Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji Soċjali mwaqqfa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet matul l-2014 fejn persuni li jieħdu l-benefiċċju soċjali kellhom dawn il-benefiċċji mwaqqfa għaliex kienu siefru għal perjodu qasir?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika li turi kemm persuni kellhom il-benefiċċji mwaqqfa għaliex siefru għal perjodu qasir.

Housing – każ ta’ individwu minn Birżebbuġia

Question

Jista’ l-Onor Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar kuntatt mal-persuna li dettalji qed jintbagħtu separatement u qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa għat-talba.

Sussidju — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament rigward sussidju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-ġranet li ġejjien ser jiġi fit-taqsima tal-Customer Care sabiex jissottometti l-applikazzjoni tiegħu għas-sussidju.

Awtorita tad-Djar – każ ta’ individwu minn Santa Luċija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fhiex waslet l-applikazzjoni mal-Awtorità tad-Djar li d-detalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tikkonċerna anzjana u omm persuna b’diżabilità li tirrisjedi f’Santa Luċija u liema applikazzjoni hija qaltli li ilha pendenti mis-17 ta’ Diċembru 2013 għal tiswija ta’ ċint fil-bitħa tal-appartament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mitluba fl-applikazzjoni msemmija jikkonsistu f’tibdil ta’ ċint fil-front garden tal-post li, skont il-policy ta’ Tiswijiet tal-Awtorita’ tad-Djar, tiswijiet minuri ta’ dan it-tip jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-inkwilin innifsu. L-Awtorita’ tad-Djar toffri Skema ADP fejn, suġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli, tagħti għajnuna finanzjarja biex isiru xogħlijiet ta’ tranġar permezz ta’ kuntratturi mqabbdin mir-residenti stess.

Kiri ta’ proprjetà lill-gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għandu jagħmel sid ta’ proprjetà li jixtieq jikri lill-Gvern il-proprjetà tiegħu għal użu ta’ akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandiex skemi għas-sidien li jixtiequ jikru l-proprjeta’ tagħhom lill-istess Awtorita’ għall-użu ta’ akkomodazzjoni soċjali

Awtorità tad-Djar – post ta’ koordinatur tal-IT

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa li saret u r-rekwiżiti meħtieġa għall-post ġdid ta’ koordinatur tal-IT ġewwa l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jpoġġi kopja tal-permess tal-PAHRO għal dan il-post? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri tal-bord tal-għażla u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tagħhom fuq l-għażla finali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet sejħa interna kif ukoll mal-ETC għall-post ta’ Koordinatur tal-IT. Il-Bord tal-għażla kien immexxi mis-Sinjura Margaret Quintano, is-Sinjura Antoinette Vassallo u s-Sinjura Helen Mallia. Kopja tas-sejħa kif ukoll il-permessi meħtieġa biex tinħareġ din is-sejħa qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – żjara fl-Ingilterra

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-sena l-oħra l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u persuni oħra marrux l-Ingilterra? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal din iż-żjara? Jista’ jgħid ukoll min akkumpanja lill-Ministru u x’kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara? Jista’ jgħid liema laqgħat kellu l-Kap Eżekuttiv u x’kienu r-riżultati ta’ din iż-żjara fl-Ingilterra u jekk kienux qed jakkumpanjaw il-Ministru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kap Eżekuttiv u l-Head tal-ICT tal-Awtorità tad-Djar, is-Chief Information Officer tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, kif ukoll rappreżentant tal-MITA attendew għall-‘IT in Housing Conference and Exhibition’ fl-Ingilterra. Dan peress li bħalissa għaddej eżerċizzju flimkien mal-MITA sabiex l-Awtorità tad-Djar iddaħħal sistema ta’ IT ġdida. Matul din iż-żjara, il-grupp iltaqa’ ma’ Service Providers biex jaraw il-prodotti tagħhom. Riżultat ta’ din iż-żjara, l-Awtorità tad-Djar u l-MITA jafu aktar ċar x’tip ta’ sistemi ta’ IT jeżistu fis-suq meta mqabbel ma’ dik li tixtieq iddaħħal l-Awtorità. L-ispiża totali ta’ din iż-żjara kienet ta’ €4,358.55. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul il-perijodu msemmi jien kont Strasbourg u ghalhekk parti mill-mistiqsija hija rrelevanti.

Awtorità tad-Djar – ħaddiema deployed

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li kienet deployed mal-Awtorità tad-Djar ġiet mitluba sabiex ma tibqax taħdem fl-istess Awtorità, meta din il-persuna kienet kordinatur tat-taqsima soċjali tal-istess Awtorità? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan u għalfejn intgħażlet hija biss meta fil-fatt hemm numru ieħor ta’ persuni deployed mal-Awtorità u għahdom jaħdmu mal-Awtorità? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ ħaddiema li huma deployed mal-Awtorità tad-Djar u jgħid kemm ilhom deployed? Jista’ jgħid kemm kien hemm minnhom li ġew revokati minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jikkonferma li dan ma sarx minħabba raġunijiet politiċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija flimkien ma’ tmien persuni oħra kienet detailed mal-Awtorita’ tad-Djar mill-15 ta’ Jannar 2008. Apparti dawn l-impjegati, impjegat ieħor irtira filwaqt li mpjegata oħra ġiet revokata fis-27 ta’ Marzu 2014. Il-persuna msemmija ma baqgħetx detailed minħabba li ma kienux meħtieġa aktar is-servizzi tagħha. Hemm 8 impjegati.

