Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – Coordinators – curatorial support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex il-ħsieb li tingaġġa iktar Coordinators - Curatorial Support fis-sentejn li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta tikkunsidra li tagħmel dan skont iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet tal-aġenzija.

Heritage Malta – Senior Executive — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħaddiema ta' Heritage Malta fil-grad ta' Senior Executive ġewwa s-sezzjoni tal-proġetti, hux qed ikollhom jagħmlu xogħol ta' project manager u perizja, mingħajr ma jiġu kkumpensati xieraq kif ġara fil-passat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol kollu li sar u għadu jsir mill-impjegati msemmija kif ukoll mill-impjegati l-oħra kollha kien dejjem skond il-job description.

Kunsill Lokali tas-Siġġiewi – Triq Dun Anton Vella – passi kontra min jarmi ħmieġ fejn l-iskips

Question

Jista’ l-Ministru jelenka f’kemm-il każ il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħa passi kontra nies li nqabdu jarmu ħmieġ fejn l-iskips fi Triq Dun Anton Vella, fiż-żona li qiegħdha mgħassa bil-cameras?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li m’għandu l-ebda skips fi Triq Dun Anton Vella fis-Siġġiewi. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-bring-in site li tinsab fi Triq Nikola Bonello, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jinforma li ma kellu l-ebda każ li fih kien hemm bżonn li jittieħdu passi kontra xi persuna. Il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb li l-bring-in site titbattal b’mod regolari biex ir-residenti jkunu jistgħu jiddisponu mill-iskart kif suppost.

Ċittadinanza – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ ċittadinanza tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din il-mara ilha miżżewġa għall-14-il sena, it-tfal għandhom passaport Malti imma hi qatt ma kellha risposta fuq il-każ tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellanti illi d-Dipatiment tac-Cittadinanza m'ghandu l-ebda applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti fuq l-isem tal-persuna li d-dettalji taghha qed jinghataw separatment mil-mistoqija parlamentari. Napprezza jekk l-Onor. Interpellant jaghmel il-verifiki tieghu ghaliex waqt li fil-mistoqsija parlamentari l-Onor Parnis jagħmel referenza għal mara miżżewġa, d-dettalji mogħtija separatment jidher prima facie li huma ta' xi hadd iehor.

Heritage Malta – siti taċ-Ċittadella – Gozo Museum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta' Heritage Malta fir-rigward tas-siti taċ-Ċittadella ladarba jiġi inawgurat il-Gozo Museum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Habs il-Qadim u l-Muzew tal-Folklore huma attrazzjonijiet fihom infushom u se jibqgħu jiffunzjonaw bħal-lum. Casa Bondi, li llum tospita l-Mużew tal-Arkeoloġija, se tkun iċ-ċentru ta’ Heritage Malta fiċ-Ċittadella. Għadhom qed jiġu evalwati għadd ta’ possibiltajiet għal użu kulturali alternattiv fir-rigward tal-Mużew tan-Natura u l-ftit spazji okkupati bl-uffiċċji.

Heritage Malta – kundizzjonijiet tax-xogħol tal-periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-periti li jaħdmu ma' Heritage Malta humiex ekwivalenti għal dak tal-periti li jaħdmu mad-Direttorat tar-Restawr? Jista’ jgħid jekk hux qed tingħata opportunità lil dawn il-periti sabiex jagħmlu skambji bejniethom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr huma żewġ entitajiet differenti, u għalhekk il-periti kif ukoll il-ħaddiema l-oħra kollha huma rregolati mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew Ftehim Kollettiv tal-entitajiet rispettivi. Madanakollu f’dawn l-aħħar tliet snin il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet kibret ħafna u fil-fatt għadd ta’ proġetti qed isiru bi sħab. Insemmi wieħed biss: il-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru, ko-finanzjat minn fondi strutturali tal-UE.

