Faċilitajiet Sportivi – art għal faċilitajiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar fiex waslu l-laqgħat li qed isiru f'kumitat b'rappreżentanza mill-Gvern (Dipartiment tal-Artijiet u KMS) kif ukoll minn għaqdiet sportivi dwar policy li l-Gvern qed jikkunsidra li jattwa b'rabta mal-artijiet li fuqhom hemm jew se jkun hemm il-faċilitajiet sportivi ? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni li qed jiddiskutu din il-materja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ma jeżisti l-ebda kumitat b’rappreżentanza mill-Gvern (Dipartiment tal-Artijiet u KMS) u għaqdiet sportivi dwar xi policy li l-Gvern qed jikkunsidra li jattwa b'rabta mal-artijiet li fuqhom hemm jew se jkun hemm il-faċilitajiet sportivi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fil-Pixxina Nazzjonali bejn Ottubru 2013 u Mejju 2014 u li kienu elenkati f'rapport li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5019 f’Ottubru 2013? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża ta' dan ix-xogħol li sar fil-perjodu indikat? Jista' jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu li kien indikat fl-istess rapport ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9219. Sadanittant, saru xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nies qed jaħdmu jew jitħarrġu taħt din l-iskema fil-preżent? Kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol kull wieħed minn dawn il-persuni li qed jaħdmu jew jitħarrġu taħt l-iskema ‘Greener and Cleaner Gozo’? Kemm hu l-ħlas fil-ġimgħa li qed jieħu min jaħdem jew jitħarreġ taħt din l-iskema? Dawn il-persuni ngħataw kuntratt u jekk iva għal kemm żmien huwa dan il-kuntratt? Dawn il-persuni tneħħew mir-reġistru ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol sakemm idumu jaħdmu jew jitħarrġu f’ din l-iskema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskema “Greener and Cleaner Gozo” qed jitħarrġu 166 parteċipant.
Il-kriterji tal-eliġibilita` għall-iskema kienu li wieħed ikun qed jirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru u/jew xi ħadd li jkun ilu inattiv (mhux f’impieg) mill-1 ta’ Jannar 2014. Fil-mument tal-applikazzjoni in-numru ta’ nies li qed jipparteċipaw f’din l-iskema u li kienu fuq l-ewwel parti tar-reġistru kien ta’ 118. Minn dawn l-aktar persuna li ilha tirreġistra tmur lura 22 sena (1992).
Il-parteċipanti setgħu jagħżlu bejn 20 siegħa fil-ġimgħa jew inkella 40 siegħa fil-ġimgħa. Waqt dan it-taħriġ il-parteċipanti qed jingħataw €75.00 / €145.00 fil-ġimgħa rispettivament.
Mal-applikazzjonijiet tal-iskema l-parteċipanti ffirmaw dikjarazzjoni fejn qed jiġu nfurmati li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema fuq bażi voluntarja. Iż-żmien ta’ taħriġ għal kull min applika huwa ta’ perjodu ta’ 20 ġimgħa: mill-5 ta’ Mejju sal-20 ta’ Settembru, 2014.
Kif intqal aktar ‘il fuq, l-iskema “Cleaner and Greener Gozo” kienet eliġibli għal persuni bla impjieg u għal dawk il-persuni li mad-data tal-applikazzjoni kienu qegħdin jirreġistraw fuq l-ewwel parti. Għaldaqstant matul l-20 ġimgħa tal-iskema dawk li kienu qed jirreġistraw għadhom jidhru bħala tali anke tul il-perjodu tal-iskema. Tant hu hekk li l-parteċipanti li huma reġistranti fuq l-ewwel parti huma obbligati li jattendu għal kull intervista jew taħriġ skont kif ikunu mitluba mill-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li se jitwaqqaf Literacy Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jista' jagħti t-terms of refence ta' dan il-unit u jgħid kif se jsir l-ingaġġ tal-ħaddiema fi ħdan dan il-unit? Jista' jgħid kif dan il-unit se jkun differenti minn National Literacy Strategy Unit li diġà jeżisti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nikkonferma li se jitwaqqaf Literacy Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni. Ix-xogħol relatat mal-litteriżmu fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni huwa mżewweġ u rifless fl-istess Strateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex. Huwa mifhum illi l-edukaturi kollha għandhom sehem fit-tisħiħ tal-litteriżmu, madankollu hemm rwoli speċifiċi ta’ edukaturi speċjalizzati sabiex ikunu jistgħu jissaportjaw u jikkordinaw l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex taħt id-direzzjoni tad-Direttorati tal-Edukazzjoni.
L-ingaġġ tal-ħaddiema ser isir skont il-proċeduri stabbiliti.
