Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16223 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Ħarba ta' ħabsin - Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestietx l-inkjesta dwar il-ħarba mill-ħabs ta' erba' ħabsin li saret xi ġimgħat ilu? X'kienu l-konklużjonijiet ta' din l-inkjesta? Għandu xi ħadd jieħu r-responsabbilta' ta' din il-ħarba? Jista' l-Ministru jikkonsidra li d-direttur tal-ħabs preżenti, li kemm ilu jmexxi l-ħabs hu ħarba minn Malta t-traffikant Libjan tad-drogi u dawn l-aħħar erba' ħabsin, għandu jintalab jirriżenja minn direttur?

Response (BORG, TONIO)

L-Inkjesta Maġisterjali dwar il-ħarba mill-Ħabs ta` erba` ħabsin għadha ma ġietx konkluża. Ir-rapport tad-Direttur skond kif jirrikjedi regolament 89(5) tar-Regolamenti tal-Ħabs ġie konkluż u mgħoddi lili bħala l-Ministru responsabbli u l-Avukat Ġenerali. Inħoss li wieħed m`għandux jitkellem dwar responsabbiltajiet qabel ma jikkonkludi l-Maġistrat Inkwirenti. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Nru. 15499.
Leg 9 PQ #16141 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kemm-il ċitazzjoni inħarġet mill-pulizija għaliex: (1) sewwieqa ta' muturi ma kenux liebsin l-elmu? U anke passiġġieri; (2) sewwieqa ta' vetturi ma kenux liebsin is-seat belt; u (3) passiġġieri f'vetturi ma kenux liebsin is-seat belt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej : Irkib ta` mutur mingħajr elmu * 10 Sewwieqa ta` vetturi mingħajr seatbelt 1,688 Passiġġier f`vettura mingħajr seatbelt 161 * Statistika ma tinżammx separatament għal sewwieq/passiġġier
Leg 9 PQ #16167 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Mqabba — Uffiċjal

Question

Jista' l-Ministru jara li fl-Imqabba, ħdejn l-iskola u ħdejn il-mużew, jitpoġġa pulizija fuq skeda ta' kuljum peress illi kemm ilu li ġie effettwat it-transfer lill-uffiċjal inkarigat, dawn iż-żewġ lokalitajiet saru perikolużi u mhux qed tinżamm ftit dixxiplina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-lokalita` li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qed ikun hemm pulizija dettaljat mat-tfal ta` l-iskola, filwaqt li l-pulizija tad-distrett ingħataw struzzjonijiet biex kemm jista` jkun jagħmlu r-ronda spiss fil-ħin tal-mużew.
Leg 9 PQ #16242 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Kalkara tal-ġir

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn sar survey tal-proprjeta' li kienet iservi bħala kalkara tal-ġir f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li la t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern u lanqas l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma għamlu xi survey fis-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #16031 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Klieb iħammġu barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni, li ħallew il-klieb tagħhom iħammġu barra, mill-gwardjani lokali s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #16114 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