Heritage Malta – biljetti – sistemi differenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex Heritage Malta għandha tliet sistemi differenti għall-biljetti (sistema għall-biljetti u l-membership magħrufa bħala JTICKET, sistema għall-bejgħ mill-ħanut magħruf bħala SHIREBURN u sistema għall-bejgħ tal-biljetti tal-Ipoġew - li bħalissa huwa magħluq) għall-mużewijiet u għas-siti tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-htigijet tas-sistemi tal-biljetti (JTICKET) u tal-bejgħ tal-prodotti (SHIREBURN) għandhom ħtiġijiet tekniċi speċfiċi u differenti minn xulxin, u għalhekk jeħtieġ li jkunu separati. Is-sistema tal-Ipoġew kienet teżisti qabel it-tnejn l-oħra msemmija u għadha taqdi dmirha tajjeb.

Heritage Malta — Collections Management - sistemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' sistema/i Heritage Malta tuża fir-rigward tal- Collections Management?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa Heritage Malta tuża għadd ta’ sistemi sabiex taqdi l-funzjoni ta’ collection management. Dawn huma MUSES (sistema żviluppata mill-aġenzija bħala riżultat ta’ proġett tal-UE), STERNA (l-istess bħal qabel), u sistemi oħra skond il-kollezzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħha. Bħalissa għaddej proċess ta’ preparazzjoni sabiex eventwalment dawn is-sistemi jkunu jistgħu jingħaqdu f’sistema waħda.

Heritage Malta – Senior Executive — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta minn skala ta' Senior Executive 'l fuq għandu permess biex ma jużax il-palm reader? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-e-mails li jinkludu l-approvazzjoni tas-CEO sabiex dawn il-ħaddiema jkunu eżentati milli jirreġistraw l-attendenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda impjegat ma għandu permess li ma jużax il-palm reader salv is- CEO. Dawk kollha li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jużawh iridu jiġġustifikaw għaliex mas-superjuri tagħhom.

Heritage Malta – Forti Sant’Anġlu – servizz ta’ electric car

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fit-8 ta' Settembru li għadda, Heritage Malta ma fetħitx il-Forti Sant’Anġlu b'xejn għall-pubbliku iżda żammet €2 lil kull persuna li attendiet għall-open day? Jista’ jgħid jekk kienx hemm is-servizz tal-electric car għall-individwi bi bżonnijiet speċjali li kien diffiċli għalihom jitilgħu fil-Forti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għadd kbir ta’ open days mingħajr ħlas li torganizza Heritage Malta matul is-sena iridu jiġu mwieżna b’oħrajn fejn il-pubbliku jintalab iħallas prezz minimu sabiex dawn ikunu parzjalment sostenibbli u jkunu jistgħu jibqgħu jsiru. Rigward l-electric car, din intużat fil-ftit okkażjonijiet li ntalab is-servizz tagħha.

Kunsilli lokali – live streaming tal-laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-Kunsilli Lokali li għad m’għandhomx fis-seħħ is-sistema ta’ live streaming għal-laqgħat tal-kunsill? Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li sal-15 t’Ottubru 2016 għalkemm għandhom is-sistema ta’ live streaming iżda mhux qed jittrasmettu “Live Streaming” tal-laqgħat tal-kunsill lokali tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali kollha.

Diġitazzjoni tal-Kollezzjoni Nazzjonali — proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tad-Diġitazzjoni tal-Kollezzjoni Nazzjonali? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li Heritage Malta żżid ir-riżorsi fuq dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ diġitazzjoni huwa wieħed kontinwu u miexi b’mod sodisfaċenti. Rigward ir-riżorsi, dan l-aħħar Heritage Malta żiedet impjegat li jiffoka wkoll fuq dan l-aspett.

