Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-average ta' ħlas fuq VAT u fuq l-income tax għall-persuna impjegata u oħra self-employed Maltija u Għawdxija għas-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub rigward ħlas ta’ income tax għas-sena 2003 hija din:
Persuna Impjegata: Malta Lm499; Għawdex Lm386
Persuna Self Employed: Malta Lm258; Għawdex Lm257
Għar-rigward ta’ VAT, id-Dipartiment m’għandux dettalji ta’ l-average ta’ ħlas minn persuni impjegati u minn self-employed. Ir-rekords li jinżammu mid-Dipartiment tal-VAT huma biss fuq bażi ta’ nace codes.
Jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' l-apparat mediku kollu li nxtara għall-isptar Mater Dei sal-lum?
Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' l-apparat li ntalab oriġinarjament għall-isptar Mater Dei?
Jista' jikkonferma jekk kienx hemm apparat li tħalla barra mit-talba oriġinali?
Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku?
Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti?
X'kienet l-ispiża għal kull unit li nxtrat u l-ispiża globali ta' l-apparat mixtri s'issa?
Jista' jagħti rendikont ta' l-aġenti u distributuri lokali li kienu nvoluti fil-bejgħ ta' dan l-apparat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinsab fit-tabelli li huma annessa.
Jista' il-Prim Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont totali li ntefaq fuq safar uffiċjali matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta’ Ġunju) minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt:
Uffiċċju tal-Prim Ministru
2003
2004
2005
(sa l-aħħar ta’ Ġunju)
Ministeru/Dipartimenti
233,488
204,584
78,186
Entitajiet Pubbliċi
3,724
16,365
7,200
Ministeru tal-Finanzi
200320042005
(sa l-aħħar ta’ Ġunju)
Ministeru/Dipartimenti
204,268
212,397
113,002
Entitajiet Pubbliċi
129,198
146,960
92,168
Irrid inżid li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma’ laqgħat ta’ l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-ammont ta’ Lm56,700 diġà ġie refunded waqt li Lm63,778 għad irid jiġi refunded lill-Gvern Malti. Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi l-ammont ta’ Lm198,612 diġà ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill-Gvern Malti.
Jista' il-Prim Ministru jagħti update aġġornat dwar ix-xogħol li sar s'issa għal euro conversion?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-13 ta’ Ġunju 2005 il-Gvern waqqaf Steering Committee for the Euro Adoption, li ser jitmexxa mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onorevoli Tonio Fenech. Kumitat ieħor li ser jirraporta l-iSteering Committee huwa n-National Euro Changeover Committee li hu mmexxi mis-Sur Joseph F X Zahra.
In-National Euro Changeover Committee qed jikkordina l-aspetti nazzjonali kollha ħalli l-implimentazzjoni tal-Euro tkun suċċess. Fil-fatt, qed jiġi fformulat pjan strateġiku għall-addozzjoni tal-Euro billi numru ta’ sotto kumitati ġew iffurmati ħalli l-konsultazzjoni tkun wiesgħa u tinkludi kull settur. Il-kumitat nazzjonali qiegħed jiltaqa’ regolarment.
Wara din il-konsultazzjoni, il-pjan strateġiku jiġi mħabbar fix-xhur li ġejjin.
Wara li ttieħdu passi biex is-sistema ta' tassazzjoni fuq bejgħ ta' proprjeta' li tkun ġejja minn eredita' tbiddlet, fis-sens li kulmin wiret proprjeta' bejn il-25 ta' Novembru 1992 u l-24 ta' Novembru 2003 kellu l-opportunita' li jirrivaluta l-istess proprjeta', jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il dikjarazzjoni ġiet sottomessa quddiem id-dipartiment tal-capital transfer duty? Kemm kien l-ammont ta' taxxa (duty) li ġiet imħallsa fuq dawn ir-rivalutazzjonijiet? Kemm-il dikjarazzjoni ta' causa mortis kien hemm matul il-perijodu hawn fuq imsemmi, cioe' bejn l-1992 u l-2003? Hemm xi ħsieb li din l-iskema tiġi estiża? Jista' jgħid jekk il-gvern laħaqx il-miri tiegħu bin-numru ta' applikazzjonijiet li ken hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li 2,014-il att pubbliku ngħataw lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni li bihom aġġustaw il-valur tal-proprjetà immobbli li ntirtet wara l-24 ta’ Novembru, 1992 u qabel il-25 ta’ Novembru 2003 skond ir-Regoli ta’ l-2005 dwar Aġġustamenti għall-Valur Dikjarat ta’ Proprjetà Immobbli.
L-ammont ta’ taxxa mħallsa fuq dawn l-aġġustamenti kien ta’ Lm1,532,544.
Bejn l-istess perjodi ta’ l-1992 u l-2003 il-Kummissarju ġie notifikat bi 18,940 dikjarazzjonijiet causa mortis f’liema numru jinkludu dikjarazzjonijiet addizzjonali u korretorji. L-iskema għalqet fit-30 ta’ Ġunju, 2005.
