz ta' Pelican Lights. Bħalissa l-Awtorita' qed tikkunsidra l-possibilita biex ikun hemm pedestrian crossings oħrajn f'din il-parti tat-triq, speċjalment f’lokazzjonijiet biswit żewġ skejjel li hemm iħarsu għall-fuq l-istess parti tat-triq in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 13037 u 13240 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ u fuqha juri fejn se jittieħed l-ilma tax-xita li jinġabar fil-culverts?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq P.P. Reubens, f'Ħ'Attard hemmx ħsieb li ta' l-inqas tingħata wiċċ asfalt biex jitnaqqsu t-trabijiet kbar li hemm fiha? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Triq P.P.Ruebens hija mniżla fil-lista ta' toroq li jridu jiġu mibnija u asfaltati mid-Direttorat. L-istima preliminari ta' Triq P.P.Ruebens tammonta għal madwar Lm21,800.
Ix-xogħol f'din it-triq isir skond il-prijoritajiet li jirriżulta mill-programm tad-Direttorat.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani immedjati hemm biex jiġi evitat il-periklu li xi ħadd iweġġa' jekk il-pont tal-Bidnija, fit-triq bejn il-Mosta u l-Bidnija, jisfronda f'salt? Peress li jidher li hemm periklu li dan il-pont fil-fatt jisfronda, jista' jara li tingħata attenzjoni immedjata lil din l-istruttura?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq li tagħti min-naħa tat-Toqba tal-Birgu - Kalkara creek - għal taħt Sant'Anġlu - Dockyard creek - minn taħt il-fortifikazzjonijiet u li ġiet magħluqa mill-consortium Kottonera Waterfront issa hijiex se terġa' tinfetaħ peress li din il-mina kienet triq li tgħaqqad ix-xatt tal-Birgu ma' dak tal-Kalkara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Żvilupp Urban u t-Toroq — Diretturi u chairpersons
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12700, niċċara li qed nirriferi għad-diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena? Għaldaqstant jista' issa l-Ministru jirrispondi din id-domanda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda ri-appointment, li saru din is-sena, ta' diretturi fis-servizz pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. L-anqas ma kien hemm Diretturi li ma ġewx riappuntati
Jista' il-Ministru jindaga dwar jekk jistax isir xi forma ta' trasport ċirkolari ma' Birkirkara u l-irħula ta' madwar biex in-nies ikollhom aċċess għaċ-ċentru tas-saħħa u l-kunsill lokali? Dan jista' isir mill-Venda tas-71 f'Birkirkara.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li preżentament mhux qed jiġi ikkunsidrat li tiġi introdotta rotta ċirkulari f’Birkirkara u l-irħula ta’ madwar.
Dan minħabba li fost affarijiet oħra, kumpanija bl-isem ta’ Halcrow li ġiet kommisjonata sabiex tagħmel rapport rigward il-riforma li hemm maħsub li ssir fil-futur fit-Trasport Pubbliku. Għalhekk rotot ġodda ta’ ċertu portata mhux qed jiġu kkunsidrati f’dan il-mument.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn reġistrati vetturi bl-ittri (tax free)? Kemm kienu reġistrati vetturi bl-ittri TF kull sena mill-1996 'il hawn? X'inhuma l-kriterji li fuqhom wieħed jiddeċiedi jekk vettura għandhiex tkun reġistrata bl-ittri TF? X'inhuma l-ammonti li sid ta' vettura jiffranka kemm-il darba jirnexxielu jirreġistra vettura bl-ittri TF?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa hawn 2953 vettura reġistrata bl-ittri TF.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport tirreġistra vettura bi pjanċi TF meta din il-vettura jew tiġi eżentata mill-ħlas ta’ dazju doganali mid-Dipartiment tad-Dwana jew tingħata eżenzjoni sħiħa jew parzjali fuq il-ħlas tat-taxxa tar-Reġistrazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi skond Artiklu 19 (2) tal-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, Kap 368 tal-liġi ta’ Malta.
Fir-rigward tal-ammont tad-dazju doganali li wieħed jiġi eżentat nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat. Min-naħa l-oħra fir-rigward ta’ l-ammont ta’ taxxa tar-Reġistrazzjoni li tiġi ffrankata dan jiddependi skond l-eżenzjoni mogħtija mill-Ministeru tal-Finanzi u skond kif tiġi kklassifikata l-vettura mill-Awtorita’ dwar it-Trasport skond waħda mill-Kategoriji elenkati fit-Tieni
Skeda ta’ l-Att dwar Taxxa ta’ Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, Kap 368 tal-liġi ta’ Malta.
L-lista li turi n-numru ta' vetturi reġistrati bl-ittri TF kull sena mill-1996 l'hawn qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li tpoġġa line isfar tan-no parking proprju quddiem ħanut tal-laħam fil-lokalita' indikata separatament biex dan b'mod ovvju jitnaqqaslu l-bejgħ u telf ta' xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda riferenza jew approvazzjoni għas-sinjal isfar quddiem il-ħanut tal-laħam li għalih għamel riferenza l-Onorevoli Interpellant.
Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ħa azzjoni immedjata sabiex din il-linja safra titneħħa.
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħlijiet li suppost iridu jsiru mill-ministeru tiegħu marbuta mal-proġett tal-Kottonera, għadhom ma sarux u se jsiru din is-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li hemm diversi proġetti li bħalissa l-Gvern qiegħed jipprepara bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Kottonera.
