Jista' l-Ministru jgħid jekk t-toroq u rampa li kienu jeżistu għall-persuni b'diżabilita' fid-daħla tat-triq iċ-Ċimiterju ta' Marija Addolorata, Raħal Ġdid u nqalgħu mal-proġett li sar, humwiex se jergġħu jsiru peress li qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Bħala parti mill-kampanja ta' tindif madwar Malta, jista' l-Ministru jgħid: (a) jekk inbdietx din il-kampanja ta' tindif u x'konsultazzjoni saret mal-kunsilli lokali; (b) jekk fl-affermattiv, f'liema rħula beda jsir xi xogħol u minn min qed isir dan ix-xogħol; (c) jekk fin-negattiv xi pjanijiet hemm, u minn liema bliet u rħula għandu jinbeda x-xogħol ta' tindif?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mill-21 sat-28 ta' Novembru 1998, ser tinżamm il-kampanja ta' kull sena 'Clean up the World', fejn id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jgħin u jikkordina inizjattivi volontari ta' tindif minn għaqdiet u individwi.
Din is-sena, il-Ministeru għall-Ambjent qed jaħseb biex, fl-istess żmien iniedi kampanja parallela ta' tindif, minn ħaddiema ta' l-istess gvern, liema tindif ikompli anki fil-ġimgħat ta' wara.
Bħalissa l-Ministeru għall-Ambjent għaddej b'laqgħat mal-Kunsilli Lokali dwar diversi materji li jolqtuhom. Fost affarijiet oħra qed jissemmew postijiet speċifiċi li jinħtieġu interventi partikolari ta' tindif.
Diġa' nbeda x-xogħol madwar Santa Margherita Lines fil-Kottonera.
Jista' l -Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena 'l hawn kemm irċieva lmenti l-ministeru jew id-dipartiment dwar l-impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin, mill-Kunsill Lokali ta' Marsascala u mir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi ta' l-istess impjant?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena 'l hawn l-uffiċju tal-'Planning, Policy and Regulation' fi ħdan il-Waste Management laqa' ftit li xejn ilmenti minn għand il-Kunsill Lokali ta' Marsascala. Dan seħħ l-iżjed fix-xhur ta' Mejju u Awissu. Iżda, ma rridux ninsew li dawn ma ġewx irrapurtati direttament lid-Direttur tal-Waste Management Strategy Implementation Department.
Min-naħa l-oħra n-numru ta' ilmenti mir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi ta' l-istess impjant kien hekk:
Xahar %
----- ---
Jannar 0.90
Frar 1.33
Marzu 3.50
April 7.91
Mejju 9.67
Ġunju 8.75
Lulju 8.33
Awissu 29.03
Settembru 5.55
Ottubru 0.40
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment ta' l-Infrastruttura?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent ma jeżisti l-ebda Dipartiment ta' l-Infrastruttura u għalhekk nitolbu jippreċiża għal liema Dipartiment qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prattika li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi jiffirmaw l-attendenza kemm meta jidħlu għax-xogħol kif ukoll qabel ma jitilqu għadhiex fis-seħħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Iva, il-prattika għadha illi l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jiffirmaw l-attendenza kemm meta jidħlu għax-xogħol u kif ukoll qabel ma jitilqu għadha fis-seħħ, kif kienet fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbeda proġett sabiex fi Triq is-Sajjieda, l-Marsa u l-madwar ma jakkumulax dak l-ilma kollu kull meta tagħmel xita bil-qawwi tant li jinġarru n-nies b'periklu manifest għall-ħajja min barra d-drennaġġ li jfur u jidħol fid-djar privati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 855 (Seduta numru 10).
Jista' l-Ministru jsemmi għal-liema raġunijiet id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija qed jitfa' offerti għoljin fil-Kunsilli tal-Kottonera għal kuntratti tal-knis tat-toroq u l-latrini pubbliċi? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri għal kull offerta mitfugħa bejn l-1995 u l-1998 minn dan id-Dipartiment għal kuntratti maħruġa mill-Kunsilli tal-Kottonera? Jista' l-Ministru jsemmi n-numru ta' impjegati ta' dan id-Dipartiment li kienu jaħdmu fil-Kottonera fl-1994 u x'inhi l-pożizzjoni llum u kemm-il kuntratt kellu f'idejh fl-1995 u kemm għandu llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsijia parlamentari numru 572, huwa aċċettabbli għad-dipartiment li jħalli individwu bħala watchman fiċ-ċimiterju ta' Sant'Andrija meta din il-kategorija taqa' taħt skala anqas minn dik l-iskala li għandu dan il-ħaddiem? Ma jidihirlux il-Ministru li dan huwa ħela ta' man-power?
