Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża attwali globali maqsuma f' kapital u rikorrenti li ntefqedt għar-residenza San Vincenz De Paule, sena b' sena fis-snin 2000 u 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża attwali li ntefqet għar-Residenza San Vinċenz de Paule hija kif spjegat hawn taħt:
Sena 2000
Spiża Kapitali - Lm 91,883
Spiża Rikurrenti - Lm6,963,854
Sena 2001
Spiża Kapitali - Lm 21,445
(Sa Lulju)
Spiża Rikurrenti - Lm5,163,302
(Sa Awissu)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani rġiel u nisa li ġew ammessi f'San Vinċenz De Paule minn Jannar ta' din is-sena sa' Ġunju 2001 u kemm minnhom ġew ammessi direttament mid-dar tagħhom jew mill-isptar San Luqa jew minn xi istituzzjonijiet oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li tilfu l-impjieg minn Jannar 2001 sa issa ? Jista' jaqsamhom f'kemm minnhom kienu impjegati mal-privat u maċ-ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru xahar b'xahar minn Jannar 2001 sa issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' anzjani li qed jagħmlu użu mit-Telecare u kemm fadal nies fil-waiting list matul is-snin 2000 u 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 8467 abbonati tat-Telecare. Filwaqt li hemm 7 każijiet pendenti għas-sena 2000 u 12-il każ pendenti għas-sena 2001 - hemm ukoll 38 anzjani jistennew l-installazzjoni tas-sett tat-Telecare mill-Maltacom plc.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' ġuvni li qiegħed jitlob biex jiġi boarded out jitmexxa mil-aktar fis permess li l-każ tiegħu jidher li ilu mhux ħażin? Il-partikularijiet ta' dan il-każ jinsabu annessi separatament min din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma rċieva ebda talba għall-Pensjoni ta' l-Invalidita' mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar postijiet nri. 26-27 fi Triq Santa Rita(jinfdu ma' Triq San Vinċenz) il-Marsa
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda nformazzjoni dwar il-postijiet indikati mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jispeċifika għal liema żviluppi qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-proċedura li tintuża mill-Bord tad-Dħul tar-residenti f'San Vinċenż De Paule biex jittrattaw il-każijiet urġenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet kollha jiġu trattati fuq il-meritu individwali tagħhom. Każijiet jiġu meqjusa bħala urġenti huma dawk li -
- l-anzjani jkunu ta' eta' avvanzata ħafna
- dawk li jkollhom mard kroniku u serju u jkollhom bżonn kura intensiva minn naħa tan-nursing.
- dawk il-persuni li ma jkollhomx post fejn joqgħodu minnħabba ċirkustanzi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom.
- każijiet oħra li l-Bord jaħseb u jaqbel li għandhom jingħataw prijorita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li għamlu użu mis-servizz tal-handyman matul is-snin 2000 u 2001 u kemm kien hemm minnhom li ħadu dan is-servizz b' xejn għax għandhom il-karta r-roża u kemm kien hemm minnhom li ħadu s-servizz b' sussidju għax ma kellhomx karta roża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li għamlu użu mis-servizz tal-Handyman matul is-sena 2000 u din is-sena sat-18 ta' Settembru li għadda hu ta' 2187.
Minn dawn, 1320 kellhom il-Karta r-Roża u 867 ħadu s-servizz b'sussidju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' anzjani li applikaw biex jidħlu f'San Vinċenz de Paule u fid-Dar ta' l-Imtarfa sal-lum? Kemm minnhom huma nisa, rġiel jew koppji ta' kull raħal jew belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
.Jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun tista tidħol S.V.P.R. l-persuna li d-dettalji qed jibtbagħtu serparatament, anzjana ta' 94 sena? X' inhi l-waiting list ta' persuni jistennew biex jidħlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna konċernata ġiet sottomessa lill-Admissions Board u qiegħda tiġi kkunsidrata fuq il-meriti tagħha bħall-applikazzjonijiet oħra.
L-Admissions Board ta l-attenzjoni kollha meħtieġa għal din l-applikazzjoni u ġiet impoġġija fil-Lista tal-Prijoritajiet.
Il-waiting list preżenti għad-dħul ġewwa San Vinċenz hija ta' 675.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tgħix fost ħmieġ, wirdien u anki nuqqas ta' ikel, tiddaħħal l-isptar residenzjali San Vincenz de Paule biex tingħata kura li tixraq lil kull persuna f' soċjeta' civilzzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija koppja saret fid-9 ta' Awissu 2001. Il-każ qiegħed jiġi proċessat.