Heritage Malta — Pittura ta’ Ġużeppi Cali – Il-Mewt ta’ Dragut

Question

Fl-okkażżjoni tal-150 sena anniversarju tal-pittura tant famuża ta' Ġużeppi Cali, “Il-Mewt ta' Dragut”, jista’ l-Ministru jgħid x'programm ta' attivitajiet ser torganizza Heritage Malta sabiex tiċċelebra dan l-avveniment? Jista’ jgħid kemm-il fondi ġew allokkati għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda ħsieb partikolari sabiex jiġi mmarkat dan l-anniversarju tal-pittura msemmija. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti jinsab magħluq, u l-forzi kollha huma kkonċentrati fuq il-proġett MUZA, inkluż il-konservazzjoni tal-oġġetti.

Heritage Malta – ħaddiema li jattendu konferenzi u esebizzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'qed tagħmel Heritage Malta sabiex tinkoraġġixxi lill-ħaddiema tagħha sabiex jattendu konferenzi u esebizzjonijiet barra minn Malta? Jista’ jgħid kemm-il ħaddiem u min kienu l-ħaddiema li attendew xi konferenza jew esebizzjoni barra minn xtutna minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-safar jigi regolat skond il-bzonnijiet u l-obbligi tal-agenzija. Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ dawk li siefru minn Marzu 2013 sa issa sabiex jattendu wirjiet, konferenzi jew b’rabta ma’ progetti partikolari.

Heritage Malta – Swali ta’ Sant’Anġlu – units tal-arja kundizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb iżżid il-units tal-arja kkundizzjonata fis-swali ġewwa Sant’Anġlu? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li tiġi installata sistema ta' arja kkundizjonata ġewwa l-Mużew tal-Arkeoloġija ġewwa l-Belt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-swali ta’ Sant Anglu diga huma mghammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata. Madanakollu qed issir verifika dwar jekk hemmx htiega li din tigi mmodifikata jew mizjuda. Rigward il-Muzew tal-Arkeologija, diga gew stallati ghadd ta’ kundizzjonaturi s-sena li ghaddiet. Ohrajn jigu stallati skond il-bzonn fiz-zmien li gej.

Heritage Malta – forum nazzjonali fuq l-arkivji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'se jkun il-kontribut ta' Heritage Malta fir-rigward tal-forum nazzjonali fuq l-arkivji li se jsir f'Ottubru li ġej?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Arkivji Nazzjonali u Heritage Malta huma zewg entitajiet kompletament differenti, li madanakollu jikkooperaw flimkien kull fejn jistghu. Heritage Malta ospitat il-forum imsemmi u ffacilitat kemm setghet fl-organizzazzjoni tieghu.

Heritage Malta – grad ta’ conservator

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat Heritage Malta kellha fil-grad ta' Conservator f'Marzu 2013 u kemm hemm Conservators issa? Jista’ jgħid taħt liema speċjalizzazzjoni jaqgħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2013 b’kollox kien hemm 15-il conservator impjegati ma’ Heritage Malta (1 senior conservator, 3 principal conservators, 4 objects conservators, 3 painting conservators, 2 paper conservators, 1 textile conservator u 1 wood conservator), filwaqt li din is-sena hemm 14 (1 senior conservator, 2 principal conservators, 4 objects conservators, 3 painting conservators, 2 paper conservators, 1 textile conservator u 1 wood conservator).

San Pawl il-Baħar – speed camera — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ ċitazzjonijiet li nħarġu mill-ispeed camera fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, xahar b’xahar, matul din is-sena? Kemm minn dawn iċ-ċitazzjonijiet kienu għall-sewwieqa ta’ muturi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — insurances

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27791 u 27923 u jgħid kemm kull kunsill lokali jħallas għal kull tip ta’ polza ta’ insurance li għandu? Jista’ jgħid għal kull kunsill lokali individwali, kemm sar ħlas għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — pożizzjonijiet attwali dwar bini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27868 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali (jekk hux mikri, mixtri, tal-Gvern eċċ.) ta’ kull bini, ta’ kull kunsill lokali u jpoġġi d-dokumenti relatati għal kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali kollha.