B'Kara — Festa ta' Sant'Antnin

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex inżamm il-permess tan-nar tal-festa ta' Sant'Antnin, B'Kara li sejra ssir nhar il-Ħadd 28/5/2000 u l-festa tibda fit-22/5/2000 meta l-permessi mitluba saru kollha skond kif titlob il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ġew ippreżentati lill-Pulizija nhar il-Ġimgħa 12 ta` Mejju 2000 u għadhom qed jiġu pproċessati. Ninsab infurmat ukoll li peress li s-sena l-oħra kien hemm ilmenti dwar il-ħruq tan-nar mill-postijiet minn fejn qed ikun propost li jkun maħruq in-nar, intalab il-parir tal-grupp ta` esperti dwar l-applikazzjonijiet imsemmija kif stipulat fir-regolamenti 15 u 16 ta` l-Avviż Legali 243 ta` l-1998 u skond kif ġie rakkomandat mill-Ombudsman is-sena l-oħra f`każijiet simili. Il-permessi joħorġu wara r-rakkomandazzjoni ta` dan il-grupp.
Leg 9 PQ #16132 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Stadium Nazzjonali — Sliema W. vs Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni waqt u wara l-logħba ta' nhar il-Ħamis, 11 ta' Mejju bejn Sliema W. u Valletta fl-istadium nazzjonali? X'kien in-numru ta' vetturi li ġarrbu ħsarat waqt it-tfigħ ta' ġebel u fliexken wara din il-partita? Il-pulizija, għaliex ma neħħietx nies li kienu qed jostakolaw il-ħruġ ta' nies u vetturi mill-parking tal-VIP fejn kellhom jistennew aktar minn siegħa biex joħorġu minn hemm? Għaliex ma kienx hemm preżenza tal-SAG li tant spikkaw fl-aħħar logħbiet li saru? Din il-logħba ma kenitx meqjusa bħala waħda li taħraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b`konsegwenza ta` l-inċidenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kien hemm persuna li ġiet miżmuma mill-Pulizija fl-Istadium. Din il-persuna tressqet ukoll quddiem il-Qorti. Il-Pulizija għadha sejra bl-investigazzjonijiet tagħha u hu mistenni li jitressqu aktar persuni quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll li wara li spiċċat il-logħba, kontinġent ta` Pulizija li kienu ġewwa l-Istadium, inħarġu barra ħdejn il-parking tal-VIP area, fejn ġiet ikkontrollata s-sitwazzjoni u anke tneħħew xi nies li kienu fil-viċin. Fl-ebda ħin ma nżammu xi nies milli jitilqu, imma kien hemm min iddeċieda li ma jitlaqx mill-ewwel. Aktar tard kien hemm 13-il persuna li għamlu rapport lill-pulizija li l-vetturi tagħhom ġarrbu ħsarat filwaqt li kienu pparkjati fil-viċinanzi ta` l-Istadium. Id-deployment ta` pulizija għall-manifestazzjonijiet pubbliċi isir skond kif tkun antiċipata li ser tkun is-sitwazzjoni, fejn f`dan il-każ ma kenitx meqjusa li kien hemm tali ħtieġa. Fil-fatt din ma kenitx l-unika darba li ma kienx hemm presenza ta` l-S.A.G. waqt logħob ta` din l-entita.
Leg 9 PQ #16138 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Imdina — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-pulizija f'dawn l-ewwel tlett xhur tas-sena għaliex vetturi daħlu l-Imdina illegalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel tlett xhur ta` din is-sena kien hemm 50 persuna li ingħataw ċitazzjoni talli kisru r-regolamenti dwar restrizzjoni ta` dħul u passaġġ fl-Imdina.
Leg 9 PQ #16139 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Imdina — Vetturi kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija mhux qed tieħu azzjoni kontra dawk il-vetturi kummerċjali li biex iħotti l-merkanzija qed jimblukkaw it-triqat tal-Imdina għal ħin konsiderevoli peress li kostitwenti tiegħi qed jilmentaaw li dan qed isir fuq bażi regolari u ma jkunux jistgħu jgħaddu bil-vetturi tagħhom minħabba dawn il-vetturi kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ma kelliex rapporti dwar l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Minkejja dan, il-Pulizija tal-lokal ġew mogħtija struzzjonijiet sabiex jgħassu ħalli ma jkunx hemm dan l-abbuż.
Leg 9 PQ #16146 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Monti — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għal bejgħ fuq il-monti mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? X'inhi l-proċedura biex wieħed japplika għall-permess biex ibigħ fuq il-monti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ma nħarġux permessi mill-Pulizija għall-bejjiegħa fuq il-Monti. Fil-preżent mhumiex jintlaqgħu applikazzjonijiet għal dan il-ġeneru ta` negozju.
Leg 9 PQ #16153 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Business land deals

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14098, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħarraf liema huma l-intrapriżi ekonomiċi li jistgħu jespandu fuq art adjaċenti tal-gvern, u li: i) fl-1998 ir-rati tal-ħlas kull tomna kienu żdiedu; u ii) x'inhuma l-kundizzjonijiet li nbiddlu?

Response (BORG, TONIO)

L-intrapriżi ekonomiċi li jistgħu jespandu fuq art adjaċenti tal-Gvern huma dawk li jissodisfaw l-artiklu 3(b) jew l-artiklu 4(c) tal-Policy dwar it-Trasferiment ta` Art tal-Gvern li ġiet approvata minn din il-Kamra għall-għanijiet ta` l-Artiklu 3(i)(b) ta` l-Att ta` l-1976 dwar it-Trasferiment ta` Artijiet tal-Gvern. Ma nbidlu l-ebda kundizzjonijiet mill-1998 `l hawn ħlief illi l-valur ta` l-art mitluba għall-espansjoni qiegħed jiġi ffissat skond il-każ u mhux skond rata fissa.
Leg 9 PQ #16196 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mobile masts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal installazzjoni ta' mobile masts? Jista' jgħid, skond l-applikazzjonijiet, f'liema lokalitajiet hemm il-ħsieb li dawn il-mobile masts jitwaħħlu u minn min huma sottomessi dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal antennae tat-telefonija ċellulari, minħabba li 'mobile masts' tfisser arbli li jistgħu jiċċaqalqu, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha 44 tali applikazzjoni pendenti. Id-dettalji mitluba dwarhom hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16211 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuni, li dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, ma ngħatawx iċ-ċittadinanza Maltija ġaladarba dawn ilhom Malta 'l fuq minn 25 sena, b'ulied Maltin u anke miżżewġin lill-Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kienet il-mara biss u binha li fl-1993 kienu għamlu talba biex jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija. Il-koppja konċernata, li għandhom ħamest itfal, m`għandhomx ulied imwielda Malta. Niġbed l-attenzjoni ta` l-Onor. Interpellant għall-fatt li ż-żmien li persuna tkun ilha tgħix Malta mhux l-uniku fattur konsidrat fl-għoti taċ-ċittadinanza Maltija.
Leg 9 PQ #16235 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — North Harbour Local Plan