L-Agenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li ġiet imwaqqfa b’Avviz Legali Nru 192/2014, ser tkun qed tikkordina l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li bdew kors tal-MCAST fil-bidu tas-sena skolastika 2013/2014 u kemm hu n-numru ta’ studenti li kienu għadhom qed isegwu kors fl-MCAST fl-ewwel ta’ Ġunju ta’ din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li bdew kors tal-MCAST fil-bidu tas-sena skolastika 2013/2014 kien 6417 u n-numru ta’ studenti li kienu għadhom qed isegwu kors fl-MCAST fl-ewwel ta’ Ġunju ta’ din is-sena kien ta’ 5668.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-korsijiet kollha li qed isiru fil-preżent hux se jerġgħu jinfetħu u/jew jitkomplew fis-sena skolastika 2014/2015? Kemm-il kors ġdid huwa ppjanat li jsir f’Għawdex fis-sena skolastika li ġejja u liema huma dawn il-korsijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-korsijiet kollha li qed isiru fil-preżent fic-Ċentru tal-MCAST t'Għawdex se jerġgħu jiġu offruti fis-sena akkademika 2014/2015. Se jkun offrut kors ġdid fit-tieni livell tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiċi li huwa l-"MCAST Foundation Certificate in Horticulture and Animal Care". Il-kors fir-raba' livell “MCAST BTEC Diploma in Children's Play, Learning & Development” li nfetaħ f'Ottubru 2013 se jidħol fit-tieni sena tiegħu bi studenti fit-tieni sena tal-programm kif ukoll studenti ġodda fl-ewwel sena.
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm korsijiet differenti fil-Campus tal-MCAST f’Għawdex? Liema huma dawn il-korsijiet u kemm-il student qed jattendu dawn il-korsijiet? F’liema sena wasal kull kors?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-azzjonijiet li ħa d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jassigura li s-servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jkompli jingħata, wara li f’Ġunju 2013, l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ kienet avżat li ma felħitx aktar tipprovdih hi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jassigura li s-servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jkompli jingħata nħareġ tender għall-għoti ta’ dan is-servizz.
Ingaġġ ta’ Learning Support Assistans b’livell ta’ Maltese Sign Language
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-dipartiment ħareġ ċirkolari biex jiġu ngaġġati Learning Support Assistans b’livell bażiku ta’ Maltese Sign Language (MSL) sas-sena skolastika 2018/19? Fuq liema parir sar dan? Hemm xi evidenza li LSA b’livell bażiku ta’ MSL, persuna nieqsa mis-smigħ tista’ tlaħħaq il-Kurrikulum Nazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva, nikkonferma li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħareġ ċirkolari għall-uffiċjali pubbliċi fil-gradi kollha ta’ Learning Support Assistants, li għandhom fil-pussess tagħhom ċertifikazzjoni f’Livell 1 u 2 ta’ Maltese Sign Language.
Dan sar biex tfal neqsin mis-smigħ li jużaw il-lingwa tas-sinjali jkun jista’ jkollhom l-appoġġ kontinwu bil-mezz ta’ komunikazzjoni tagħhom. Barra mill-għalliema tal-klassi/suġġetti u l-LSAs, biex persuna nieqsa mis-smigħ tlaħħaq il-Kurrikulum Nazzjonali, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi permezz tad-Dipartiment Servizzi għall-Istudent jipprovdi wkoll għalliema speċjalizzati fl-edukazzjoni u bżonnijiet ta’ studenti neqsin mis-smigħ li joffru appoġġ lill-istudent kif ukoll lill-għalliema u l-LSAs tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li persuni neqsin mis-smigħ m’humiex ċittadini tat-tieni klassi u li ħaqqhom almenu ftit investiment fil-bżonnijiet partikolari tagħhom, biex bħalma jsir f’pajjiżi avvanzati fejn huwa normali li persuni deaf anki jiggradwaw, il-problema tagħhom ta’ komunikazzjoni ma żżommhomx milli jilħqu l-potenzjal tagħhom kollu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Żgur li persuni neqsin mis-smigħ m'humiex ċittadini tat-tieni klassi u fil-fatt id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, minbarra li jipprovdi appoġġ ta’ LSAs għal studenti neqsin mis-smigħ, jipprovdi wkoll għalliema speċjalizzati fl-edukazzjoni u bżonnijiet ta’ studenti neqsin mis-smigħ li joffru appoġġ lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema u l-LSAs tagħhom. Dawn l-għalliema jkollhom taħrig speċjalizzat kontinwu biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar appoġġ f’dan il-qasam u b’hekk il-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti ma’ jżommhomx milli jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il borża ta’ studju ingħatat lil studenti taħt l-iskemi Malta Government Scholarship Scheme (MGSS), Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS) jew xi skema oħra amministrata mill-Ministeru tiegħu għal studji relatati mal-ambjent kull sena minn kemm ilhom jiġu offruti? Jista’ jindika kemm ingħataw boro¿ ta’ studju għall-Masters u għal PhD separatement dwar l-istess qasam? Jista’ jindika kemm minn dawn il-boroż ta’ studju, jekk fil-fatt ingħataw, ingħatawx għal riċerka li tiffoka fuq il-bidla fil-klima?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi ta’ riċerka għaddejjin bħalissa fl-Universita’ ta’ Malta li jiffokaw dwar il-bidla fil-klima? Jista l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ studji li saru f’dan ir-rigward mill-istess Universita’ mill-2008 ‘il hawn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji dwar kif studenti tal-Form 3 joqogħdu għall- Karta A jew Karta B tas-suġġett tal-Fiżika? Jista' jgħid meta jkunu nfurmati l-istudenti għal liema karta tal-eżami jkunu se joqogħdu? Jista' jinvestiga u jgħid jekk l-iskola Sekondarja Santa Tereża fl-Imrieħel imxewx mal-kriterji? Jista' jgħid x'azzjoni u x’rimedji jistgħu jittieħdu jekk il-kriterji ma ġewx segwiti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kriterji huma dawk li jinsabu fiċ-ċirkulari CMeLD 30/2013 datata 11 ta' Ġunju 2013. Il-kriterju ewlieni huwa l-marka tal-eżami tal-Annwal tax-Xjenza Integrata, fi tmiem il-Form 2. Dawk l-istudenti li jġibu aktar minn 40 marka f’dan l-eżami jitqiegħdu fit-Track 3 tal-Fiżika fil-Form 3. Matul il-Form 3, kemm l-istudenti li jkunu fit-Track 2 kif ukoll dawk fit-Track 3 jimxu mal-istess sillabu tal-Fiżika, pero` tat-Track 2 ikun f’livell iktar ħafif. L-istudenti li jkunu fit-Track 2 u juru progress, jintalbu jmorru fit-Track 3. Studenti oħra li juru x-xewqa tagħhom li jkunu fit-Track 3, jitħallew jagħmlu dan skont id-diskrezzjoni tal-kap tal-iskola. L-eżami annwali tal-Fiżika tal-Form 3, kemm għat-Track 2 kif ukoll għat-Track 3, ikun fih is-Sezzjoni A komuni għaż-żewġ Tracks. Sezzjoni B tkun differenti, bit-Track 3 titlob iktar xogħol minn Track 2.
Meta dawn l-istudenti jaslu fil-Form 5 u jiġu biex japplikaw għas-SEC, l-istudenti tat-Track 2 ikunu mistennija jagħmlu l-karta 2B u dawk ta’ Track 3 jersqu għall-karta 2A. L-iskola Santa Tereża, Sekondarja tal-Bniet, tal-Imrieħel qiegħda timxi fuq dawn il-kriterji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-somma ta' nofs miljun euro li kellha titħallas lill-assoċjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal faċilitajiet sportivi f' Għawdex tħallsitx u jekk tħallset meta sar dan il-pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari sar pagament wieħed lill-assoċjazzjoni indikata mill-Onor. Interpellant. Il-pagament sar f’Marzu 2014 u kien jammonta għal Ewro100, 000.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar spezzjonijiet li saru mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kif indikat fit-tabella li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhi r-raġuni li l-istudenti tal-MCAST tal-ewwel sena tad-Diploma in Business li poġġew għall-eżami Promoting and Branding (Marketing) f’Diċembru 2013 għadhom mingħajr riżultat, sitt xhur wara li għamlu l-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-riżultati tal-unit Promoting and Branding (Marketing) tad-Diploma in Business inħarġu xahrejn wara t-tmiem tal-unit. Billi, kif jiġri f’ħafna units, numru ta’ studenti m’għaddewx mill-unit u għalhekk kellhom bżonn jagħmlu t-tieni attentat (2nd attempt) għall-assignments imsemmija, dawn saru fi Frar u Marzu, 2014. Ir-riżultati ta’ dawn is-2nd attempts inħarġu fl-10 ta’ Ġunju, 2014.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa kull pagament tal-istipendju li student fl-MCAST mistenni li jirċievi? Jista’ jgħid ukoll jekk il-pagamenti isirux darba kull erba’ ġimgħat jew darba kull xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti jsiru kull erba’ ġimgħat. Id-dati tal-pagamenti huma l-istess bħal dawk tal-ħaddiema taċ-ċivil u ta’ studenti li jattendu f’entitajiet edukattivi oħra bħall-Universita`.
