Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #29231 Sitting 631 2001-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x' inhi l-kariga li jokkupa l-Ispettur Manuel Camilleri fl-iskola tal-bniet f' Bormla? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk dan għadux Spettur fil-Korp tal-Pulizija jew inkella qalibx għall-għalliem? Jekk fl-affermattiv x' inhi l-proċedura biex dan isir? Għaliex għadu jilbes l-uniformi ta' Spettur? Jista' l-Ministru jinnota li ħafna tfal qed jisfaw bla għalliem ħafna drabi għax dan l-individwu qed ikun għal raġuni oħra assenti mill-iskola? Jista' l-Ministru jara x' passi rimedjarji jistgħu jittieħdu peress li dan l-individwu qiegħed jieħu post għalliema oħra prospettivi meta dan diġa' jokkupa l-kariga ta' Spettur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sur Emmanuel Camilleri, applika u ġie magħżul biex jgħallem il-PSE fl-iskola sekondarja Erin Serracino Inglott wara li messu hu skond l-ordni tal-mertu ta' l-interview li kien qagħad għalih aktar qabel taħt l-awtorita` tal-PSC. Is-Sur Camilleri iggradwa PGCE u dan tah id-dritt, bħal sħabu li temmew b'suċċess dan il-kors, li japplika għall-post ta' għalliem mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Is-Sur Camilleri baqalu xi kawżi pendenti fil-qorti miż-żmien meta kien uffiċċjal fil-kamp tal-Pulizija u għalhekk għandu arranġamenti ma' l-iskola biex dawn isiru fil-free periods tiegħu, u għalhekk lezzjonijiet mhumiex qed jintilfu. Seta' kien il-każ li, sakemm irranġat ruħha t-time table, intilfu żewġ lezzjonijiet fl-ewwel jum.
Leg 9 PQ #29226 Sitting 630 2001-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28932 meta se jiltaqa' l-bord biex jagħżel id-Direttur għar-Riżorsi Umani fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċess qed jieħu l-kors normali tiegħu.
Leg 9 PQ #29117 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol għamel il-working group li twaqqaf bejn l-awtoritajiet edukattivi u rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-Knisja dwar il-każ imqajjem minni f' PQ 21701 u 20515? X' Kienu l-konklużjonijiet milħuqa? Xi ftehim intlaħaq? Jista' jpoġġi koppja tal-ftehim fuq il-Mejda? Meta se jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Working Group li kien twaqqaf iltaqa' diversi drabi. Fil-ħidma tiegħu huwa wettaq diversi konsultazzjonijiet, ġie ppreparat l-ewwel abbozz ta' rakkomandazzjonijiet, u inġabru r-reazzjonijiet għalih. Jonqos li l-Working Group jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Hu ttamat li dan il-Grupp ma jdumx ma jissottometti r-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu.
Leg 9 PQ #29118 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Minor Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi qed jittieħdu biex jiġu mneħħija mill-iskejjel u mill-kuntatt mat-tfal minor staff b' imġieba sesswali żgur mhux xieraq għall-ambjent skolastiku? Kemm kellna nċidenti ta' din ix-xorta fis-snin skolastiċi 2000, 20001 u din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu msemmi, kien hemm żewġ każi ta' membri tal-minor staff fl-iskejjel li kienu rrapputati dwar imġieba sesswali fuq il-post tax-xogħol. Qed tittieħed azzjoni skond kif provdut fir-Regolamenti tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Fl-ewwel każ ħarġet l-akkuża u l-individwu diġa` ġie trasferit f'dipartiment ieħor. Fit-tieni każ qed isiru l-investigazzjonijiet preliminarji bi preparazzjoni għall-akkuża formali.
Leg 9 PQ #29119 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Grounds — Skola

Question

Jista' l-Ministru jivverifika lmenti li qed jaslu mingħand ġenituri li jibgħatu lill-uliedhom fil-Junior Lyceum St Joseph li fil-grounds tal-iskola qed ikun hemm studenti żgħażagħ tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija li ċerta mġieba tagħhom mhix dejjem tkun adattata għal studenti sekondarja ta' dik l-eta'? X' passi se jittieħdu biex ma jkunx hemm dan it-taħlit bejn l-istudenti sekondarji u post-sekondarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-fatt diġa' qed jiġu kkunsidrati proposti li saru mill-Kap ta' l-iskola St Joseph Junior Lyceum dwar miżuri biex din il-kwistjoni tiġi regolata.