Awtorità tad-Djar – koppji li jaħdmu fl-istess uffiċċju

Question

Jaħseb il-Ministru li hija best practice għall-Awtorità tad-Djar li timpjega koppja li jaħdmu fl-istess rwol u fl-istess uffiċċju ta’ nutara tal-Awtorità tad-Djar? Jaħseb il-Ministru li jista’ jkun hemm konflitt ta’ interess meta l-ħidma tagħhom ta’ nutara hija li jsir double checking tal-kuntratti kollha tal-Awtorità? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan huwiex konformi mal-Public Service Management Code maħruġ mill-PAHRO? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm koppji li jaħdmu f’entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu li jaħdmu fl-istess uffiċini u għandhom l-istess rwol fil-ħidma tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex koppji li huma impjegati fl-istess rwol u fl-istess uffiċċju ta’ nutara tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – għeluq tas-sena finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għalqitx is-sena finanzjarja 2014 b’defiċit jew le? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kien dan id-defiċit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapport annwali u accounts ser jitpoggew fuq il-mejda tal-Kamra fil-gimghat li ġejjin.

Skemi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm skemi ġodda tnedew matul l-2014 u jgħid liema huma (b’referenza biss għal skemi li huma totalment ġodda u mhux għal skemi li kienu diġà jeżistu u ġew estiżi)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-Awtorita’ tad-Djar kompliet toffri l-iskemi tagħha għal irranġar u titjib, u sussidju fuq il-kera privata, fis-sena 2014 ħarġet ukoll skema ta’ bejgħ ta’ propjeta’ tal-Gvern bi prezz issussidjat.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — żieda fil-fees of office

Question

In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – Agreements dwar xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12713, jista' l-Ministru jwieġeb u jgħid b’referenza għall-intervent tal-Ministru fid-dibattitu tal-Baġit, fejn intqal li l-Ministru għamel 30 agreement ma’ kuntratturi għal xogħol li jista’ jkun hemm mill-Ministeru, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-agreements u jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol hu mistenni li jsir minn dawn il-kuntratturi? Jista' wkoll jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet li saru bħala parti minn dawn l-agreements? Fejn sar ix-xogħol li hemm referenza għalih fir-risposta, u f'kull każ kemm kien il-ħlas, u min kienu l-kuntratturi li għamlu dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li l-framework agreement ghadhom kif gew approvati u se jibdew jigu ffirmati.

Addozzjonijiet – restrizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma l-pajjiżi li fuqhom hemm restrizzjonijiet sabiex tfal minnhom jistgħu jiġu addottati minn koppji Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Ċentrali tikkonsulta mal-Hague Conference, mal-International Social Services (ISS) u l-UNICEF dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi li minnhom ikunu qed isiru adozzjonijiet internazzjonali. Jista’ jiġri li xi pajjiżi jwaqqfu l-adozzjonijiet minn pajjiżhom lejn pajjiżi oħra, u allura din ir-restrizzjoni ma tkunx biss fil-konfront ta’ Malta.

Addozzjonijiet – pajjiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi barranin jistgħu jaddottaw tfal koppji Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha Memorandum of Understanding (MOU) mal-Albanija u mas-Slovakkja. L-Aġenziji akkreditati għandhom kuntatti diretti ma’ pajjiżi oħrajn.

Bord tal-addozzjoni – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-bord responsabbli mill-addozzjonijiet f'pajjiżna matul is-sena 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fis-sena 2014 il-Bord Għall-Adozzjoni ltaqa’ 17-il darba.

Addozzjonijiet – applikazzjonijet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet/applikazzjonijiet pendenti ta' koppji jew individwi li qed jistennew sabiex ikunu jistgħu jaddottaw tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum, quddiem il-Bord tal-Adozzjonijiet, talbiet/applikazzjonijiet pendenti ta' koppji jew individwi li qed jistennew sabiex ikunu jistgħu jaddottaw tfal, hemm b’kollox ħmistax (15)-il każ, li qed jiġu studjati mill-Bord. Minn dawn, hemm ħdax (11)-il każ ġdid li għad trid tittieħed deciżjoni fuqhom, tlett (3) każijiet li jridu jiġu aġġornati wara li għaddiet sena, jew sentejn, mill-ewwel approvazzjoni, u każ wieħed (1) pendenti li l-Bord qiegħed jistenna aktar informazzjoni dwaru.

Persuni li jirċievu pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni fl-aħħar sena 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant lin-numru ta’ persuni li kienu jirċievu xi forma ta’ pensjoni matul is-sena 2014 kien ta’ 92,133 skont it-tabella t’hawn taħt. Inżid li hemm numru ta’ persuni li minħabba li matul is-sena msemmija nbidlet it-tip ta’ pensjoni li kellhom dritt għaliha, qegħdin jidhru darbtejn fl-ammonti murija. Hemm ukoll uħud li jkollhom dritt għall-pensjoni kontributorja b’rata anqas minn dik tal-eta’ mhux kontributorja u għalhekk jieħdu wkoll id-differenza minn din ta’ l-aħħar. Sena 2014 Tip ta’ pensjoni Numru ta’ pensjonanti Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar 61,495 Pensjoni għar-Romol 16,981 Pensjoni għall-Invalidità 5,363 Pensjoni għall-Età Mhux Kontributorja 5,353 Pensjoni għall-Disabilità 2,795 Pensjoni għall-Wens 146

Persuni li jirċievu għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-għajnuna soċjali fl-aħħar sena 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghal daqs tant it-twegiba tinghata f'seduta ohra