Il-proġett li wasal fi tmiem tiegħu hu l-estensjoni tal-moll ta’ taħt Sant’Anġlu. Fuq dan il-proġett intefqu madwar Lm360,000 filwaqt li qed jiġi finalizzat il-kont finali.
Proġett ieħor jinkludi l-iżvilupp tat-Triq tal-Kalkara. L-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tistenna l-permess mill-MEPA.
Proġett ieħor huwa il-‘Landscaping Scheme’ tal-moll mir-Residenzi ta’ Sant’Anġlu sa Xatt Ir-Risq. Saret applikazzjoni lill-MEPA u qegħdin isiru taħditiet mall-konsorzja dwar l-implimentazzjoni tal-proposti.
Qiegħed isir ix-xogħol ta’ tiswija tal-parti tal-moll ta’ l-Isla li kien sarilha l-ħsara. L-istima ta’ spiża għal dan ix-xogħol hija ta’ madwar Lm40,317.
Proġett ieħor huwa l-pavimentazzjoni ta’ Triq San Lawrenz il-Birgu. Dan ix-xogħol huwa mistenni jibda għall-aħħar tas-sena.
Qiegħed jinkiteb id-dokument għal sejħa għal proposti sabiex jinbena l-car park ta’ Santa Margerita. Huwa ttamat li din is-sejħa ssir aktar tard din is-sena.
Inħarġet is-sejħa għal espressjoni ta’ interess sabiex isir l-iżvilupp ta’ Dock No 1 u l-inħawi tiegħu. Is-sottomissjonijiet huma mistennija jagħlqu fit-13 ta’ Settembru, 2005.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-pjani tal-gvern sabiex jinbena car park taħt Pjazza Sta. Margerita, Bormla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm applikazzjoni għall-parkeġġ msemmi u il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qiegħed ihejji ‘Request for Proposals’ msejjes fuq il-permess u studju ta’ vjabilita’.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12823 u 13040 u jgħid meta saret l-aħħar verifika ta' l-istat tat-triq li mill-Imġarr ta' Għawdex tieħu lejn il-bqija tal-gżira, peress li din għaddejja minn fuq soqfa b'ħafna ħsara lill-imħażen li hemm? X'irriżulta minn din il-verifika?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li Triq l-Imġarr u Triq ix–Xatt (mit-Terminal ta’ l-Imġarr sal-junction tal-Heliport), Għajnsielem, Għawdex ser tiġi mibnija mill-ġdid skond il-programm ta’ toroq imfassal mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Dan ix-xogħol, li hu stmat li ser jiswa Lm 1.66M, ser jiġi ffinanzjat (85%) mill-fond ta’ koezijoni tal-Unjoni Ewropea. Sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol diġa ġiet ippublikata u x-xogħol hu mistenni li jibda għall- aħħar ta’ din is-sena.
L-ADT ġiet mgħarfa mill-Ministeru ta’ Għawdex li s-soqfa ta’ dawn l-imħażen huma fi stat ħażin. Għalhekk saret spezzjoni f’uħud min dawn l-imħażen fejn irriżulta li partijiet mill-konkos kien imfaqqa bix-xibka mikxufa. Saret ukoll spezzjoni fuq wiċċ it-triq fejn ma ġewx innutati dipressjonijiet fil-wiċċ tat-triq li jistgħu ġew ikkawżati minn difett strutturali f’dawn is-soqfa. Sussegwentament dawn l-imħażen ġew imkejla u saret pjanta sabiex jiġi determinat liema parti tat-triq tgħaddi minn fuq dawn l-imħażen.
Fi żmien qasir ser issir spezzjoni dettaljata ta’ dawn is-soqfa u bħalissa b’koordinazzjoni mall-Ministeru għal Għawdex qed isiru kuntatti mas-sajjieda sabiex iċaqilqu il-materjal li għandhom maħżun f’dawn l-imħażen sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu is-soqfa biex isir ‘visual inspection’ u testijiet fuq dawn is-soqfa.
Ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq jinkludi l-bini mill-ġdid tas-soqfa ta’ dawn l-imħażen.
Hu ppjanat li dawn is-soqfa jinbidlu max-xogħlijiet tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq. Sejħa għall-offerti ġiet ippublikata fil-bidu ta’ dan ix-xhar u x-xogħol mistenni jibda fl-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13037 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ u fuqha juri fejn se jittieħed l-ilma tax-xita li jinġabar fil-culverts?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13038 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - il-parti bejn ir-roundabout ta' Cortis u t-triq tas-Siġġiewi - u juri fejn se jsiru l-pedestrian crossings? X'tip ta' crossing hu propost li jsir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li l-katusi tal-culverts ta' l-ilma tax-xita li saru fil-bypass ta' l-Imtarfa jitwasslu sal-wied peress li dawn tħallew ħafna aktar 'il fuq, bil-konsegwenza li l-ilma minn fihom jgħaddi minn fuq l-għelieqi u mhux talli ħarbat l-għelieqi imma ġarr il-ħamrija kollha għall-wied li issa spiċċa kważi imblukkat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sistema tal-ilma tax-xita li kienet implimentata fl-Imtarfa Bypass ser tiġi konnessa mall-culverts illi għadhom kif ġew kostruwiti fir-rotta bejn il-junction li tagħti għall-Imtarfa u l-junction magħrufa bħala tal-Qlejgħa, Mosta.
Ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq din il-konnessjoni ġew ippjanati biex jitlestew sal-aħħar t'Awissu, 2005.