Leg 9 PQ #29210 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Minor Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex minor staff li ntbagħtu fl-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar u li għandhom problemi ta' vjolenza ta' xorb u ta' drogi ma jibqgħux jaħdmu fl-iskola biex ma jkunux f' kuntatt mat-tfal għal raġunijiet ovvji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li malli s-sezzjoni tal-Procurement u Administration ġiet informata bl-inċident li sar fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar in-nies involuti f'dan il-każ ġew imneħħija u ser jgħaddu Bord ta' Dixxiplina. Fl-istess ħin intbagħtet ittra lill-Management and Personnel Office biex dawn in-nies jiġu trasferiti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #29211 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal ta' l-Iskola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex tfal li jattendu l-iskola Primarja ta' Tas-Sliema ma jitħallewx ħin twil fit-toroq madwar l-iskola qabel tibda l-iskola b' periklu għalihom minħabba l-ħafna karozzi li jgħaddu mill-inħawi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ttieħdu passi u twaħħlu sinjali biex it-triq ta' quddiem l-iskola tingħalaq bejn it-8.00 - 8.45a.m. u bejn is-14.00 - 14.45p.m. Il-pulizija jkun preżenti f'dawn il-ħinijiet u joqgħod f'kantuniera fejn il-karozzi jinżammu milli jidħlu. L-iskola wkoll għandha 'No entry sign' u jitpoġġa fil-post meħtieġ.
Leg 9 PQ #29222 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid f' dawn l-aħħar xahrejn saru laqgħat bejn id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-Awtoritajiet dwar il-problemi li jinqalgħu minħabba li nhar ta' Tlieta jarma is-suq fil-Birgu? Id-Diviżjoni qed jkolla xi kuntatti mar-rappresentanti tal-bejjiegħa tas-suq imsemmi dwar din il-kwistjoni? B' liema riżultat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja ma tikkonċernax lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'tali mod li hi tagħmel kuntatt mal-bejjiegħa tas-sut ta' Bormla. Il-bejjiegħa konċernati għandhom permessi maħruġa regolarment mill-awtoritajiet kompetenti. Il-Ministeru tiegħi u s-Segretarjat Parlamentari fil-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi ilna niddiskutu l-aspetti tal-problema u x'soluzzjoni tista' tiġi adottata meta darba fil-ġimgħa filgħodu jarma dan is-suq.
Leg 9 PQ #28333 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tgħallim ta' l-Ingliz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' lmenti li saru minn studenti barranin fil-konfront ta' skejjel li jagħllmu l-Ingliz fix-xhur Mejju-Awissu 2001? X'tip ta' lmenti saru passi ttieħdu f'dawn il-każi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu Mejju - Awissu 2001 kien hemm ilment wieħed mill-Avv Mauro Arie għan-nom ta' żewġ studenti Taljani kontra l-familja li kienu joqogħdu magħha li, skond hu, ttrattathom ħażin. L-azzjoni ttieħdet mill-Bord tat-Turiżmu li hu responsabbli għal-liċenzji biex familji jilqgħu għandhom studenti barranin. Ir-riżultat kien li din il-familja ġiet 'black listed' u tilfet il-liċenzja biex tista' żżomm studenti barranin.
Leg 9 PQ #28582 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji ddaħħlu l-istudenti li bdew il-kors ma' l-Istitut tal-Arti u Disinn tal-MCAST? Xi kwalifiki kellhom l-istudenti magħżula u x'kellhom dawk li ma ntażlux? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi ta' l-istudenti li ntgħażlu li ġew rifjutati?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi għal kull kors offrut kemm kien hemm applikanti, kemm attwalment bdew isegwu l-korsijiet, u kemm għad hemm fuq il-waiting lists. Din l-informazzjoni hija dik kif kienet fid-19 ta' Ottubru, 2001. Fil-każ ta' kull kors fejn kien meħtieġ li tiġi stabbilita ordni tal-mertu, ir-Reġistratur ta' l-MCAST ippubblikat l-ismijiet ta' l-applikanti bil-marki allokati u l-ordni tal-mertu fuq in-notice board tal-Kulleġġ f'Kordin. L-applikanti nfushom, kemm dawk aċċettati u kemm dawk li ma ġewx offruti post, jistgħu jivverifikaw il-marki allokati, maħduma skond kif spjegat fil-prospectus, mal-kwalifiki li huma kienu ippreżentaw ma' l-applikazzjoni. F'każ ta' diffikulta` l-applikanti jistgħu jirreferu fl-Uffiċju tar-Reġistratur għal sodisfazzjon.