Il-Gvern ħass id-dmir li jagħti l-opportunità lill-werrieta li wirtu matul il-perjodu msemmi, li jaġġustaw il-valur fid-dikjarazzjonijiet oriġinali mingħajr miri speċifiċi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13519, jista' il-Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċekk ta’ rifużjoni fuq VAT 95 dovut lill-kumpanija msemmija ntbagħat f’April 2005 fl-indirizz notifikat lid-Dipartiment. Iċ-ċekk kien maħruġ f’isem il-kumpanija. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-persuna lid-Dipartiment sabiex isiru iktar investigazzjonijiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li huwa maħsub li għandhom private insurance scheme f'pajjizna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ life policies matul is-sena li għaddiet kien ta’ 131,054 filwaqt li n-numru ta’ health insurances policies għall-istess sena kien ta’ 105,669.
Jista' il-Prim Ministru jindika l-ammont ta' persuni li tressqu l-Qorti fis-snin 2003, 2004 u 2005 (s'issa) fuq allegat ksur tal-liġi tal-VAT? Kemm weħlu komplessivament (sena b'sena) f'termini ta' multa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li tressqu l-Qorti fuq allegat ta’ ksur tal-liġi tal-VAT u kemm weħlu komplessivament f’termini ta’ multi huwa kif jidher hawn taħt:
Tressqu l-Qorti
Multi Imposti
2003
1858
Lm206,764
2004
1906
Lm293,366
2005 (sa Awissu)
1009
Lm279,394
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm qegħdin jinżammu persuni li qegħdin ifittxu l-ażil f'ċentri ta' detenzjoni tal-brigadier tal-forzi armati ta' Malta? Jista' jagħti breakdown tan-numru, ċentru ċentru b'indikazzjoni taċ-ċentru fejn jinsab?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk immigrant Malti li jibgħat lejn Malta container b'affarijiet personali għall-proprjeta' tiegħu f'Malta jridx ikun preżenti hu biex jiġi released il-container mid-dwana, inkella jistax dan il-container jiġi released minn membru tal-familja li jkollu ipotetika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Immigrant Malti jista’ jibgħat lejn Malta container b’affarijiet personali, użati, għall-proprjetà tiegħu f’Malta mingħajr ma hu jkun preżenti hawn Malta. Il-container jista’ jiġi rilaxxat lill-membri tal-familja. F’każ bħal dan id-Dwana titlob garanzija li tingħata lura dment li l-immigrant jiġi Malta sa sitt xhur mid-data li l-container daħal fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Prim Ministru jara li jintbagħat rendikont ta' kemm għandu jagħti f'arretrati tal-pensjoni anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal pensjoni tat-teżor. Jekk dan hu l-każ, jiena nfurmat li l-anzjan indikat qatt ma kien pensjonant tat-Teżor u għaldaqstant m’hemm l-ebda arretrati li jridu jinħarġu fir-rigward ta’ dan l-individwu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid min hu meqjus bl-istatus ta' single għall-finijiet tat-taxxa fuq l-income, meta jkun qed jagħti manteniment għat-tfal, kemm f'każi ta' annullament, separazzjoni u anke fejn hemm ulied li twieldu barra ż-żwieġ?
Jista' jgħid ukoll min hu meqjus b'miżżewweġ għal finijiet ta' taxxa fuq l-income meta jkun qed jagħti manteniment għat-tfal fil-każi msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ħlas ta’ manteniment għat-tfal ma għandu l-ebda rilevanza għat-tax status ta’ persuna. Ir-rilevanza hija fir-rigward tad-deduzzjoni li wieħed jista’ jitlob. Ġenitur separat jew bi żwieġ annulat jew b’ulied barra miż-żwieġ ikun meqjus “persuna waħedha” u ntaxxat bħala “single” meta ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ “ġenitur wieħed”. Dawn il-kundizzjonijiet huma li: jkun qed imantni wild taħt is-sittax-il sena (ħlief meta dan ikun student full-time jew bi bżonnijiet speċjali); id-dħul ta’ dan il-wild ma jaqbiżx l-Lm1,000; il-ġenitur ikollu d-dritt għaċ-children’s allowance; il-ġenitur ma jkunx qed jirċievi għajnuna finanzjarja mingħand il-ġenitur l-ieħor dwar l-istess wild; il-ġenitur ma jkunx qed jgħix fl-istess dar mal-ġenitur l-ieħor.