B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti dwar l-istess suġġett, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx diġa' xi ħlas lill-Perit Mintoff bħala kumpens dwar il-kwestjoni ta' l-Għarix u tal-power station? Jekk iva, meta sar dan il-ħlas u kemm kien l-ammont tal-ħlas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi s'issa l-Perit Dom Mintoff tħallas is-somma ta' LM128,000. indikata bħala danni f'paragrafu 2 tal-'letter of intent' maħruġa mill-Gvern preċedenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 572, jista' l-Ministru jgħidli minn min qiegħed jitħallas dan il-watchman, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet jew mid-Dipartiment tas-Saħħa? Jaf il-Ministru li dan iċ-ċimitrju jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Saħħa? Dan il-watchman iżomm ċavetta tal-katnazz ta' dan iċ-ċimiterju? Jista' l-Ministru jirrispondi l-kumplament tal-mistoqsija jiġifieri numri 2 u 3?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan il-watchman qed jitħallas mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Iċ-ċimiterju jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Saħħa. Dan il-watchman iżomm ċavetta tal-katnazz ta' dan iċ-ċimiterju minħabba li waħda mill-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu hija li jiftaħ u jagħlaq l-istess ċimiterju.
Fiż-żewġ ġonna msemmija ma hemm ħadd jaħdem ma' l-Uffiċju Ċentrali tad-Distretti fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward il-proċess ta riċiklaġġ ta' skart? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi negozjati ma' investituri privati li huma interessati li jgħinu f'dan il-proċess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-pjani tal-Gvern huma li jiġi riċiklat l-iskart organiku permess tas-sistema tal-'composting' u li jiġu rkuprati l-frazzjonijiet l-oħra li huma utli għal sistema oħra tar-riċiklaġġ.
Qegħdin jiġu kkunsidrati proposti li nirċievu minn investituri privati.
Jista' jsir xi ħaġa dwar iż-żewġ ħofor kbar li hemm bejn Triq ir-Rummien u Vjal in-Naspli, f'San Ġwann?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġetti ta' upgrading tas-South, jiġifieri Wied il-Għajn, Marsaxlokk u Birżebbugia, humiex se jitkomplew is-sena d-dieħla? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawk il-proġetti li se jitwettqu s-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda xogħol li kien inbeda m'huwa se jitwaqqaf u proġetti ġodda jitħabbru meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkarigu ġdid li ngħata l-perit Richard England għall-preparazzjoni ta' masterplan għal Bieb il-Belt huwiex kuntratt ġdid? Kemm hu l-valur ta' dan il-kuntratt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol li qiegħed jagħmel il-Perit Richard England huwa abbażi ta' l-istess kuntratt li kellu qabel meta kien maħtur bħala l-Perit responsabbli għall-Proġett taċ-Ċentru ta' l-Arti fl-1995, liema kuntratt huwa bbażat fuq skala ta' tariffi simili għal Tariffa K.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali kienu mġedda l-'Engineering Board' u l-'Masons' Board'.
Ma kien hemm l-ebda bord li ġie rikostitwit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjani li kellhom il-kumitati tar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u tal-Kottonera għadhomx fis-seħħ jew jekk ġewx mibdula? X'inhuma l-proġetti f'dawn il-pjani li huma maħsuba għas-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress illi l-kumitati tar-riabilitazzjoni għad iridu jinħatru mill-ġdid, jixraq li tingħata opportunita' lil dawn il-kumitati meta jerġgħu jinħatru biex ifasslu l-prioritajiet tagħhom. Fl-istess ħin, xogħlijiet mibdija mill-kumitati maħtura mill-amministrazzjoni preċedenti, baqgħu għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet għal park nazzjonali, jiġifieri dawk ta' (i) Salina/Burmarrad; (ii) Ta' Qali; (iii) Delimara; (iv) Kottonera Heritage Park?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pjanijiet għal Parks Nazzjonali waslu f'dawn l-istadji:
(i) Il-proposti tas-Salina/Burmarrad qed jiġu diskussi ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
(ii) Il-proposti ta' l-ewwel fażi għal Ta' Qali waslu fi stadju avvanzat.
(iii) Rigward Delimara, il-proposti għadhom qed jiġu żviluppati.
(iv) Il-proposta għall-Cottonera Heritage Park għadha fi stadju ta' diskussjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 334, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jsir il-proġett ta' water culvert u asfalt ta' Fisherman Street, Marsa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.