Leg 9 PQ #29033 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu awtorizzat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada biex jiffirma għall-ħlassijiet li jsiru mill-Fondazzjoni? Jista' jgħid s'issa kemm ħarġet ħlassijiet il-Fondazzjoni u mill-liema vot saru? Min, f'kull każ, iffirma għal dawn il-ħlassijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sakemm jiġi formalment maħtur id-Direttur Eżekuttiv, id-diretturi kollha tal-Fondazzjoni Għall-iskejjel ta' Għada għandhom l-awtorita` biex jifirmaw iċ-ċekkijiet tal-Fondazzjoni, skond resoluzzjoni meħuda mill-istess Bord ta' Diretturi. Il-ħlasijiet li saru s'issa tħallsu mill-fondi li ngħatat lill-Fondazzjoni mat-twaqqif tagħha, u mill-vot kapitali "Schools Buildings and Refurbishement" fil-każ ta' xogħol li sar fl-iskola sekondarja tas-subien Sir Temi Żammit fl-Imtarfa. Informat ukoll li l-ħlasijiet li saru s'issa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada kienu kif ġej: a) Skola Sekondarja Sir Temi Żammit Mtarfa Lm57,975 b) Sandhurst Blanche Street, Pembroke Lm 6,153.96 c) Amministrazzjoni Lm 9,873.87 L-informazzjoni l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija hija kkonsidrata ta' natura kummerċjali, u għalhekk ma' nħossx li għandha tingħata.
Leg 9 PQ #29034 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Refrigeration u Air Conditioning

Question

Peress li wasalna f'nofs Ottubru u l-istudenti għadhom ma ġewx infurmati, meta se jibda l-kors fir-Refrigeration u l-Air Conditioning ? X'qed iżomm mill jibda dan il-kors biex ikun jistgħu jkomplu jattendu fih dawk li suppost diġa bdew it-tieni sena tal-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Tieni sena ta' dan il-kors, l-istudenti ġew mgħajjta nhar il-Ġimgħa 26 ta' Ottubru filgħodu u l-kors kompla l-bieraħ it-Tnejn 29 ta' Ottubru u llum it-Tlieta 30 ta' Ottubru 2001. L-istudenti jibdew jattendu f'dawn il-ġranet kull ġimgħa. L-ewwel sena ta' dan il-kors l-istudenti ġew mgħajjta l-bieraħ 29 ta' Ottubru u ser jibda minn nhar il-Ġimgħa 2 ta' Novembru 2001 'l quddiem.
Leg 9 PQ #29069 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni fuq impjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu saru matul din is-sena? Min qed ikun inkarigat minn dan ix-xogħol u kemm hemm impjegati li qed jaħdmu bħala jew iservu ta' inspectors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kemm fid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi, Uffiċju tas-Segretarju Parlamentari, Dipartiment taż-Żgħażagż u Sport, Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji kif ukoll fid-Dipartiment tal-Kultura din is-sena ma saret ebda spezzjoni, u f'dawn id-Dipartimenti ma hemmx impjegati li jaħdmu jew iservu ta' Inspectors. Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, li jagħmel parti mill-Ministeru u għandu l-Quality Service Charter li jżomm l-impjegati marbutin bih. Id-Direttur u l-Assistent Direttur iżommu kuntatt regolari ma' kull taqsima biex jaraw li x-xogħol jitwettaq. F'dan id-Dipartiment ma hemmx persuni impjegati sabiex iservu ta' Inspectors. Informat ukoll li fil-bidu ta' din is-sena saret inspection waħda mill-Officer in Charge Minor fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Din saret għax kien hemm raġuni, pero` fid-Diviżjoni ma hemmx Inspectors biex jagħmlu dan ix-xogħol. Fid-Dipartiment tal-Mużewijiet, s'issa spezzjonijiet fuq impjegati qed isiru b'mod regolari mill-AFM. Dawn l-ispezzjonijiet isiru kuljum. Inkarigat hemm l-uffiċjal inkarigat mill-'personnel' u hemm jgħinuh tlett persuni oħra. Ser isiru aktar spezzjonijiet, din id-darba mid-Dipartiment tal-Mużewijiet stess.