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-draft "North Harbour Local Plan" li għadu kif ġie pubblikat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Local Plan Unit ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar bagħat kopja tad-draft tal-'North Harbour Local Plan' lill-Membri Parlamentari kollha. Madankollu qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja oħra tad-draft imsemmi.
Leg 9 PQ #16247 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Valletta — Triq Sant'Ursola - Fond Nru. 212

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16088, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali, u cioe: Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħata l-post Nru.212, Triq Sant'Ursola, Valletta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond ir-records tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-post li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti mhux proprjeta` tal-Gvern.
Leg 9 PQ #15831 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Sistema CCTV

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk parti sostanzjali mis-sisteam CCTV tas-sigurta' tal-ħabs ta' Kordin li swiet 'il fuq minn Lm100,000 u li taqa' taħt ir-responsabbilta' diretta taċ-Chief Security Officer tal-ħabs is-surġent Bernard Zahra, kenitx tiffunzjona jew le, meta saret l-aħħar ħarba ta' erba' priġunieri mill-ħabs ta' Kordin f'Marzu li għadda? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li eżatt wara l-ħarba inġiebu it-technicians biex jirranġaw is-sistema CCTV? Jista' jgħid kemm fil-fatt kienet ilha bil-ħsara din is-sistema qabel ma' itteħdet azzjoni biex tiġi rranġata? F'dan il-kuntest, jista' jgħid x'passi se jittieħdu kontra min hu responsabbli għal dan in-nuqqas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dakinhar tal-ħarba ta` l-erba` priġunieri mill-ħabs ta` Kordin f`Marzu li għadda, is-sistema tas-C.C.T.V. kienet qed tiffunzjona kollha kemm hi. Ninsab infurmat ukoll li fit-3 ta` April 2000, technicians tal-kumpanija li stallat is-sistema għamlu xogħol fil-Ħabs fuq zoom lens ta` camera minnhom peress li din il-lenti kienet iġġamjat wara d-data tal-ħarba. Ninsab infurmat li kull meta tinqala` xi problema fis-sistema tas-CCTV jittieħdu l-passi neċessarji biex din tissolva immedjatament, tant li t-technicians tal-kumpanija għamlu x-xogħlijiet fuq is-sistema f`10 okkażżjonijiet minn Jannar sat-3 ta` Mejju ta` din is-sena.
Leg 9 PQ #15832 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Screening ta' ittri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li jintużaw mill-pulizija rigward l-iscreening ta' ittri jew pakketti suspettużi li jkunu fil-pussess tal-Posta? Jista' jgħid jekk skond il-proċeduri jintalabx ħlas mingħand min jitlob li l-posta tiegħu tkun investigata mill-pulizija jew screened bl-intervent tal-Pulizija? Jista' jgħid ukoll jekk jirriżultax li jkun hemm suspett qawwi li seta' kien hemm ittri perikolużi jew suspettużi fil-konfront ta' xi individwi xi tkun il-proċedura li timxi biha l-pulizija u jekk għal prekawzjoni jew investigazzjonijiet li jittieħdu u jsiru, jintalabx ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-screening ta` ittri u pakketti li jkunu fil-pussess tal-Posta ma jsirx mill-Pulizija.
Leg 9 PQ #15971 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Barranin - Permessi għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni minn pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea u/jew pajjiżi applikanti li għandhom permess jaħdmu Malta llum, u kemm hemm oħrajn li għandhom l-applikazzjoni pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li għandhom permess jaħdmu f`Malta u li ġejjin minn pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea hu ta` 815, filwaqt li n-numru ta` dawk ġejjin minn pajjiżi applikanti hu ta` 153. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm 955 applikazzjoni li għadhom qed jiġu pproċessati, iżda f`dan l-istadju ta` liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni.
Leg 9 PQ #16027 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hold-ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati hold ups lill-pulizija, sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16029 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Clamping/towing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew clamped u/jew towed away veijkoli din is-sena, xahar b'xahar, u fejn seħħew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.