Ir-rati tal-istipendju, li jirriflettu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, huma kif se nsemmi:
Studenti li qed jattendu korsijiet minn Livell 1 sa Livell 4
Stipendju Normali €85.45 kull erba’ ġimgħat
Stipendju bis-Supplimentari €158.75 kull erba’ ġimgħat
Studenti li qed jattendu korsijiet ta’ Livell 5
Stipendju Normali €85.45 kull erba’ ġimgħat
Stipendju bis-Supplimentari €286.92 kull erba’ ġimgħat
Studenti li qed jattendu korsijiet ta’ Livell 6 (Normal Degree)
Stipendju Normali €85.45 kull erba’ ġimgħat
Stipendju bis-Supplimentari €286.92 kull erba’ ġimgħat
Studenti li qed jattendu korsijiet ta’ Livell 6 (Prescribed Degree)
Stipendju Normali €149.54 kull erba’ ġimgħat
Stipendju bis-Supplimentari €286.92 kull erba’ ġimgħat
Studenti Apprentisti TAS jew ESTS 1 u 2 sena
Stipendju Normali €87.64 kull erba’ ġimgħat
Stipendju bis-Supplimentari €158.75 kull erba’ ġimgħat
Studenti li jfallu jitnaqqsilhom l-istipendju skont kemm ifallu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Università ta' Malta li qed jistudjaw Master's Degree fid-Disability Studies? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tad-Disability Studies Unit għas-sena 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li preżentement hemm tmien studenti li qed isegwu kors marbut mal-Master fid-Disability Studies, u disgħa li qed isegwu kors preparatorju għall-Master fid-Disability Studies, fi ħdan il-Fakulta` għat-Tisħiħ tas-Soċjeta` fl-Universita` ta' Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tad-Disability Studies Unit għas-sena akkademika 2012/2013.
Università ta' Malta — studju fil-Ġerontoloġija u Ġerjatrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Università ta' Malta li qed jistudjaw Master's Degree fil-Ġerontoloġija u Ġerjatrija, u fid-Dottorat fil-Ġerontoloġija u Ġerjatrija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali taċ-Centru Ewropew għall-Ġerontoloġija għas-snin 2011, 2012, u 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li preżentement hemm tnax-il student li qed isegwu kors marbut mal-Master fil-Ġerontoloġija u l-Ġerjatrija, u żewġ studenti li qed jagħmlu d-Dottorat fil-Ġerontoloġija u l-Ġerjatrija, fi ħdan il-Fakulta` għat-Tisħiħ tas-Soċjeta` fl-Universita` ta' Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġerontoloġija għas-sena akkademika 2010/2011.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fl-Università tat-Tielet Età fiċ-Ċentri tal-Furjana, Kottonera, Sliema u Għajnsielem maqsumin b'eta u b'sess? Jista' jgħid kemm tħallas l-Università għall-kera ta' dawn iċ-ċentri? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni tal-ħlas għal kull lettur li jgħallem f'dawn iċ-Ċentri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tal-Furjana kien hemm total ta’ 527 membru, 153 raġel u 374 mara. 265 membru kellhom bejn 60-69 sena, 179 kellhom bejn 70-79 sena, 73 bejn 80-89 sena, u 10 li kellhom ’l fuq minn 90 sena.
Fiċ-Ċentru ta’ Tas-Sliema kien hemm total ta’ 96 membru, 42 raġel u 54 mara. 55 membru kellhom bejn 60-69 sena, 23 kellhom bejn 70-79 sena, 17 bejn 80-89 sena, u 1 li kellu/kellha ’l fuq minn 90 sena.
Fiċ-Ċentru tal-Kottonera kien hemm total ta’ 31 membru, 11-il raġel u 20 mara. 22 membru kellhom bejn 60-69 sena, 4 kellhom bejn 70-79 sena, 4 oħra bejn 80-89 sena, u 1 li kellu/kellha ’l fuq minn 90 sena.
Fiċ-Ċentru ta’ Għajnsielem kien hemm total ta’ 65 membru, 6 irġiel u 59 mara. 24 membru kellhom bejn 60-69 sena, 32 kellhom bejn 70-79 sena, 7 bejn 80-89 sena, u 2 li kellhom ’l fuq minn 90 sena.
L-Università tħallas €10,913.94 bħala kera ta’ disa` xhur għaċ-Ċentru tal-Furjana u €1,024 bħala kera għaċ-Ċentru ta’ Tas-Sliema. Fil-Kottonera jintuża l-University of Malta - Cottonera Resource Centre. Id-Day Centre għall-Anzjani f'Għajnsielem jintuża għal-lectures tal-Università tat-Terza Eta'. M'hemmx kera involuta fiż-żewġ każijiet.
Kull lettur li jgħallem f’dawn iċ-Ċentri jitħallas €21.65 fis-siegħa.