Leg 9 PQ #29113 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm fl-investigazzjoni dwar il-każ li saret referenza għalih f' PQ 27465 fid-Dipartiment tal-Mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Għal issa m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27465.
Leg 9 PQ #29114 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema sillabi qed jaħdmu l-istituti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta' dawn is-sillabi tal-korsijiet differenti li qed joffri dan il-Kulleġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi li l-Istituti ta' l-MCAST qed jaħdmu fuq sillabi stabbiliti minn: a) 'examining bodies' barranin u lokali, b) l-iskejjel post-sekondarji li kienu jaqgħu fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, immarkati (1) u c) mill-MCAST, immarkati (2). Stante il-voluminostia` tagħhom, is-sillabi huma aċċessibbli mill-Uffiċċju tar-Reġistrar fil-Kulleġġ.
Leg 9 PQ #29115 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Xogħol ta' Bini u Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li hemm ilmenti minn ġenituri li jibagħatu lil uliedhom fl-iskola Primarja ta' San Ġiljan li t-tfal qed ikollhom problemi minħabba trabijiet f' xogħolijiet li qed isir fl-iskola, x'xogħlijiet qed isiru peress li m'hemmx referenza għal din l-iskola fit-tweġiba għall-PQ 28551?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'nofs Ottubru 2001 beda x-xogħol ta' tħejjija għall-proġett fuq il-faċċata ta' l-iskola Primarja ta' San Ġiljan. Dan il-proġett m'hemmx referenza għalih fit-tweġbia għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28551 għaliex fil-fatt ix-xogħol tal-kostruzzjoni kien għadu ma bediex. Sal-lum dan ix-xogħol lanqas għadu beda. Li sar s'issa huma xogħol ta' boarding. Sabiex meta jibda x-xogħol tal-bini tal-faċċata, it-tfal ikunu mħarsa mit-trabijiet li jistgħu jirriżultaw, il-kuruduri se jiġu magħluqa fuq barra bl-injam mill-art sas-saqaf. Dan hu x-xogħol li qed isir issa u skond l-awtoritajiet ta' l-iskola sal-lum ma kellhomx lmenti mill-ġenituri. L-awtoritajiet ta' l-iskola u l-ġenituri jridu li dan il-proġett isir għaliex b'hekk it-tfal se jkunu mħarsa mill-elementi speċjalment matul ix-xhur tax-Xitwa. Jafu li dan il-proġett, li se jitwettaq mill-Kumpanija Kalaxlokk, se jieħu madwar sitt xhur biex jitlesta. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi kollha biex tnaqqas kemm jista' jkun l-inkonvenjent u tħares lil kull min juża din l-iskola minn kull periklu assoċjat ma' dan it-tip ta' xogħol.
Leg 9 PQ #29116 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 20516 jista' jgħid għas-sena skolastika 2000 - 2001 u 2002 kemm kien hemm studenti, skola bi skola, li daħlu fl-iskejjel tal-Knisja skond ''id-diskrezzjoni ta' l-istess kap ta' l-iskola konċernata''?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel tal-Knisja għandhom l-awtonomija u l-kriterji tagħhom fid-dħul tat-tfal fl-ewwel klassi tal-"Kindergarten", fl-ewwel klassi tal-Primarja u l-ewwel form tas-Sekondarja. Dawn isiru permezz tal-polza jew bl-eżami skond il-każ. Fil-każ ta' klassijiet ogħla minn dawk tad-dħul, fejn ma japplikawx il-polza u l-eżami, din l-awtonomija u l-kriterji tad-dħul hi f'idejn il-kapijiet ta' l-iskejjel konċernati. Dan id-dritt ta' l-awtonomija u l-kriterji tad-dħul hu rifless fl-artiklu 3 tal-ftehim Knisja u l-Istat ta l-1991.