Persuna miżżewġa li tgħix mal-konjugi tagħha titqies bħala miżżewġa bit-threshold u r-rati ta’ taxxa ta’ miżżewġa, u ma tistax tingħata ukoll id-deduzzjoni għall-ħlasijiet ta’ manteniment.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-gaming authority se tibda toħroġ hi l-biljetti tat-tombla? Jekk dan hu minnu, se jingħata chance lil min għandu stockta' biljetti biex ikun jista' jużah?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gaming Authority qegħda preżentament tirrevedi r-Regolamenti tal-Bingo Halls Kummerċjali. Dawn ir-Regolamenti mistennija joħorġu għall-pubbliku qabel l-aħħar ta’ din is-sena. L-Awtorità għandha l-ħsieb li tippublika l-biljetti tat-tombla fuq security paper biex b’hekk tassigura li l-biljetti huma validi u vverifikati mill-Awtorità bħalha ġusti u korretti. Għal dan il-għan l-Awtorità ltaqgħat ma’ l-operaturi kollha tal-Bingo Halls biex tivverfika l-istock medju tal-biljetti. Mill-informazzjoni miġbura l-Awtorità ser tagħti l-perjodu massimu qabel ma jiġu ntrodotti l-biljetti ġodda u għaldaqstant tagħti ċans biex l-istock preżenti jispiċċa.
Privatizzazzjoni tal-lottu — Fund biex tingħata għajnuna lil għaqdiet filantropiċi
Question
Billi skond il-liġi tal-privatizzazzjoni tal-lottu kellu jinħoloq fund biex jgħin għaqdiet filantropiċi, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk dan il-fund ġiex imwaqqaf u jekk iva, ġewx stabbiliti l-kondizzjonijiet dwar min se jiġi megħjun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’referenza għall-Parti X Sezzjoni 50(7) ta’ l-Att dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor, ġie maħluq fond imsejjaħ “National Lotteries Good Causes Fund” u dan huwa mmexxi minn Kumitat appuntat mill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi skond l-istess Att.
Persuni, organizzazzjonijiet, korpi u entitajiet bi skop reliġjuż, filantropiku, soċjali, kulturali, sportivi, u edukattivi, jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern flus bħala eco tax kif ukoll VAT fuq l-istess eco tax?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-EKO-Kontribuzzjoni kemm ilha li ġiet introdotta kien kif ġej:
F’Diċembru 2004 Lm 370,845
Mill-1 ta’ Jannar sal -21 ta’ Lulju 2005 Lm1,950,865
Rigward il-VAT li nġabret fuq l-EKO-Kontribuzzjoni, d-Dipartiment tal-VAT ma jżommx records dwar dan. Il-VAT titħallas fuq l-ammont sħiħ tal-valur ta’ l-oġġett, li jinkludi wkoll l-EKO-Kontribuzzjoni.
Barra minn hekk ċerti prodotti li fuqhom hija mposta l-EKO-Kontribuzzjoni għandhom ir-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 5%.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 13559, jista' il-Prim Ministru jgħid x'jisimhom iż-żewġ kandidati li ntgħażlu biex imorru l-Ecole Nationale d'Administration u x''inhuma l-kwalifiki tagħhom fil-Franċiż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s’issa l-Awtoritajiet Franċiżi aċċettaw ż-żewġ kandidati li kienu Ms Joanne Mercieca u Dr Stephen Mamo
Jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont tal-persuni li kienu diġa' ħallsu l-VAT 95 (VAT01) qabel ma ħarġet l-iskema mill-ministeru tal-finanzi, liema skema ħafret id-90% tal-penali li kienet dovuta mill-persuni li kienu għadhom ma ħallsux il-VAT tagħhom? Kemm huwa l-ammont li tħallas bħala penali minn dawk il-persuni li ma bbenefikawx minn din l-istess skema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba li hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qrati u l-każ għadu sub judice, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Kumissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Każ b'referenza 3015
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-każ bir-riferenza 3015 (dettalji tal-persuna qed jidhru separatament) ta' l-Uffiċċju tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji Qrati Superjuri, qatt ma nqata' u għaldaqstant qatt ma ngħata kumpens xieraq u ġust lil min sofra telf fil-beni tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji kienet ħadet deċiżjoni fuq il-każ li qed tagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex ir-rebbieħ tal-lotterija nazzjonali li dettalji dwaru qegħdin jintbagħtu separatament, għadu ma ngħatax il-premju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant jifhem li dan kien każ fejn kienu nvoluti proċeduri legali. Issa li hemm deċiżjoni tal-qorti, il-ħlas tal-premju se jsir mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tal-gvern siefru fuq xogħol matul is-sena 2004? F'liema pajjiż marru? Kemm minnhom ivvjaġġaw economy class u kemm minnhom business class/club class? Kemm siefru aktar minn darba, darbtejn, tliet darbiet, erba' darbiet u aktar? Kemm ħadu allowances? Kemm kienet l-ispiża totali għall-Gvern Malti? Kemm total ta' ġranet damu msiefra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tiegħi.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ħafna mit-tagħrif mitlub sa Novembru 2004 fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi ngħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9153.
Għall-perjodu ta’ Diċembru 2004, inħoss li l-interess li jista’ jkun hemm fit-tagħrif addizzjonali ma jiġġustifikax ix-xogħol involut fil-ġbir tiegħu. Ninsab assigurat li s-safar kollu li sar, ġie awtorizzat skond il-proċeduri tal-gvern.