Leg 9 PQ #29150 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti li qed jiġu mgħallma fil-Junior College fis-sena skolastika 2001/2002? Kemm hemm studenti li qed jattendu għal kull suġġett, bħala first years u bħala second years? Kemm hemm tfajliet u kemm hemm ġuvintur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-suġġetti li qed jiġu mgħallma fil-Junior College fis-sena skolastika 2001/02 huma dawn: Accounts, Applied Mathematics, Arabic, Art, Biology, Chemistry, Computing, Engineering Drawing/Graphical Communication, English, Economics, Environmental Science, French, Geography, German, History, Home Economics and Human Ecology, Information Technology, Italian, Maltese, Marketing, Music, Philosophy, Physics, Pure Mathematics, Religious Knowledge, Sociology, Spanish u Systems of Knowledge. Statistika ta' kemm hemm studenti li qed jattendu għal kull suġġett, bħala First Years u bħala Second Years, kemm tfajliet u kemm ġuvintur, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #29219 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Superviżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' superviżjoni qed issir ma' l-istudenti li jattendu l-iskola Ġużeppi Despott f' Bormla meta jkunu qed jistennew il-privates wara li jtemmu l-iskola? Jista' l-Ministru jara ma' l-awtoritajiet konċernati biex dan l-istess post fejn jkunu qed jistennew l-istudenti jitnaddaf mill-iskart li jinġemma' hemm u li dan isir b' mod regolari għaliex jista jkun hemm ħsara għas-saħħa ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #29220 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-awtoritajiet ta' l-Universita' jikkunsidraw li l-eżami tal-Malti fil-livell SEC jinqasam f' dak tal-lingwa u ieħor tal-letteratura - żewġ eżamijiet - kif isir fl-Ingliż? Jista' l-Ministru jikkonferma li perċentaġġ għoli ta' dawk l-istudenti li jeħlu huwa minħabba li jmorru ħażin fil-letteratura u allura jekk isru żewġ eżamijiet jkun hemm studenti li almenu jkunu għaddew mil-lingwa Maltija u mhux jispiċċaw l-iskola mingħajr ebda ċertifikat fil-Lingwa Nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord tal-MATSEC qed jistudja proposta bħal din. Biex wieħed iqabbel kif qiegħdin imorru l-istudenti fl-ewwel karta (li hi lingwa) u t-tieni karta (li hi letteratura), wieħed irid jistudja l-korrelazzjoni ta' bejniethom, kif se nsemmi f'din it-tabella: Il-Korelazzjoni bejn l-Orali u l-ewwel Karta u t-tieni Karta u t-totali Karta 1 u 2A ORALI : KARTA 1 0.35 ORALI : KARTA 2A 0.29 ORALI : TOTAL 0.43 KARTA 1 : KARTA 2A 0.71 KARTA 1 : TOTAL 0.85 KARTA 2A : TOTAL 0.93 Karta 1 u 2B ORALI : TOTAL 0.42 ORALI : KARTA 1 0.34 ORALI : KARTA 2B 0.28 KARTA 1 : KARTA 2B 0.64 KARTA 1 : TOTAL 0.83 KARTA 2B : TOTAL 0.91 Din it-tabella turi li: * Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma żgħira, bejn l-Orali, u l-ewwel karta, it-tieni karta u t-totali. Dan jiġri għaliex qegħdin neżaminaw żewġ fatturi differenti tal-lingwa: Il-lingwa mitkellma u l-lingwa miktuba. * Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma ferm akbar minn dik ta' qabilha, bejn l-ewwel karta u t-tieni karta. Dan ifisser li min imur tajjeb fl-ewwel karta (il-lingwa) aktarx qiegħed imur tajjeb ukoll fit-tieni karta (il-letteratura). Daqstant ieħor min imur ħażin fil-lingwa aktarx imur ħażin ukoll fil-letteratura. * Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma aktar qawwija mill-oħrajn, bejn l-ewwel karta, u t-tieni karta separatament mat-totali (Orali + lingwa + letteratura). Dan ikompli juri li min imur tajjeb fl-ewwel karta aktarx imur tajjeb ukoll fl-eżami kollu. Minn dan wieħed jasal biex jikkonkludi li min qiegħed imur ħażin fl-eżami, aktarx li jkun batut fit-tlett taqsimiet (Orali, lingwa u letteratura), u mhux fil-letteratura biss.